Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R2018

    2018/2006/KE: Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2018/2006 ta' l- 20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi miżuri tranżizzjonali dwar liċenzji għall-importazzjoni tal-ħalib u prodotti tal-ħalib skont ir-Regolament (KE) Nru 2535/2001, minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea

    ĠU L 384, 29.12.2006, p. 46–47 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 330M, 9.12.2008, p. 481–482 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/12/2010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/2018/oj

    9.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    481


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 2018/2006

    ta' l-20 ta' Diċembru 2006

    li jistabbilixxi miżuri tranżizzjonali dwar liċenzji għall-importazzjoni tal-ħalib u prodotti tal-ħalib skont ir-Regolament (KE) Nru 2535/2001, minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat l-Att ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija, u b’mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu

    Billi:

    (1)

    It-Taqsima 2 tal-Kapitolu I tat-Titolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2535/2001 tal-14 ta' Diċembru 2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 fir-rigward tal-arranġamenti għall-importazzjoni tal-ħalib u prodotti tal-ħalib u biex jinfetħu kwoti tat-tariffa (1) li jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-approvazzjoni ta' applikanti għal liċenzi ta' importazzjoni. Sabiex jiġi żgurat aċċess għal operaturi mill-Bulgarija u r-Rumanija (minn hawn 'il quddiem l-“Istati Membri ġodda”) biex jimportaw liċenzi sa mid-data tal-adeżjoni ta' dawk il-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu adottati miżuri tranżitorji.

    (2)

    Għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2007 sat-30 ta' Ġunju 2007, operaturi tal-Istati Membri l-ġodda għandhom jitħallew japplikaw, għal liċenzi ta' importazzjoni taħt kwoti tat-tariffi kif imsemmija fl-Annessi għar-Regolament (KE) Nru 2535/2001, mingħajr approvazzjoni minn qabel.

    (3)

    Dawn l-operaturi għandhom jagħtu prova tal-istatus tagħhom u li ħadmu regolarment bħala negozjanti. Fir-rigward tar-rekwiżit dwar il-prova fuq il-prestazzjoni kummerċjali, l-applikanti fl-Istati Membri l-ġodda għandu jkollhom l-opportunità jagħżlu bħala s-sena ta' referenza għall-prestazzjoni kummerċjali s-sena 2005 minflok is-sena 2006 jekk jistgħu jippruvaw li ma setghux jimportaw jew jesportaw il-kwantitajiet meħtieġa ta' prodotti tal-ħalib matul is-sena 2006 minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali.

    (4)

    L-awtoritajiet tal-Istati Membri l-ġodda għandhom sal-20 ta' Jannar 2007 jgħaddu lill-Kummissjoni lista li tinkludi l-operaturi kollha eliġibbli. Sabiex kull applikannt ikun jista' jiġi identifikat aktar faċilment, u biex jiġi ffaċilitat it-trasferiment tal-liċenzi, id-dejta li trid tintbagħat għal kull operatur għandha tkun speċifikata. Barra minn hekk, operaturi eliġibbli fl-Istati Membri l-ġodda għandhom jitħallew jagħmlu trasferiment ta’ liċenzi ta' importazzjoni.

    (5)

    Għaldaqstant hu neċessarju li jingħataw ċerti derogi mir-Regolament (KE) Nru 2535/2001.

    (6)

    Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Ħalib u l-Prodotti tal-Ħalib,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    B'deroga mit-Taqsima 2 tal-Kapitolu I tat-Titolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 2535/2001, operaturi stabbiliti fil-Bulgarija u r-Rumanija (minn hawn 'il quddiem l-“Istati Membri ġodda”) jistgħu japplikaw għal-liċenzi ta' importazzjoni għal kwoti li jkopru l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2007 sat-30 ta' Ġunju 2007 mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih huma stabbiliti.

    Artikolu 2

    1.   B'deroga mill-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 2535/2001, operaturi stabbiliti fl-Istati Membri l-ġodda jistgħu japplikaw għal-liċenzi ta' importazzjoni għall-kwoti msemmija fl-Artikolu 1 biss fl-Istati Membri fejn huma stabbiliti.

    2.   Applikazzjonijiet għal liċenzi jkunu ammissibbli biss fejn l-applikant jehmeż id-dokumenti li ġejjin:

    (a)

    prova li fl-2006 l-applikant importa jew esporta mill-anqas 25 tunnellata ta' prodotti tal-ħalib koperti mill-Kapitolu 04 tan-Nomenklatura Magħquda f'mill-inqas erba' tranżazzjonijiet separati;

    (b)

    kwalunkwe dokument u informazzjoni li jissostanzjaw adegwatament l-identità u l-istatus tal-applikant, b'mod partikolari:

    (i)

    dokumenti dwar il-kontijiet kummerċjali jew l-arranġamenti tat-taxxa mfassla skont il-liġi nazzjonali,

    (ii)

    in-numru tal-VAT, jekk il-liġi nazzjonali tipprovdi dan, u

    (iii)

    ir-reġistrazzjoni fir-reġistru kummerċjali, jekk il-liġi nazzjonali tipprovdi dan.

    3.   Fil-każ tal-punt (a) is-subparagrafu 2, is-sena ta' referenza għandha tkun is-sena 2005 jekk l-importatur ikkonċernat jista' jipprova li hu ma setax jimporta jew jesporta l-kwantitajiet mitluba ta' prodotti tal-ħalib matul l-2006 minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali.

    4.   Għall-iskopijiet tal-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, l-ipproċessar attiv u passiv tat-tranżazzjonijiet ma għandhomx jitqiesu bħala importazzjonijiet u esportazzjonijiet.

    Artikolu 3

    1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-ġodda għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni sal-20 ta' Jannar 2007 l-lista ta' operaturi li applikaw għal liċenzi ta' importazzjoni għall-kwoti li jkopru l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2007 sat-30 ta' Ġunju 2007 skont l-Artikolu 1 u li jkunu konformi mal-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 2. Dawn il-listi għandhom jiġu stabbiliti skont il-mudell għall-Anness XIV għar-Regolament (KE) Nru 2535/2001, b’eċċezzjoni għan-numru tal-approvazzjoni.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tgħaddi l-listi msemmija fil-paragrafu 1 lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra.

    Artikolu 4

    B'deroga mill-Artikolu 16(4) tar-Regolament (KE) Nru 2535/2001, liċenzi ta' importazzjoni maħruġa għall-kwoti li jkopru l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2007 jistgħu jiġu trasferiti biss lil persuni naturali jew legali approvati skont it-Taqsima 2 ta' dak ir-Regolament u lil persuni naturali jew legali li jidhru fil-listi msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 5

    Ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ suġġett għal, u fid-data, tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat tal-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 20 ta' Diċembru 2006.

    Għall-Kummissjoni

    Mariann FISCHER BOEL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 341, 22.12.2001, p. 29. Ir-Regolament kif emendat bl-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 926/2006 (ĠU L 170, 23.6.2006, p. 8).


    Top