This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32006R1915
Commission Regulation (EC) No 1915/2006 of 18 December 2006 continuing prior Community surveillance of imports of certain iron and steel products originating in certain third countries
Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1915/2006 tat- 18 ta’ Diċembru 2006 li jissokkta s-sorveljanza Komunitarja minn qabel ta' importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-ħadid u ta' l-azzar li joriġinaw minn ċerti pajjiżi terzi
Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1915/2006 tat- 18 ta’ Diċembru 2006 li jissokkta s-sorveljanza Komunitarja minn qabel ta' importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-ħadid u ta' l-azzar li joriġinaw minn ċerti pajjiżi terzi
ĠU L 365, 21.12.2006, p. 76–77
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(BG, RO, HR)
ĠU L 314M, 1.12.2007, p. 621–622
(MT)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2012
1.12.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
621 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1915/2006
tat-18 ta’ Diċembru 2006
li jissokkta s-sorveljanza Komunitarja minn qabel ta' importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-ħadid u ta' l-azzar li joriġinaw minn ċerti pajjiżi terzi
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3285/94 (1) tat-22 ta' Diċembru 1994 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 518/94, kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2474/2000, u b'mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 519/94 tas-7 ta' Marzu 1994 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi u li jirrevoka r-Regolamenti (KEE) Nru 1765/82, u (KEE) Nru 3420/83 (2), kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1138/98, u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,
Wara li kkonsultat il-Kumitati Konsultattivi,
Billi:
(1) |
Bir-Regolament (KE) Nru 76/2002 (3) tas-17 ta' Jannar 2002, il-Kummissjoni introduċiet sorveljanza Komunitarja minn qabel ta' importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-ħadid u ta' l-azzar li joriġinaw minn pajjiżi terzi. Dan ir-Regolament kien emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1337/2002 (4) ta' l-24 ta' Lulju 2002 sabiex ikabbar il-firxa tas-sorveljanza, mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2385/2002 tat-30 ta' Diċembru 2002 (5), u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 469/2005 tat-23 ta' Marzu 2005 (6). |
(2) |
L-istatistika tal-kummerċ estern tal-Komunità mhix disponibbli fi ħdan il-perjodi stabbiliti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1917/2000 kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1669/2001 (7). |
(3) |
Għalkemm is-sitwazzjoni nbidlet minn mindu ġiet introdotta s-sorveljanza fl-2002, l-iżviluppi fis-suq dinji ta' l-azzar għadhom jeħtieġu sistema ta' informazzjoni rapida u affidabbli dwar l-importazzjonijiet tal-Komunità fil-ġejjieni. |
(4) |
Sa mill-2003, is-suq Ċiniż kien il-mutur prinċipali taż-żjieda konsiderevoli fid-domanda għall-prodotti ta' l-azzar. Madankollu, iċ-Ċina qed iżżid il-kapaċità ta' produzzjoni tagħha b'pass verament mgħaġġel. Il-produzzjoni Ċiniża ta' azzar mhux maħdum żdiedet minn 129 miljun tunnellata fis-sena 2000 għal 349 miljun tunnellata fl-2005, li wasslet biex is-sehem ta' produzzjoni dinjija jiżdied minn 15,4 % għal 36 % matul l-istess perjodu, u qed jiżdiedu iktar kapaċitajiet ta' produzzjoni li jistgħu jżidu 'l-kapaċità ta' produzzjoni Ċiniża fl-2006. L-importazzjonijiet ta' l-UE miċ-Ċina ammontaw għal madwar 0,9 miljun tunnellati fl-2004 u 1,6 miljun tunnellati fl-2005. Iċ-Ċina kienet importatur nett ta' 15-il miljun tunnellata fl-2004 iżda se ssir esportatur nett fl-2006. Jista' jiġi mbassar li fiċ-Ċina din it-tendenza ta' tnaqqis fl-importazzjonijiet u żieda fl-esportazzjoni se tkompli, u permezz ta' dan jidħlu fis-suq dinji kwantitajiet konsiderevoli ta' prodotti ta' l-azzar li jkunu qed ifittxu suq ġdid. |
(5) |
Għall-ewwel nofs ta' l-2006, l-aktar statistika reċenti ta' importazzjoni disponibbli għal erba' tipi ta' prodotti ewlenin, primarjament prodotti ċatti, prodotti twal, tubi u pajpijiet, u prodotti parzjalment mitmuma, wriet żieda kumplessiva medja ta' 11 % meta mqabbel ma' l-istess perjodu fl-2005, u 18 % u 13 % rispettivament għal prodotti twal u prodotti parzjalment mitmuma. It-total ta' l-importazzjonijiet fl-2005 kien ta' 26,2 miljun tunnellata, meta mqabbel ma' l-20 miljun tunnellata fl-2002, li juri żieda totali ta' 31 % fl-importazzjonijiet għal tliet snin. |
(6) |
Analiżi ta' l-ewwel sitt xhur ta' l-2006 turi livell għoli sostnut ta' importazzjonijiet, b'żieda kumplessiva ta' 29 % f'dak il-perjodu, filwaqt li ċ-ċifri għat-tielet kwart ta' dik is-sena qed jindikaw xejra pożittiva oħra. |
(7) |
Barra minn hekk, il-prezzijiet fis-suq Komunitarju, l-istess bħalma huma fis-suq ta' l-Istati Uniti, għadhom għoljin u, ġeneralment, huma bejn 20 % u 30 % ogħla minn dawk osservati fis-swieq Ażjatiċi. Din id-differenzjazzjoni fil-prezz x'aktarx tattira l-interess ta' esportaturi minn pajjiżi terzi u, matul l-2006, ġew osservati l-ewwel indikazzjonijiet ta' tnaqqis fil-prezz fis-suq Amerikan u fis-suq ta' xi pajjiżi Ewropej. |
(8) |
Barra minn hekk, l-istatistika dwar l-impjiegi li joffru l-produtturi ta' l-UE turi tnaqqis ċar, u minn 414 500 persuna fis-sena 2000 naqsu għal 404 700 fl-2001, 390 200 fl-2002, 383 800 fl-2003, 375 900 fl-2004 u 347 000 fl-2005 — fi kliem ieħor tnaqqis ta' madwar 16 % fuq medda ta' ħames snin. |
(9) |
Fuq il-bażi ta' tendenzi reċenti fl-importazzjonijiet ta' prodotti ta' l-azzar, ta' żviluppi reċenti fis-suq Ċiniż, tal-pass aktar mgħaġġel fiż-żieda ta' l-importazzjoni, tad-differenzi kbar fil-prezzijiet bejn il-prodotti ta' l-azzar fis-suq ta' l-UE u dawk fi swieq terzi u tat-telf diġà konsiderevoli ta' impjiegi matul dawn l-aħħar snin, jista' għalhekk jitqies li teżisti theddida ta' ħsara lill-produtturi tal-Komunità għall-finijiet ta' l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 3285/94. |
(10) |
Għalhekk, l-interessi tal-Komunità jeħtieġu li l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti ta' l-azzar għandhom ikomplu jkunu suġġetti għal sorveljanza Komunitarja minn qabel sabiex tkun ipprovduta informazzjoni statistika avvanzata li tippermetti analiżi rapida tat-tendenzi fl-importazzjonijiet. Fid-dawl ta' l-iżviluppi mistennija msemmija hawn fuq, u fid-dawl tal-fatt li pajjiżi produtturi ewlenin ta' l-azzar issa daħħlu fis-seħħ jew estendew sistemi ta' sorveljanza simili sa l-2009, jixraq li dik is-sistema tissokkta fuq bażi eċċezzjonali sal-31 ta' Diċembru 2009. |
(11) |
Barra minn hekk, sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun it-tfixkil żejjed u sabiex l-attivitajiet tal-kumpaniji qrib il-fruntieri ma jiġux iddisturbati eċċessivament, huwa mixtieq li titwessa' l-firxa ta' kwantitajiet żgħar esklużi mill-ambitu tas-sorveljanza Komunitarja minn qabel. Għaldaqstant, il-piż nett ta' importazzjonijiet li għandhom jiġu esklużi mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandu jiżdied għal 2 500 kilogramma. |
(12) |
Huwa mixtieq li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu sabiex tinġabar id-data kemm jista' jkun malajr, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 76/2002, kif immodifikat bir-Regolamenti 1337/2002, 2385/2002 u 469/2005 huwa emendat kif ġej:
1. |
Fi tmiem l-Artikolu 1 ħassar “3. L-importazzjonijiet li l-piżijiet netti tagħhom ma jisbqux il-500 kilogramma huma esklużi mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament” u ssostittwixxi b'“3. L-importazzjonijiet li l-piżijiet netti tagħhom ma jisbqux il-2 500 kilogramma huma esklużi mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.” |
2. |
Fl-Artikolu 6 ħassar “31 ta' Diċembru 2006” u minflok ikteb “31 ta' Diċembru 2009”. |
Artikolu 2
Fir-rigward tar-rilaxx f'ċirkolazzjoni ħielsa fil-Bulgarija u r-Rumanija mill-1 ta' Jannar 2007 tal-prodotti ta' l-azzar koperti minn dan ir-Regolament u mibgħuta bil-baħar qabel l-1 ta' Jannar 2007, mhux meħtieġ dokument ta' sorveljanza sakemm il-merkanzija tkun intbagħtet bil-baħar qabel l-1 ta' Jannar 2007. Hija meħtieġa l-preżentazzjoni tal-polza tal-merkanzija jew dokument ieħor tat-trasport li jitqies bħala ekwivalenti mill-awtoritajiet Komunitarji bħala prova tad-data ta' meta ntbagħtet il-merkanzija.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.
B'deroga, l-Artikolu 2 għandu jidħol fis-seħħ biss soġġett għal u mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jikkonċerna l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija ma' l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Diċembru 2006.
Għall-Kummissjoni
Peter MANDELSON
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 349, 31.12.1994, p. 53. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2200/2004 5ĠU L 374, 22.12.2004, p. 1).
(2) ĠU L 67, 10.3.1994, p. 89. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 427/2003 (ĠU L 65, 8.3.2003, p. 1).
(3) ĠU L 16, 18.1.2002, p. 3. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 469/2005 (ĠU L 78, 24.3.2005, p. 12).
(4) ĠU L 195, 24.7.2002, p. 25.
(5) ĠU L 358, 31.12.2002, p. 125.
(6) ĠU L 78, 24.3.2005, p. 12.
(7) ĠU L 229, 9.9.2000, p. 14. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1949/2005 (ĠU L 312, 29.11.2005, p. 10).