Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0224

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l- 4 ta' April 2007 li tikkonċerna l-pubblikazzjoni tar-referenza ta' l-istandard EN 71-1:2005 Sikurezza tal-Ġugarelli – Parti 1: proprjetajiet mekkaniċi u fiżiċi fir-rigward tal-kondizzjonijiet tekniċi dwar missili fil-ġugarelli li għandhom diska tal-lastku bħala parti li tieħu l-impatt bi qbil mad-Direttiva tal-Kunsill 88/378/KEE dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (notifikat bid-dokument numru C(2007) 1460) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 96, 11.4.2007, p. 18–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 219M, 24.8.2007, p. 467–469 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/224/oj

    24.8.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    467


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    ta' l-4 ta' April 2007

    li tikkonċerna l-pubblikazzjoni tar-referenza ta' l-istandard EN 71-1:2005 “Sikurezza tal-Ġugarelli – Parti 1: proprjetajiet mekkaniċi u fiżiċi” fir-rigward tal-kondizzjonijiet tekniċi dwar missili fil-ġugarelli li għandhom diska tal-lastku bħala parti li tieħu l-impatt bi qbil mad-Direttiva tal-Kunsill 88/378/KEE dwar is-sikurezza tal-ġugarelli

    (notifikat bid-dokument numru C(2007) 1460)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2007/224/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsilll 88/378/KEE (1) tat-3 ta' Mejju 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet fl-Istati Membri li jikkonċernaw is-sikurezza fil-ġugarelli, u b'mod partikolari it-tieni sottoparagrafu ta' l-Artikolu 6(1) tagħha,

    Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti stabbilit mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/34/KE (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-Servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE (3) (Kumitat dwar l-istandards u r-regolamenti tekniċi),

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva 88/378/KEE jipprevedi li l-ġugarelli għandhom jitqiegħdu fis-suq biss jekk ma jipperikolawx is-sikurezza u/jew is-saħħa ta' min jużahom jew ta' partijiet terzi meta jintużaw b'mod li jista' jiġi previst, filwaqt li tittieħed dejjem in konsiderazzjoni l-imġiba normali tat-tfal.

    (2)

    Skond l-Artikolu 5(1) tat-tieni sottopargrafu tad-Direttiva 88/378/KEE, huwa preżunt li l-ġugarelli jikkonformaw mal-kondizzjonijiet essenzali msemmija fl-Artikolu 3 ta' din id-Direttiva jekk ikunu b'konformità ma' l-istandards nazzjonali applikabbli għalihom li jittrasponu l-istandards armonizzati, li n-numri tar-referenza tagħhom ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    (3)

    Skond l-Artikolu 5(1) it-tieni sottoparagrafu tad-Direttiva 88/378/KEE, l-Istati Membri huma meħtieġa li jippublikaw in-numri ta' referenza ta' l-istandards nazzjonali li jittrasponu l-istandards armonizzati, li n-numri ta' referenza tagħhom ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    (4)

    Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) skond mandat mill-Kummissjoni, fassal u adotta standard armonizzat EN 71-1:1998 Sikurezza tal-Ġugarelli – Parti 1: “proprjetajiet mekkaniċi u fiżiċi” fil-15 ta' Lulju 1998, li r-referenzi għalihom ġew ippubblikati għall-ewwel darba fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tat-28 ta' Lulju 1993 (4).

    (5)

    Fid-19 ta' Settembru 2005, il-Kumitat Ewropew dwar l-Istandardizzazzjoni adotta l-istandard EN 71-1:2005 “Sikurezza tal-Ġugarelli – Parti 1: proprjetajiet mekkaniċi u fiżiċi” li hija verżjoni kkonsolidata ta' l-istandard armonizzat EN 71-1:1998 u l-11 –il emenda tiegħu.

    (6)

    Skond l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 88/378/KEE, l-awtoritajiet Spanjoli ressqu oġġezzjoni formali fir-rigward tal-kondizzjonijiet dwar ġugarelli li jkollhom missili b'diska tal-lastku għall-impatt li huma maħsuba għall-użu minn tfal ta' età ogħla minn tliet snin stipulat fl-istandard EN 71-1:2005. L-awtoritajiet Spanjoli jsostnu li l-istandard ma jipprovdix protezzjoni suffiċenti għal ġugarelli li jkollhom missila li jkunu maħsuba għal tfal ta' età ogħla minn tliet snin. Skond l-awtoritajiet Spanjoli, tifel li għandu iktar minn tliet snin jista' jaqla' d-diska tal-lastku minn fuq il-missila permezz ta' forza li hija ogħla minn 60 N stipulata fil-klawżola 8.4.2.3 “test għall-komponenti protettivi”.

    (7)

    L-istandard EN 71-1:2005 jistipula kondizzjonijiet differenti għall-ġugarelli li jkollhom diska tal-lastku skond l-età tat-tifel. Fir-rigward tal-ġugarelli li jkollhom diska tal-lastku għal tfal ta' taħt l-età ta' tliet snin, l-istandards jeħtieġu li “t-test tat-tensjoni” jitwettaq b'forza ta' 50 N (fil-każ li l-ogħla dimensjoni aċċessibbli hija ta' 6 mm jew inqas) jew 90 N (fil-każ li l-ogħla dimensjoni aċċessibbli hija ikbar minn 6 mm). Fir-rigward ta' ġugarelli li huma mgħammra b'diska tal-lastku bħala parti li tieħu l-impatt li huma maħsuba għal tfal ta' età ogħla minn tliet snin, l-istandard jeħtieġ fil-klawżola 4.17.1(b) li l-materjali elastiċi li jintużaw bħala uċuħ li jilqgħu l-impatt ma jistgħux jinqalgħu meta dawn jiġu ttestjati skond il-klawżola 8.4.2.3 (test tat-tensjoni, komponenti protettivi). It-test tat-tensjoni għall-komponenti protettivi speċifikat fil-klawżola 8.4.2.3. isir b'forza ta' 60 N.

    (8)

    Il-Kummissjoni ġiet infurmata dwar bosta inċidenti bil-ġugarelli li jkollhom missili b'diska ta' lastku li tilqa' l-impatt li huma maħsuba għal tfal b'età ogħla minn tliet snin. Fl-1997, tifel Żvediż ta' 9 snin miet bi fgar wara li kien qiegħed jissoffja fuq diska tal-lasktu li kien bela' inċidentalment. Żewġ fatalitajiet oħra saru fir-Renju Unit. Aktar minn hekk, il-Kummissjoni ġiet infurmata bi tmien fatalitajiet irreġistrti fl-Istati Uniti. Aktar reċentament, f'Awissu 2005, l-awtoritajiet Spanjoli infurmaw lill-Kummissjoni dwar inċident fatali li kellu tifel ta' erba' snin ikkawżat minn ġugarell qaws u fleġġa b'diska tal-lastku.

    (9)

    Id-diski tal-lastku mwaħħlin mal-ġugarelli missili huma maħsuba biex iwaħħlu l-missila ma' xi wiċċ li jaħbtu miegħu. It-twaħħil u t-tneħħija tal-missila jimplika li d-diska hija sottomessa għal stress ripetut. Aktar minn hekk. It-tfal ta' età ogħla minn tliet snin ipoġġu d-diski tal-lastku ma' ħalqhom biex ixarrbu d-diska qabel ma jwaħħluhom mal-wiċċ. Jekk id-diska mhux imwaħħla sew mal-ġugarell wieħed jista' jobsor li dawn jistgħu jinqalgħu waqt l-użu normali u prevedibbli tagħhom. Jekk id-diska tal-lastku tinqala' u tidħol kollha fil-ħalq, tista' tibblokka l-pajp tan-nifs fin-naħa ta' wara tal-ħalq u n-naħa ta' fuq tal-gerżuma b'hekk tikkawża l-fgar.

    (10)

    Skond dawn is-sejbiet, l-Istati Membri jikkunsidraw li t-tfal li għandhom età ogħla minn tliet snin għandhom jingħataw l-istess protezzjoni li tingħata lit-tfal ta' taħt l-età ta' tliet snin. B'hekk, id-diski tal-lasktu użati bħala parti għall-impatt fuq il-ġugarelli missili maħsuba għat-tfal ta' iktar minn tliet snin m' għandhomx jinqalgħu meta dawn jiġu sottomessi għat-testijiet rilevanti stipulati fil-klawżola 5.12.b ta' EN 71-1:2005, partikolarment “it-test tat-torque” (klawżola 8.3) u “test tat-tensjoni, ġenerali” (klawżola 8.4.2.1).

    (11)

    B'konsegwenza ta' dan, skond l-informazzjoni mressqa mill-awtoritajiet Spanjoli, mill-awtoritajiet nazzjonali l-oħrajn u l-Kumitat dwar l-istandards u r-regolamenti tekniċi, l-Kummissjoni tikkunsidra li l-istandard EN 71-1:2005 jippreżenta xi nuqasijiet fir-rigward tal-kondizzjonijiet tekniċi għall-ġugarelli li huma missili b'diska tal-lasktu li sservi bħala l-parti li tieħu l-impatt li huma maħsuba għat-tfal ta' età ogħla minn tliet snin.

    (12)

    Filwaqt li ssir ir-reviżjoni ta' l-istandard, u fl-interess tas-sikurezza u ċ-ċertezza legali, il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea tar-referenza għall-istandard EN 71-1:2005 għandha tiġi akkumpanjata minn avviz xieraq.

    (13)

    Fl-assenza ta' standard li jkopri r-riskju li jissemma hawn fuq u skond l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 88/378/KEE, l-Istati Membri għandhom jassumu li l-ġugarelli li jissemmew hawn fuq jissodisfaw il-kondizzjonijiet essenzjali ta' sikurezza jekk ikollhom biss ċertifikat ta' eżaminazjoni tat-tip KE maħruġ minn korp innotifikat li jikkonforma mal-mudell approvat li ġie ċċertifkat mill-għotja tal-marka KE.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fil-każ tal-ġugarelli li fihom missila bid-diska tal-lastku maħsuba għal tfal ta' età ogħla minn tliet snin, l-istandard EN 71-1:1998 “Sikurezza tal-gugarelli – Parti 1: proprjetajiet mekkaniċi u fiżiċi” kif adottat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni fid-19 ta' Settembru 2005 ma jissodisfax il-kondizzjonijiet essenzjali ta' sikurezza li jissemmew fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 88/378/KEE, partikolarment skond l-Anness II.II.I (e), sakemm dan ma jikkonċernax il-klawżola 4.17.1 (b).

    Artikolu 2

    Il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea tar-referenza ta' l-istandard EN 71-1:2005 “Sikurezza tal-ġugarelli – Parti 1: proprjetajiet mekkaniċi u fiżiċi” għandhom jiġu akkumpanjati mill-avviż adizzjonali li ġej:

    “Fil-każ tal-ġugarelli li għandhom missila bid-diska tal-lastku għall-impatt, il-kondizzjonijiet stipulati fil-klawżola 4.17.1 (b), skond liema it-test tat-tensjoni jsir skond il-klawżola 8.4.2.3, ma jkoprix ir-riskju ta' fgar ippreżentat minn dawn il-gugarelli”.

    Artikolu 3

    Avviż identiku għal dak ipporvdut fl-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni għandu jakkumpanja r-referenza għal standard nazzjonali li jittrasponi l-istandard EN 71-1:2005 “Sikurezza tal-ġugarelli – Parti 1: proprjetajiet mekkaniċi u fiżiċi”, li għandhom jiġu ppubblikati mill-Istati Membri skond l-Artikolu 5(1) it-tieni sottoparagrafu tad-Direttiva 88/378/KEE.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, 4 ta' April 2007.

    Għall-Kummissjoni

    Günter VERHEUGEN

    Viċi-President tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 187, 16.7.1988, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 93/68/KE (ĠU L 220, 30/8/1993, p. 1).

    (2)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar b'Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

    (3)  ĠU L 217, 5.8.1998, p. 18.

    (4)  ĠU L 215, 28.7.1999, p. 4.


    Top