Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1906

    Regolament (KE) Nru 1906/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta' impriżi, ċentri tar-riċerka u universitajiet f'azzjonijiet taħt is-Seba' Programm Kwadru u għad-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka (2007-2013) Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 391, 30.12.2006, p. 1–18 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1290

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1906/oj

    30.12.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    1


    REGOLAMENT (KE) NRU 1906/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-18 ta' Diċembru 2006

    li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta' impriżi, ċentri tar-riċerka u universitajiet f'azzjonijiet taħt is-Seba' Programm Kwadru u għad-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka (2007-2013)

    (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 167 u t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 172 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri (2),

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

    Billi:

    (1)

    Is-Seba' Programm Kwadru ġie adottat bid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta'-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007 sa l-2013) (4). Hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tiżgura l-implimentazzjoni ta' dak il-programm Kwadru u l-programmi speċifiċi tiegħu, inklużi l-aspetti finanzjarji relatati.

    (2)

    Is-Seba' Programm Kwadru qed ikun implimentat konformement mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), minn hawn 'il quddiem “ir-Regolament Finanzjarju”, u mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 (6) li jistabbilixxi r-regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju, minn hawn 'il quddiem “ir-Regoli ta' l-Implimentazzjoni”.

    (3)

    Is-Seba' Programm Kwadru qed ikun implimentat ukoll skond ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, b'mod partikolari r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp, preżentement il-Qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat għar-Riċerka u l-Iżvilupp (7).

    (4)

    It-trattament ta' data konfidenzjali huwa rregolat mil-leġislazzjoni Komunitarja relevanti kollha, inkluż ir-regoli interni ta' l-Istitituzzjonijiet bħad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/884/KE, KEFA, Euratom tad-29 ta' Novembru 2001 li temenda r-regoli ta' proċedura interni (8) tagħha rigward dispożizzjonijiet ta' sigurtà.

    (5)

    Ir-regoli tal-parteċipazzjoni ta' impriżi, ċentri ta' riċerka u universitajiet għandhom jipprovdu qafas koerenti, komprensiv u trasparenti sabiex tiġi żgurata l-aktar implimentazzjoni effiċjenti possibbli, b'kont meħud tal-ħtieġa għal aċċess faċli għall-parteċipanti kollha permezz ta' proċeduri ssimpifikati, skond il-prinċipju tal-proporzjonalità.

    (6)

    Ir-regoli għandhom jiffaċilitaw ukoll l-isfruttament tal-proprjetà intellettwali żviluppata minn parteċipant, b'kont meħud ukoll tal-mod li bih il-parteċipant jista' jkun organizzat internazzjonalment, filwaqt li jkunu protetti l-interessi leġittimi tal-parteċipanti l-oħra u tal-Komunità.

    (7)

    Is-Seba' Programm Kwadru għandu jippromwovi parteċipazzjoni mill-aktar reġjuni imbiegħda tal-Komunità, kif ukoll minn firxa wiesgħa ta' impriżi, ċentri ta' riċerka u universitajiet inklużi l-SMEs.

    (8)

    Id-definizzjoni ta' impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (SMEs) mogħtija fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (9) għandha tapplika, għall-finijiet tal-koerenza u trasparenza.

    (9)

    Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kondizzjonijiet minimi għall-parteċipazzjoni, kemm bħala regola ġenerali u kemm fir-rigward ta' l-ispeċifiċitajiet ta' l-azzjonijiet indiretti taħt is-Seba' Programm Kwadru. B'mod partikolari, għandhom jiġu stipulati regoli dwar in-numru ta' parteċipanti u l-post fejn ikunu stabbiliti.

    (10)

    Huwa xieraq li kull entità ġuridika tkun libera li tieħu sehem ladarba tkun issodisfat il-kondizzjonijiet minimi. Parteċipazzjoni 'l fuq mill-minimu għandha tiżgura l-implimentazzjoni effiċjenti ta' l-azzjoni indiretta konċernata.

    (11)

    L-organizzazzjonijiet internazzjonali ddedikati għall-iżvilupp tal-koperazzjoni fil-qasam tar-riċerka fl-Ewropa u komposti l-aktar minn Stati Membri jew pajjiżi Assoċjati għandhom jitħeġġu jieħdu sehem fis-Seba' Programm Kwadru.

    (12)

    Isegwi mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta' Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji barranin mal-Komunità Ewropea (“Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni tal-Pajjiżi Barranin”) (10) li l-entitajiet ġuridiċi tal-pajjiżi u t-territorji barranin huma eliġibbli li jipparteċipaw fis-Seba' Programm Kwadru.

    (13)

    Konformement ma' l-għanijiet tal-koperazzjoni internazzjonali kif deskritti fl-Artikoli 164 u 170 tat-Trattat, għandha wkoll tkun prevista l-parteċipazzjoni ta' entitajiet ġuridiċi stabbiliti f'pajjiżi terzi, l-istess kif għandha tkun il-parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet internazzjonali. Madanakollu, huwa kunsiljabbli li jkun meħtieġ li tali parteċipazzjoni tkun ġustifikata f'termini tal-kontribuzzjoni mtejba tagħha għall-għanijiet segwiti taħt is-Seba' Programm Kwadru.

    (14)

    Konformement ma' l-għanijiet imsemmija hawn fuq, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti t-termini u l-kondizzjonijiet għall-għoti ta' fondi Komunitarji lill-parteċipanti f'azzjonijiet indiretti.

    (15)

    Għall-benefiċċju tal-parteċipanti, għandu jkun hemm transizzjoni effettiva u bla xkiel mis-sistema tal-kalkolu ta' l-ispiża użata fis-Sitt Programm Kwadru. Il-proċess ta' monitoraġġ tas-Seba' Programm Kwadru għandu, għalhekk, jindirizza l-impatt baġitarju ta' din il-bidla partikolarment fir-rigward ta' l-effett tagħha fuq il-piż amministrattiv għall-parteċipanti.

    (16)

    Huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi regoli u proċeduri ulterjuri, minbarra dawk previsti fir-Regolament Finanzjarju u r-Regoli ta' l-Implimentazzjoni tiegħu u dan ir-Regolament, sabiex jirregolaw il-preżentazzjoni, l-evalwazzjoni u l-għażla ta' proposti u l-aġġudikazzjoni ta' għotjiet, kif ukoll jitranġaw il-proċeduri għall-parteċipanti. B'mod partikolari, għandhom jiġu stabbiliti r-regoli li jiddeterminaw l-użu ta' esperti indipendenti.

    (17)

    Huwa xieraq li l-Kummissjoni tistabbilixxi regoli u proċeduri ulterjuri, minbarra dawk previsti fir-Regolament Finanzjarju u r-Regoli ta' l-Implimentazzjoni tiegħu, sabiex jirregolaw l-evalwazzjoni tal-vijabbiltà ġuridika u finanzjarja tal-parteċipanti f'azzjonijiet indiretti taħt is-Seba' Programm Kwadru. Tali regoli għandhom jilħqu bilanċ tajjeb bejn il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità u s-simplifikazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-parteċipazzjoni ta' entitajiet legali fis-Seba' Programm Kwadru.

    (18)

    F'dan il-kuntest, ir-Regolament Finanzjarju u r-Regoli ta' l-Implimentazzjoni u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità, jirregolaw, inter alia l-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità (11), il-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolarità, il-proċeduri għall-irkupru ta' ammonti dovuti lill-Kummissjoni, l-esklużjoni mill-proċeduri kuntrattwali u ta' l-għotjiet u l-penali relattivi, u l-awditjar, il-kontrolli, u l-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni u mill-Qorti ta' l-Awdituri, kif previst fl-Artikolu 248(2) tat-Trattat.

    (19)

    Jeħtieġ li l-kontribut finanzjarju Komunitarju jasal għand il-parteċipanti mingħajr dewmien żejjed.

    (20)

    Il-ftehim konklużi għal kull azzjoni għandhom jipprovdu għas-superviżjoni u l-kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni, jew kull rappreżentant awtorizzat mill-Kummissjoni, kif ukoll għal awditjar mill-Qorti ta' l-Awdituri u kontrolli esegwiti fuq il-post mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) konformement mal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96, tal-11 ta' Novembru 1996 dwar kontrolli fuq il-post u spezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħrajn (12).

    (21)

    Il-Kummissjoni għandha tissorvelja kemm l-azzjonijiet indiretti mwettqa taħt is-Seba' Programm Kwadru u kemm is-Seba' Programm KwadruKwadru u l-Programmi Speċifiċi tiegħu. Bil-ħsieb li jiġu żgurati l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni effiċjenti u koerenti ta' l-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet indiretti, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm sistema adegwata ta' informazzjoni.

    (22)

    Is-Seba' Programm Kwadru għandu jirrifletti u jippromwovi l-prinċipji ġenerali stabbiliti fil-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi u l- Kodiċi ta' Kondotta għar-Reklutaġġ tar-Riċerkaturi (13), filwaqt li jirrispetta l-karattru volontarju tagħhom.

    (23)

    Ir-regoli li jiddeterminaw id-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka għandhom jiżguraw li, fejn ikun xieraq, il-parteċipanti jipproteġu l-proprjetà intellettwali prodotta fl-azzjonijiet, u jużaw u jiddisseminaw dawk ir-riżultati.

    (24)

    Filwaqt li jirrispettaw id-drittijiet tas-sidien tal-proprjetà intellettwali, dawk ir-regoli għandhom ikunu mfassla b'mod li jiżguraw li l-parteċipanti u, fejn xieraq, l-entitajiet affiljati magħhom stabbiliti fi Stat Membru jew pajjiż assoċjat ikollhom aċċess għat-tagħrif li jġibu lejn il-proġett u għall-konoxxenza ġġenerata mix-xogħol ta' riċerka esegwita fil-proġett safejn dan ikun meħtieġ għat-twettiq ta' xogħol ta' riċerka jew għall-użu tal-konoxxenza li tirriżulta.

    (25)

    L-obbligu stabbilit fis-sitt Programm Kwadru li ċerti parteċipanti jerfgħu r-reponsabbiltà finanzjarja ta' l-imsieħba tagħhom fl-istess konsorzju se jitneħħa. F'dan il-kuntest, għandu jiġi stabbilit fond ta' garanzija lill-parteċipanti, ġestit mill-Kummissjoni, sabiex ikopri ammonti dovuti minn imsieħba u li jonqsu milli jirrimborżaw. Tali approċċ ser jippromwovi s-simplifikazzjoni u jiffaċilita l-parteċipazzjoni ta', l-aktar, l-SMEs, filwaqt li jħares l-interessi finanzjarji tal-Komunità b'mod xieraq għas-Seba' Programm Kwadru.

    (26)

    Il-kontribuzzjonijiet tal-Komunità lil xi impriża konġunta jew xi struttura oħra stabbiliti skond l-Artikolu 171 tat-Trattat, jew skond l-Artikolu 169 tat-Trattat, ma jaqgħux fil-kamp ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

    (27)

    Dan ir-regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

    (28)

    Il-Komunità tista' tagħmel għotja lill-Bank Ewropew ta' l-Investiment (EIB) sabiex trawwem l-investiment mis-settur privat f'azzjonijiet RTD Ewropej kbar eliġibbli billi żżid il-kapaċità ta' l-EIB fil-ġestjoni tar-riskju, sabiex b'hekk tippermetti (i) volum ikbar ta' self mill-EIB għal ċertu livell ta' riskju, u (ii) il-finanzjament ta' azzjonijiet RTD Ewropej aktar riskjużi minn dawk possibbli mingħajr appoġġ Komunitarju bħal dan.

    (29)

    Il-Komunità tista' tipprovdi appoġġ finanzjarju, kif stabbilit fir-Regolament Finanzjarju, permezz, inter alia, ta':

    (a)

    akkwisti pubbliċi, f'forma ta' prezz għal oġġetti u servizzi stabbilit b'kuntratt u magħżul abbażi ta' sejħiet għall-offerti;

    (b)

    għotjiet;

    (ċ)

    ħlasijiet ta' affiljazzjoni lil xi organizzazzjoni, f'forma ta' miżata tas-sħubija;

    (d)

    ħlasijiet ta' onorarja lil esperti indipendenti identifikati fl-Artikolu 17 ta' dan ir-Regolament.

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET INTRODUTTORJI

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta' impriżi, ċentri tar-riċerka u universitajiet u entitajiet ġuridiċi oħra f'azzjonijiet imwettqa minn parteċipant wieħed jew aktar permezz ta' l-iskemi ta' finanzjament identifikati fil-parti (a) ta' l-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE, minn hawn 'il quddiem imsejħa “azzjonijiet indiretti”.

    Dan jistabbilixxi wkoll regoli, konformement ma' dawk stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju fir-Regoli ta' l-Implimentazzjoni, li jikkonċernaw il-kontribut finanzjarju tal-Komunità lil parteċipanti f'azzjonijiet indiretti taħt is-Seba' Programm Kwadru.

    Fir-rigward tar-riżultati tar-riċerka mwettqa taħt is-Seba' Programm Kwadru, dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-iżvelar ta' tagħrif miksub b'kull mezz xieraq barra dawk li jirriżultaw mill-formalitajiet għall-protezzjoni tiegħu, u inkluża l-pubblikazzjoni tat-tagħrif miksub f'kull mezz, minn hawn 'il quddiem imsejħa “disseminazzjoni”.

    Barra minn hekk, dan jistabbilixxi r-regoli għall-użu dirett jew indirett ta' tagħrif miksub f'attivitajiet ta' riċerka ulterjuri barra dawk koperti mill-azzjoni indiretta konċernata, jew għall-iżvilupp, il-ħolqien u t-tqegħid fis-suq ta' prodott jew proċess, jew għall-ħolqien jew forniment ta' servizz minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “użu”.

    Fir-rigward kemm tat-tagħrif miksub u kemm tat-tagħrif eżistenti, dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-liċenzji u d-drittijiet ta' l-utenti għalihom, minn hawn 'il quddiem imsejħa “drittijiet ta' l-aċċess”.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw b'żieda ma' dawk stipulati fir-Regolament Finanzjarju u r-Regoli ta' l-Implimentazzjoni:

    1)

    “entità ġuridika” tfisser kull persuna fiżika, jew kull persuna ġuridika maħluqa skond il-liġi nazzjonali tal-post ta' l-istabbiliment tagħha, jew skond il-liġi Komunitarja jew id-dritt internazzjonali, li jkollha personalità ġuridika u li tista', waqt li taġixxi f'isimha, teżerċita drittijiet u tkun suġġetta għal obbligi. Fil-każ ta' persuni fiżiċi, ir-referenzi għal stabbiliment huma meqjusa li jirriferu għal residenza abitwali.

    2)

    “entità affiljata” tfisser kwalunkwe entità ġuridika li hija taħt il-kontroll dirett jew indirett ta' parteċipant, jew taħt l-istess kontroll dirett jew indirett bħall-parteċipant, fejn il-kontroll jieħu kwalunkwe forma bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 6 (2).

    3)

    “kondizzjonijiet ekwi u ġusti” tfisser kondizzjonijiet xierqa inkluż termini finanzjarji possibbli b'kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tat-talba għall-aċċess, per eżempju l-valur veru jew potenzjali tat-tagħrif ġdid jew tagħrif eżistenti li għalih jintalab l-aċċess u/jew l-iskop, it-tul ta' żmien jew karatteristiċi oħra ta' l-użu maħsub;

    4)

    “tagħrif miksub” tfisser ir-riżultati, inkluża informazzjoni, kemm jekk jistgħu jiġu protetti kif ukoll jekk le, ġenerati mill-azzjonijiet indiretti konċernati. Riżultati bħal dawn jinkludu drittijiet relatati mad-drittijiet ta' l-awtur, drittijiet ta' disinji; drittijiet ta' privattivi, drittijiet ta' varjetajiet ta' pjanti, jew forom simili ta' protezzjoni;

    5)

    “tagħrif eżistenti” tfisser tagħrif li jkollhom il-parteċipanti qabel l-adeżjoni tagħhom mal-ftehim ta' għotja, kif ukoll drittijiet ta' l-awtur jew drittijiet ta' proprjetà intellettwali oħrajn li jirrelataw ma' dan it-tagħrif, li l-applikazzjoni għalih tkun ġiet preżentata qabel l-adeżjoni tagħhom mal-ftehim ta' għotja, u li jkun meħtieġ għat-twettiq ta' l-azzjoni indiretta jew għall-użu tar-riżultati ta' l-azzjoni indiretta;

    6)

    “parteċipant” tfisser entità ġuridika li tikkontribwixxi għal azzjoni indiretta u li jkollha drittijiet u obbligi fir-rigward tal-Komunità taħt it-termini ta' dan ir-Regolament;

    7)

    “organizzazzjoni tar-riċerka” tfisser entità ġuridika stabbilita bħala organizzazzjoni li ma toperax bi qligħ li twettaq riċerka jew żvilupp teknoloġiku bħala wieħed mill-objettivi ewlenin tagħha;

    8)

    “pajjiż terz” tfisser stat li mhuwiex Stat membru;

    9)

    “pajjiż assoċjat” tfisser pajjiż terz li jkun Parti għal ftehim internazzjonali mal-Komunità, li taħt it-termini jew abbażi tiegħu dan jikkontribwixxi finanzjarjament għas-Seba' Programm Kwadru kollu jew għal xi parti minnu;

    10)

    “organizzazzjoni internazzjonali” tfisser organizzazzjoni internazzjonali, diversa mill-Komunità, li jkollha personalità ġuridika taħt id-dritt pubbliku internazzjonali, kif ukoll kull aġenzija speċjalizzata mwaqqfa minn tali organizzazzjoni internazzjonali;

    11)

    “organizzazzjoni internazzjonali b'interessi Ewropej” tfisser organizzazzjoni internazzjonali, li l-maġġoranza tal-membri tagħha jkunu Stati Membri jew pajjiżi Assoċjati, u li l-għan ewlieni tagħha jkun li tippromwovi l-koperazzjoni xjentifika u teknoloġika fl-Ewropa;

    12)

    “pajjiż imsieħeb fil-koperazzjoni internazzjonali” tfisser pajjiż terz li l-Kummissjoni tikklassifika bħala pajjiż ta' dħul baxx, ta' dħul medju baxx, jew ta' dħul medju għoli u li jkun identifikat bħala tali fil-programmi ta' ħidma;

    13)

    “korp pubbliku” tfisser kull entità pubblika stabbilita bħala tali mil-liġi nazzjonali, u organizzazzjonijiet internazzjonali;

    14)

    “SMEs” tfisser intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju fi ħdan it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE fil-verżjoni tas-6 ta' Mejju 2003;

    15)

    “programm ta' ħidma” tfisser pjan adottat mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta' programm speċifiku kif identifikat fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE;

    16)

    “skemi ta' finanzjament” tfisser il-mekkaniżmi għall-finanzjament ta' azzjonijiet indiretti mill-Komunità kif stabbilit fil-parti (a) ta' l-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE;

    17)

    “gruppi speċifiċi” tfisser il-benefiċjarji ta' “riċerka għal gruppi speċifiċi” identifikati fil-programm speċifiku u/jew programm ta' ħidma;

    18)

    “attur fl-RTD” tfisser entità ġuridika li twettaq attivitajiet ta' riċerka jew żvilupp teknoloġiku fi skemi ta' finanzjament għall-benefiċċju ta' gruppi speċifiċi kif identifikat fl-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE.

    Artikolu 3

    Konfidenzjalità

    Il-Kummissjoni u l-parteċipanti, suġġetti għall-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim ta' għotja, ittra ta' ħatra jew kuntratt, għandhom iżommu konfidenzjali kull data, konoxxenza u dokumenti mgħoddija lilhom bħala konfidenzjali.

    KAPITOLU II

    PARTEĊIPAZZJONI

    SEZZJONI 1

    Kondizzjonijiet minimi

    Artikolu 4

    Prinċipji ġenerali

    1.   Kull impriża, università jew ċentru ta' riċerka jew entità ġuridika oħra, kemm jekk stabbiliti fi Stat Membru kif ukoll jekk f'pajjiż assoċjat, u kif ukoll jekk f'pajjiż terz, jistgħu jieħdu sehem f'azzjoni indiretta sakemm ikunu onoraw il-kondizzjonijiet minimi stabbiliti f'dan il-Kapitolu, inklużi l-kondizzjonijiet speċifikati skond l-Artikolu 12.

    Madanakollu, fil-każ ta' azzjoni indiretta kif imsemmi fl-Artikoli 5(1), 7, 8 jew 9, li taħthom ikun possibbli li l-kondizzjonijiet minimi jkunu ssodisfati mingħajr il-parteċipazzjoni ta' entità ġuridika stabbilita fi Stat Membru, għandha tittejjeb, permezz tagħha, il-kisba ta' l-għanijiet stipulati fl-Artikoli 163 u 164 tat-Trattat.

    2.   Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni minn hawn 'il quddiem “il-JRC”, jista' jieħu sehem bl-istess mod u bl-istess drittijiet u obbligi bħala entità ġuridika stabbilita fi Stat Membru.

    Artikolu 5

    Kondizzjonijiet minimi

    1.   Il-kondizzjonijiet minimi għal azzjonijiet indiretti għandhom ikunu dawn li ġejjin:

    (a)

    iridu jieħdu sehem mill-inqas tlitt entitajiet ġuridiċi, li kull waħda minnhom trid tkun stabbilita fi Stat Membru jew pajjiż assoċjat, u li tnejn minnhom ma jkunux stabbiliti fl-istess Stat Membru jew pajjiż assoċjat;

    (b)

    it-tlitt entitajiet ġuridiċi kollha għandhom ikunu indipendenti minn xulxin fis-sens ta' l-Artikolu 6.

    2.   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1, fejn wieħed mill-parteċipanti jkun il-JRC, jew ikun organizzazzjoni internazzjonali b'interessi Ewropej jew entità istitwita taħt il-liġi Komunitarja, dan għandu jitqies bħala stabbilit fi Stat Membru jew pajjiż Assoċjat barra xi Stat Membru jew pajjiż assoċjat li fih ikun stabbilit parteċipant ieħor fl-istess azzjoni indiretta.

    Artikolu 6

    Indipendenza

    1.   Żewġ entitajiet ġuridiċi għandhom jitqiesu bħala indipendenti minn xulxin fejn ebda waħda minnhom ma tkun taħt il-kontroll dirett jew indirett ta' l-oħra jew taħt l-istess kontroll dirett jew indirett bħal l-oħra.

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-kontroll jista' b'mod partikolari jieħu waħda mill-forom li ġejjin:

    (a)

    it-titolu dirett jew indirett ta' aktar minn 50 % tal-valur nominali tal-kapital ta' l-ishma maħruġa fl-entità ġuridika konċernata, jew tal-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot ta' l-azzjonisti jew l-assoċjati ta' dik l-entità;

    (b)

    il-pussess dirett jew indirett, bil-fatti jew bil-liġi, ta' setgħat deċiżjonali fl-entità ġuridika konċernata.

    3.   Madanakollu, ir-relazzjonijiet li ġejjin bejn żewġ entitajiet ġuridiċi m'għandhomx fihom infushom jitqiesu li jikkostitwixxu relazzjonijiet ta' kontroll:

    (a)

    l-istess korporazzjoni ta' investiment pubbliku, investitur istituzzjonali jew kumpannija li tipprovdi kapital ta' riskju ikollhom titolu dirett jew indirett ta' aktar minn 50 % tal-valur nominali tal-kapital ta' l-ishma maħruġa jew tal-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot ta' l-azzjonisti jew ta' l-assoċjati;

    (b)

    l-istess korp pubbliku jkun il-proprjetarju jew jagħmel is-superviżjoni ta' l-entitajiet ġuridiċi konċernati.

    Artikolu 7

    Azzjonijiet indiretti għal attivitajiet ta' koperazzjoni speċifika ddedikati għal pajjiżi sħab fil-koperazzjoni internazzjonali

    Għal proġetti kollaborattivi għal azzjonijiet ta' koperazzjoni speċifiċi ddedikati għal pajjiżi sħab fil-koperazzjoni internazzjonali identifikati fil-programm ta' ħidma, il-kondizzjonijiet minimi għandhom ikunu dawn li ġejjin:

    (a)

    għandhom jieħdu sehem minn ta' l-inqas erba' entitajiet ġuridiċi;

    (b)

    minn ta' l-inqas żewġ entitajiet ġuridiċi msemmija fil-punt (a) għandhom ikunu stabbiliti fi Stati Membri jew pajjiżi assoċjati, iżda mhux stabbiliti fl-istess Stat Membru jew pajjiż assoċjat;

    (ċ)

    minn ta' l-inqas żewġ entitajiet ġuridiċi msemmijin fil-punt (a) għandhom ikunu stabbiliti f'pajjiżi sħab ta' koperazzjoni internazzjonali, iżda mhux stabbiliti fl-istess pajjiż sieħeb fil-koperazzjoni internazzjonali, sakemm mhux speċifikat mod ieħor fil-programm ta' ħidma;

    (d)

    l-erba' entitajiet ġuridiċi kollha msemmijin fil-punt (a) għandhom ikunu indipendenti minn xulxin fis-sens ta' l-Artikolu 6.

    Artikolu 8

    Azzjonijiet ta' koordinazzjoni u appoġġ, u t-taħriġ u l-iżvilupp tal-karriera tar-riċerkaturi

    Għal azzjonijiet ta' koordinazzjoni u appoġġ, u azzjonijiet favur it-taħriġ u l-iżvilupp tal-karriera tar-riċerkaturi, il-kondizzjoni minima għandha tkun il-parteċipazzjoni ta' entità ġuridika waħda.

    L-ewwel paragrafu m'għandux japplika fil-każ ta' azzjonijiet li l-għan tagħhom ikun li jikkoordinaw attivitajiet ta' riċerka.

    Artikolu 9

    Proġetti ta' riċerka “innovattiva”

    Għal azzjonijiet indiretti li jappoġġjaw proġetti ta' riċerka “innovattiva” iffinanzjati fil-qafas tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka, il-kondizzjoni minima għandha tkun il-parteċipazzjoni ta' entità ġuridika waħda stabbilita fi Stat Membru jew f'pajjiż assoċjat.

    Artikolu 10

    Parteċipanti waħdanin

    Fejn il-kondizzjonijiet minimi għal azzjoni indiretta jiġu sodisfati minn numru ta' entitajiet ġuridiċi, li flimkien jiffurmaw entità ġuridika waħda, din ta' l-aħħar tista' tkun il-parteċipant waħdieni f'azzjoni indiretta, sakemm hija tkun stabbilita fi Stat Membru jew pajjiż assoċjat.

    Artikolu 11

    Organizzazzjonijiet internazzjonali u entitajiet ġuridiċi stabbiliti f'pajjiżi terzi

    Il-parteċipazzjoni f'azzjonijiet indiretti għandha tkun miftuħa għal organizzazzjonijiet internazzjonali u entitajiet ġuridiċi stabbiliti f'pajjiżi terzi sakemm dawn ikunu ssodisfaw il-kondizzjonijiet minimi stabbiliti f'dan il-Kapitolu, kif ukoll kwalunkwe kondizzjonijiet stabbiliti fil-programmi speċifiċi jew il-programmi ta' ħidma relevanti.

    Artikolu 12

    Kondizzjonijiet addizzjonali

    B'żieda mal-kondizzjonijiet minimi stabbiliti f'dan il-Kapitolu, il-programmi speċifiċi jew il-programmi ta' ħidma jistgħu jistabbilixxu l-kondizzjonijiet rigward in-numru minimu ta' parteċipanti.

    Huma jistgħu jistabbilixxu wkoll, skond it-tip u l-għanijiet ta' l-azzjoni indiretta, kondizzjonijiet addizzjonali li jridu jiġu ssodisfati fir-rigward tat-tip ta' parteċipant u, fejn ikun xieraq, tal-post ta' l-istabbiliment.

    SEZZJONI 2

    Proċeduri

    Subsezzjoni 1

    Sejħiet għall-proposti

    Artikolu 13

    Sejħiet għall-proposti

    1.   Il-Kummissjoni għandha toħroġ sejħiet għal proposti għal azzjonijiet indiretti skond ir-rekwiżiti stabbiliti fil-programmi speċifiċi u programmi ta' ħidma relevanti, li jistgħu jinkludu sejħiet immirati lejn gruppi speċjali bħal SMEs.

    Apparti l-pubbliċità speċifikata fir-Regoli ta' Implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippubblika s-sejħiet għal proposti fil-paġni ta' l-Internet tas-Seba' Programm Qafas, permezz ta' kanali ta' informazzjoni speċifiċi, u fil-punti ta' kuntatt nazzjonali stabbiliti mill-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati.

    2.   Fejn ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tispeċifika fis-sejħa għal proposti li l-parteċipanti ma għandhomx għaliex jistabbilixxu ftehim ta' konsorzju.

    3.   Is-sejħiet għal proposti għandhom ikollhom objettivi ċari sabiex jiżguraw li l-applikanti ma jweġbux inutilment.

    Artikolu 14

    Eċċezzjonijiet

    Il-Kummissjoni m'għandhiex toħroġ sejħiet għall-proposti għal dawn li ġejjin:

    (a)

    azzjonijiet ta' koordinazzjoni u appoġġ li jridu jitwettqu mill-entitajiet ġuridiċi identifikati fil-programmi speċifiċi jew fil-programmi ta' ħidma meta l-programm speċifiku jippermetti li l-programmi ta' ħidma jidentifikaw il-benefiċjarji, konformement mar-Regoli ta' l-Implimentazzjoni;

    (b)

    azzjonijiet ta' koordinazzjoni u appoġġ li jikkonsistu f'xiri ta' oġġetti jew servizzi suġġetti għar-regoli dwar l-akkwist pubbliku stipulati fir-Regolament Finanzjarju;

    (ċ)

    azzjonijiet ta' koordinazzjoni u appoġġ relatati mal-ħatra ta' esperti indipendenti;

    (d)

    azzjonijiet oħra, fejn hekk ikun stipulat fir-Regolament Finanzjarju jew fir-Regoli ta' l-Implimentazzjoni.

    Subsezzjoni 2

    Evalwazzjoni u għażla tal-proposti u l-aġġudikazzjoni ta' għotjiet

    Artikolu 15

    Evalwazzjoni, għażla u aġġudikazzjoni

    1.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-proposti kollha preżentati bi tweġiba għal sejħa għal proposti fuq il-bażi tal-prinċipji ta' evalwazzjoni, u tal-kriterji ta' għażla u aġġudikazzjoni previsti fil-programm speċifiku u fil-programm ta' ħidma.

    (a)

    Għall-Programmi “Koperazzjoni” u “Kapaċitajiet” għandhom japplikaw il-kriterji li ġejjin:

    eċċellenza xjentifika u/jew teknoloġika;

    relevanza għall-objettivi ta' dawn il-programmi speċifiċi;

    l-impatt potenzjali permezz ta' l-iżvilupp, id-disseminazzjoni u l-użu tar-riżultati tal-proġetti;

    il-kwalità u l-effiċjenza ta' l-implimentazzjoni u l-ġestjoni.

    (b)

    Għall-Programm “Nies” għandhom japplikaw il-kriterji li ġejjin:

    l-eċċellenza xjentifika u/jew teknoloġika;

    ir-relevanza għall-objettivi ta' dan il-programm speċifiku;

    il-kwalità u l-kapaċità ta' implimentazzjoni ta' l-applikanti (riċerkaturi/organizzazzjonijiet) u l-potenzjal tagħhom sabiex jimxu aktar 'il quddiem;

    il-kwalità ta' l-attività proposta fit-taħriġ xjentifiku u/jew trasferiment tal-konoxxenza.

    (ċ)

    Fl-appoġġ għal azzjonijiet ta' riċerka “innovattiva” taħt il-Programm “Ideat” għandu japplika l-kriterju ta' eċċellenza waħdu. Għal azzjonijiet ta' koordinazzjoni u appoġġ, jistgħu japplikaw kriterji relatati mal-proġett.

    F'dan il-qafas, il-programmi ta' ħidma għandhom jispeċifikaw il-kriterji għall-evalwazzjoni u l-għażla u jistgħu jżidu rekwiżiti, koeffiċjenti ta' importanza u limiti minimi addizzjonali, jew jistabbilixxu aktar dettalji dwar l-applikazzjoni tal-kriterji.

    2.   Proposta li tmur kontra l-prinċipji fundamentali ta' l-etika jew li ma tissodisfax il-kondizzjonijiet previsti fil-programm speċifiku, fil-programm ta' ħidma jew fis-sejħa għal proposti m'għandhiex tintgħażel. Proposta bħal din tista' tiġi eskluża mill-proċeduri ta' evalwazzjoni, għażla u aġġudikazzjoni fi kwalunkwe ħin.

    3.   Il-proposti għandhom ikunu kklassifikati skond ir-riżultati ta' l-evalwazzjoni. Id-deċiżjonijiet ta' finanzjament għandom isiru fuq il-bażi ta' din il-klassifikazzjoni..

    Artikolu 16

    Il-proċeduri għall-preżentazzjoni, evalwazzjoni, għażla u aġġudikazzjoni

    1.   Fejn is-sejħa għal proposti tispeċifika proċedura ta' evalwazzjoni f'żewġ stadji, huma biss dawk il-proposti li jkunu għaddew l-ewwel stadju, fuq il-bażi ta' l-evalwazzjoni meta mqabbla ma' sett limitat ta' kriterji, li għandhom jimxu 'l quddiem għal evalwazzjoni ulterjuri.

    2.   Fejn is-sejħa għal proposti tispeċifika proċedura ta' preżentazzjoni f'żewġ stadji, huma biss dawk l-applikanti li l-proposti tagħhom jissuperaw l-evalwazzjoni għall-ewwel stadju li għandhom jintalbu jippreżentaw proposta kompluta fit-tieni stadju.

    L-applikanti kollha għandhom jiġu informati malajr bir-riżultati ta' l-ewwel stadju ta' l-evalwazzjoni.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta u tippubblika regoli li jiddeterminaw il-proċedura għall-preżentazzjoni tal-proposti, kif ukoll il-proċeduri relatati ta' evalwazzjoni, għażla u aġġudikazzjoni u tippubblika gwidi għall-applikanti li jinkludu linji gwida għall-evalwaturi. B'mod partikolari, hija għandha tistabbilixxi regoli dettaljati għall-proċedura f'żewġ stadji għall-preżentazzjoni (inkluż fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni u n-natura tal-proposta fl-ewwel stadju kif ukoll ta' dawk tal-proposta kompleta fit-tieni stadju), u regoli għall-proċedura ta' evalwazzjoni f'żewġ partijiet.

    Il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-informazzjoni u tistabbilixxi l-proċeduri għal rimedju għall-applikanti.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta u tippubblika r-regoli li jiżguraw li tiġi vverifikata b'konsistenza l-eżistenza ta' l-istatus ġuridiku tal-parteċipanti f'azzjonijiet indiretti kif ukoll tal-kapaċità finanzjarja tagħhom.

    Il-Kummissjoni m'għandhiex iġġedded tali verifika sakemm is-sitwazzjoni tal-parteċipant konċernat ma tkunx inbidlet.

    Artikolu 17

    Ħatra ta' esperti indipendenti

    1.   Il-Kummissjoni għandha taħtar esperti indipendenti sabiex jassistu fl-evalwazzjonijiet tal-proposti.

    Għall-azzjonijiet ta' koordinazzjoni u appoġġ, imsemmija fl-Artikolu 14, l-esperti indipendenti għandhom jinħatru biss jekk il-Kummissjoni tqis li dan ikun xieraq.

    2.   L-esperti indipendenti għandhom jintgħażlu fuq il-bażi tal-ħiliet u l-konoxxenza xierqa għall-ħidmiet assenjati lilhom. Fil-każijiet fejn esperti indipendenti jkollhom jittrattaw informazzjoni klassifikata, għandu jinkiseb il-permess ta' sigurtà xieraq qabel il-ħatra.

    L-esperti indipendenti għandhom jiġu identifikati u magħżulin fuq il-bażi ta' sejħiet għal applikazzjonijiet minn individwi u sejħiet indirizzati lil organizzazzjonijiet relevanti bħal aġenziji nazzjonali tar-riċerka, istituzzjonijiet jew intrapriżi tar-riċerka bil-ħsieb li jiġu stabbiliti listi ta' kandidati adatti.

    Il-Kummissjoni tista', jekk tqis li jkun xieraq, tagħżel kwalunkwe individwu li mhux f'dawk fil-listi bil-ħiliet xierqa.

    Għandhom jittieħdu miżuri xierqa sabiex jiġi żgurat bilanċ raġonevoli bejn is-sessi meta jinħatru gruppi ta' esperti indipendenti.

    Għall-proġetti ta' riċerka “innovattiva”, l-esperti għandhom jinħatru mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' proposta mill-Kunsill Xjentifiku tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka.

    3.   Meta taħtar espert indipendenti, il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex tiżgura li l-espert ma jiġix f'konflitt ta' interessi fir-rigward tal-materja li dwarha jkun meħtieġ li jagħti opinjoni.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta mudell ta' ittra ta' ħatra, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-ittra ta' ħatra”, li għandha tinkludi dikjarazzjoni li l-espert indipendenti ma għandu l-ebda konflitt ta' interessi fil-ħin tal-ħatra u huwa jintrabat li jinforma lill-Kummissjoni kemm-il darba jitfaċċa xi konflitt ta' interessi waqt l-għoti ta' l-opinjoni tiegħu jew il-qadi ta' dmirijietu. Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ittra ta' ħatra bejn il-Komunità u kull wieħed mill-esperti indipendenti.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika darba fis-sena fi kwalunkwe mezz xieraq il-lista ta' l-esperti indipendenti li jkunu assistewha fis-Seba' Programm Kwadru u f'kull wieħed mill-programmi speċifiċi.

    Subsezzjoni 3

    Implimentazzjoni u ftehim ta' għotja

    Artikolu 18

    Ġenerali

    1.   Il-parteċipanti għandhom jimplimentaw l-azzjoni indiretta u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa u raġonevoli kollha għal dik il-fini. Il-parteċipanti fl-istess azzjoni indiretta għandhom jimplimentaw kollettivament u separatament il-ħidma lejn il-Komunità.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tfassal, abbażi tal-mudell ipprovdut fl-Artikolu 19(7) u b'konsiderazzjoni tal-karatteristiċi ta' l-iskema ta' finanzjament konċernata, ftehim ta' għotja bejn il-Komunità u l-parteċipanti.

    3.   Il-parteċipanti m'għandhom jagħmlu ebda impenji li jkunu inkompatibbli mal-ftehim ta' l-għotja.

    4.   Fejn parteċipant jonqos milli jikkonforma ma' l-obbligi rigward l-implimentazzjoni teknika ta' l-azzjoni indiretta, il-parteċipanti l-oħrajn għandhom jikkonformaw mal-ftehim ta' għotja mingħajr ebda kontribut Komunitarju kumplimentari sakemm il-Kummissjoni ma teħlishomx espressament minn dak l-obbligu.

    5.   Jekk l-implimentazzjoni ta' azzjoni ssir impossibbli jew jekk il-parteċipanti jonqsu milli jimplimentawha, il-Kummissjoni għandha tiżgura t-tmiem ta' l-azzjoni.

    6.   Il-parteċipanti għandhom jiżguraw li l-Kummissjoni tiġi informata b'dak kollu li jkun qed jiġri li jista' jolqot l-implimentazzjoni ta' l-azzjoni indiretta jew l-interessi tal-Komunità.

    7.   Fejn previst fil-ftehim ta' għotja, il-parteċipanti jistgħu jissubkuntrattaw ċerti elementi tax-xogħol li jrid jitwettaq lil partijiet terzi.

    8.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-proċeduri ta' rimedju għall-parteċipanti.

    Artikolu 19

    Dispożizzjonijiet ġenerali li għandhom jiddaħħlu fil-ftehim ta' għotja

    1.   Il-ftehim ta' għotja għandu jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-parteċipanti fil-konfront tal-Komunità, konformement mad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE dan ir-Regolament, ir-Regolament Finanzjarju, u r-Regoli ta' l-Implimentazzjoni, u konformement mal-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja.

    Dan għandu jistabbilixxi wkoll, konformement ma' l-istess kondizzjonijiet, id-drittijiet u l-obbligi ta' entitajiet ġuridiċi li jidħlu jieħdu sehem waqt li l-azzjoni indiretta tkun għaddejja.

    2.   Fejn ikun xieraq, il-ftehim ta' għotja għandu jistipula liema parti mill-kontribut tal-Komunità għandha tkun ibbażata fuq ir-rimborż ta' l-ispejjeż eliġibbli, u liema parti għandha tkun ibbażata fuq rati fissi (inkluża skala ta' spejjeż ta' kull unità) jew somma f'daqqa.

    3.   Il-ftehim ta' għotja għandu jistipula liema tibdiliet fil-kompożizzjoni tal-konsorzju jkunu jeħtieġu l-pubblikazzjoni minn qabel ta' sejħa kompetittiva.

    4.   Il-ftehim ta' għotja għandu jkun jeħtieġ il-preżentazzjoni lill-Kummissjoni ta' rapporti tal-progress perjodikament fir-rigward ta' l-implimentazzjoni ta' l-azzjoni indiretta konċernata.

    5.   Fejn ikun xieraq, il-ftehim ta' għotja jista' jistipula li l-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa bil-quddiem b'kull intenzjoni ta' trasferiment tas-sjieda tat-tagħrif miksub lil parti terza.

    6.   Fejn ftehim ta' għotja jeżiġi li l-parteċipanti jwettqu attivitajiet ta' benefiċċju għal partijiet terzi, il-parteċipanti għandhom jirriklamaw dan b'mod wiesa' u jidentifikaw, jevalwaw u jagħżlu l-partijiet terzi b'mod trasparenti, ġust u imparzjali. F'każ li hekk ikun stipulat fil-programm ta' ħidma, il-ftehim ta' għotja għandu jistabbilixxi l-kriterji għall-għażla tat-tali partijiet terzi. Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li toġġezzjona għall-għażla tal-partijiet terzi.

    7.   Il-ftehim ta' għotja jista' jistabbilixxi limiti ta' żmien għal parteċipanti sabiex jagħtu n-notifiki varji msemmijin f'dan ir-Regolament

    8.   Il-Kummissjoni għandha, f'koperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, tistabbilixxi mudell ta' ftehim ta' għotja konformement ma' dan ir-Regolament. Jekk ikun hemm ħtieġa ta' modifika sinifikanti tal-mudell ta' ftehim ta' għotja, il-Kummissjoni għandha, f'koperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, tirrevedih kif xieraq.

    9.   Il-mudell ta' ftehim ta' għotja għandu jirrifletti l-prinċipji ġenerali stabbiliti fil-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi u fil-Kodiċi ta' Kondotta għar-Reklutaġġ tar-Riċerkaturi. Dan għandu jindirizza, kif jixraq, is-sinerġiji ma' l-edukazzjoni fil-livelli kollha; id-disponibbiltà u l-kapaċità li jitrawwem djalogu u dibattitu dwar kwistjonijiet xjentifiċi u r-riżultati tar-riċerka fost pubbliku wiesa' lil hinn mill-komunità tar-riċerka; l-attivitajiet li jżidu fil-parteċipazzjoni u l-irwol tan-nisa fir-riċerka; u l-attivitajiet li jindirizzaw l-aspetti soċjo-ekonomiċi tar-riċerka.

    10.   Il-mudell ta' ftehim ta' għotja għandu jipprevedi sorveljanza u kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni jew kwalunkwe rappreżentant awtorizzat minnha, u mill-Qorti ta' l-Awdituri.

    Artikolu 20

    Dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta' aċċess, użu u disseminazzjoni

    1.   Il-ftehim ta' għotja għandu jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-parteċipanti fir-rigward tad-drittijiet ta' aċċess, l-użu u d-disseminazzjoni, safejn dawk id-drittijiet u l-obbligi ma jkunux ġew stabbiliti f'dan ir-Regolament.

    Għal dawn il-finijiet, dan għandu jkun jeħtieġ il-preżentazzjoni lill-Kummissjoni ta' pjan għall-użu u għad-disseminazzjoni tat-tagħrif miksub.

    2.   Il-ftehim ta' għotja jista' jispeċifika l-kondizzjonijiet li taħthom il-parteċipanti jistgħu joġġezzjonaw għal xi awditjar teknoloġiku li jkun qed isir minn ċerti rappreżentanti awtorizzati tal-Kummissjoni dwar l-użu u d-disseminazzjoni tat-tagħrif miksub.

    Artikolu 21

    Dispożizzjonijiet dwar it-terminazzjoni

    Il-ftehim ta' għotja għandu jispeċifika r-raġunijiet għat-terminazzjoni tiegħu, għal kollox jew parzjalment, b'mod partikolari minħabba nuqqas ta' konformità ma' dan ir-Regolament, inadempjenza jew ksur kuntrattwali, kif ukoll il-konsegwenzi fuq il-parteċipanti ta' xi inadempjenza min-naħa ta' parteċipant ieħor.

    Artikolu 22

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    1.   Fil-każ ta' azzjonijiet indiretti għall-appoġġ ta' infrastrutturi ta' riċerka eżistenti u, fejn japplika, ta' infrastrutturi ta' riċerka ġodda, il-ftehim ta' għotja jista' jistipula dispożizzjonijiet speċifiċi rigward il-konfidenzjalità, il-pubbliċità u d-drittijiet ta' l-aċċess u l-impenji li jistgħu jolqtu l-utenti ta' l-infrastruttura.

    2.   Fil-każ ta' azzjonijiet indiretti għall-appoġġ ta' taħriġ u żvilupp tal-karriera tar-riċerkaturi, il-ftehim jista' jistipula dispożizzjonijiet speċifiċi rigward il-konfidenzjalità, id-drittijiet ta' l-aċċess u l-impenji relatati mar-riċerkaturi li jibbenefikaw mill-azzjoni.

    3.   Fil-każ ta' azzjonijiet indiretti fil-qasam tar-riċerka dwar is-sigurtà, il-ftehim ta' għotja jista' jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi b'mod partikolari dwar bidliet fil-kompożizzjoni tal-konsorzju, il-konfidenzjalità, il-klassifikazzjoni ta' l-informazzjoni, u l-informazzjoni lill-Istati Membri, id-disseminazzjoni, id-drittijiet ta' aċċess, it-trasferiment tas-sjieda tat-tagħrif ġdid miksub u l-użu tiegħu.

    4.   Fejn ikun xieraq, il-ftehim ta' għotja għal azzjonijiet indiretti li jittrattaw kwistjonijiet ta' sigurtà, barra dawk imsemmijin fil-paragrafu 3, jista' jinkludi wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi bħal dawn.

    5.   Fil-każ ta' azzjonijiet ta' riċerka “innovattiva”, il-ftehim ta' għotja jista' jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi relatati mad-disseminazzjoni.

    Artikolu 23

    Firma u adeżjoni

    Il-ftehim ta' għotja għandu jidħol fis-seħħ ma' l-iffirmar mill-koordinatur u mill-Kummissjoni.

    Dan għandu japplika għal kull parteċipant li jkun formalment aderixxa miegħu.

    Subsezzjoni 4

    Konsorzji

    Artikolu 24

    Ftehim ta' konsorzji

    1.   Ħlief fejn previst mod ieħor fis-sejħa għal proposti, il-parteċipanti kollha f'azzjoni indiretta għandhom jikkonkludu ftehim, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-ftehim ta' konsorzju”, sabiex jirregola inter alia dawn li ġejjin:

    (a)

    l-organizzazzjoni interna tal-konsorzju;

    (b)

    id-distribuzzjoni tal-kontribut finanzjarju Komunitarju;

    (ċ)

    regoli dwar id-disseminazzjoni, l-użu u d-drittijiet ta' aċċess, addizzjonali għal dawk li jinsabu fil-Kapitolu III u għad-dispożizzjonijiet fil-ftehim ta' l-għotja;

    (d)

    ir-riżoluzzjoni ta' disputi interni inklużi każijiet ta' abbuż tal-poter;

    (e)

    arranġamenti ta' responsabbiltà, indennizz u konfidenzjalità bejn il-parteċipanti.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tippubblika linji gwida dwar il-kwistjonijiet ewlenin li jistgħu jiġu indirizzati minn parteċipanti fil-ftehim ta' konsorzju tagħhom, inkluż dispożizzjonijiet dwar il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ta' l-SMEs.

    Artikolu 25

    Il-koordinatur

    1.   L-entitajiet ġuridiċi kollha li jixtiequ jipparteċipaw f'azzjoni indiretta għandhom jaħtru wieħed minn fosthom sabiex jagħmilha ta' koordinatur sabiex iwettaq il-kompiti li ġejjin konformement ma' dan ir-Regolament, ir-Regolament Finanzjarju, mir-Regoli ta' l-Implimentazzjoni, u mal-ftehim ta' għotja:

    (a)

    jimmonitorja l-konformità mill-parteċipanti fl-azzjoni indiretta ma' l-obbligi tagħhom;

    (b)

    jivverifika jekk l-entitajiet ġuridiċi identifikati fil-ftehim ta' l-għotja lestewx il-formalitajiet meħtieġa għal-adeżjoni mal-ftehim ta' l-għotja;

    (ċ)

    jirċievi l-kontribut finanzjarju Komunitarju u jqassmu skond il-ftehim tal-konsorzju u l-ftehim ta' għotja;

    (d)

    iżomm ir-reġistri u l-kontijiet finanzjarji relatati mal-kontribut finanzjarju Komunitarju u jinforma lill-Kummissjoni dwar id-distribuzzjoni tiegħu konformement mal-punt (b) ta' l-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 36;

    (e)

    ikun intermedjarju għal komunikazzjoni effiċjenti u korretta bejn il-parteċipanti u jirrapporta regolarment lill-parteċipanti u lill-Kummissjoni dwar il-progress tal-proġett.

    2.   Il-koordinatur għandu jkun identifikat fil-ftehim ta' għotja.

    3.   Il-ħatra ta' koordinatur ġdid teħtieġ l-approvazzjoni bil-miktub tal-Kummissjoni.

    Artikolu 26

    Tibdiliet fil-konsorzju

    1.   Il-parteċipanti f'azzjoni indiretta jistgħu jaqblu li jżidu parteċipant ġdid jew li jneħħu parteċipant eżistenti skond id-dispożizzjonijiet rispettivi fil-ftehim ta' konsorzju.

    2.   Kwalunkwe entità ġuridika li tissieħeb f'azzjoni għaddejja għandha tidħol formalment fil-ftehim ta' għotja.

    3.   F'każijiet speċifiċi, fejn ikun previst fil-ftehim ta' għotja, il-konsorzju għandu jippubblika sejħa kompetittiva u jirriklamaha b'mod wiesa' bl-użu ta' appoġġ speċifiku ta' informazzjoni, partikolarment is-siti ta' l-Internet dwar is-Seba' Programm ta' Qafas, l-istampa u fuljetti speċjalizzati, u l-punti nazzjonali ta' kuntatt imwaqqfin mill-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati għal informazzjoni u appoġġ.

    Il-konsorzju għandu jivvaluta l-offerti fid-dawl tal-kriterji li jkunu rregolaw l-azzjoni inizjali u bl-assistenza ta' esperti indipendenti maħturin mill-konsorzju, konformement mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 15 u 17 rispettivament.

    4.   Il-konsorzju għandu jinnotifika b'kull bidla proposta li ssir fil-kompożizzjoni tiegħu lill-Kummissjoni, li tista' toġġezzjona fi żmien 45 jum min-notifika.

    Tibdiliet fil-kompożizzjoni tal-konsorzju marbutin mal-proposti għal tibdiliet oħrajn fil-ftehim ta' għotja li mhumiex relatati direttament mal-bidla fil-kompożizzjoni għandhom ikunu suġġetti għall-approvazzjoni bil-miktub tal-Kummissjoni.

    Subsezzjoni 5

    Monitoraġġ u evalwazzjoni ta' programmi u azzjonijiet indiretti u l-komunikazzjoni ta' informazzjoni

    Artikolu 27

    Monitoraġġ u evalwazzjoni

    1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet indiretti abbażi ta' rapporti tal-progress perjodikament ippreżentati skond l-Artikolu 19(4).

    B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-pjan għall-użu u d-disseminazzjoni tat-tagħrif ġdid miksub, ippreżentat skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 20(1).

    Għal dawk il-għanjiet, il-Kummissjoni tista' tkun megħjuna minn esperti indipendenti maħtura skond l-Artikolu 17.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm sistema informattiva li tippermetti li dan il-monitoraġġ isir b'mod effiċjenti u koerenti tul is-Seba' Programm Kwadru kollu.

    Suġġett għall-Artikolu 3, il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq kwalunkwe mezz adegwat informazzjoni dwar il-proġetti ffinanzjati.

    3.   Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni msemmijin fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE għandhom jinkludu aspetti relatati ma' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, f'aspetti partikolari relevanti għall-SMEs, u għandhom jindirizzaw l-impatt baġitarju tal-bidliet fir-reġim tal-kalkolu ta' l-ispejjeż meta mqabbel mas-Sitt Programm Kwadru u l-effetti tiegħu fuq il-piż amministrattiv għall-parteċipanti.

    4.   Il-Kummissjoni għandha taħtar, skond l-Artikolu 17, esperti indipendenti sabiex jassistuha fl-evalwazzjonijiet meħtieġa taħt is-Seba' Programm Kwadru, u l-programmi speċifiċi tiegħu, u, skond ma jitqies meħtieġ, għall-evalwazzjoni ta' Programmi Kwadru preċedenti.

    5.   Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' twaqqaf gruppi ta' esperti indipendenti maħtura skond l-Artikolu 17, sabiex jagħtu parir dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika Komunitarja tar-riċerka.

    Artikolu 28

    L-informazzjoni li għandha ssir disponibbli

    1.   B'konsiderazzjoni debita ta' l-Artikolu 3, il-Kummissjoni għandha, wara talba, tagħmel disponibbli għal kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż assoċjat kwalunkwe informazzjoni utli fil-pussess tagħha dwar informazzjoni ġdida miksuba li toħroġ mill-ħidma mwettqa fil-kuntest ta' azzjoni indiretta, sakemm jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-informazzjoni konċernata tkun relevanti għall-politika pubblika;

    (b)

    il-parteċipanti ma jkunux ġabu raġunijiet sodi u biżżejjed sabiex jinżamm l-għoti ta' l-informazzjoni konċernata.

    2.   Taħt l-ebda ċirkostanzi m'għandu l-għoti ta' l-informazzjoni skond il-paragrafu 1 jitqies li jkun qed jittrasferixxi lir-reċipjent xi drittijiet jew obbligi tal-Kummissjoni jew tal-parteċipanti.

    Madanakollu, ir-reċipjent għandu jittratta kull informazzjoni bħal din bħala konfidenzjali sakemm ma ssirx pubblika jew ma ssirx disponibbli pubblikament mill-parteċipanti, jew sakemm ma tkunx ġiet komunikata lill-Kummissjoni mingħajr restrizzjonijiet ta' konfidenzjalità.

    SEZZJONI 3

    Il-kontribut finanzjarju komunitarju

    Subsezzjoni 1

    Eliġibbiltà għall-finanzjament u forom ta' għotjiet

    Artikolu 29

    Eliġibbiltà għall-finanzjament

    1.   L-entitajiet ġuridiċi li ġejjin, parteċipanti f'azzjoni indiretta, jistgħu jirċievu kontribut finanzjarju Komunitarju:

    (a)

    kwalunkwe entità ġuridika stabbilita fi Stat Membru jew pajjiż assoċjat, jew maħluqa taħt il-liġi Komunitarja;

    (b)

    kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali b'interessi Ewropej;

    (ċ)

    kwalunkwe entità ġuridika stabbilita f'pajjiż sieħeb f'koperazzjoni internazzjonali.

    2.   Fil-każ ta' organizzazzjoni internazzjonali parteċipanti, barra xi organizzazzjoni internazzjonali b'interessi Ewropej, jew entità ġuridika stabbilita f'pajjiż terz li mhux pajjiż assoċjat jew pajjiż sieħeb f'koperazzjoni internazzjonali, tista' tingħata kontribut finanzjarju Komunitarju sakemm tiġi sodisfatta minn ta' l-inqas waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    ikun hemm provvediment f'dan is-sens fil-programmi speċifiċi jew fil-programm ta' ħidma relevanti,

    (b)

    tkun essenzjali għat-twettiq ta' l-azzjoni indiretta,

    (ċ)

    ikun hemm provvediment għal tali finanzjament fi ftehim bilaterali dwar ix-xjenza u t-teknoloġija jew kwalunkwe ftehim ieħor bejn il-Komunità u l-pajjiż li fih l-entità ġuridika tkun stabbilita.

    Artikolu 30

    Forom ta' għotjiet

    1.   Il-kontribut finanzjarju Komunitarju għal għotjiet identifikati fil-parti a) ta' l-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE għandu jkun imsejjes fuq ir-rimborż, sħiħ jew parzjali, ta' l-ispejjeż eliġibbli.

    Madanakollu, il-kontribut finanzjarju Komunitarju jista' jieħu l-forma ta' finanzjament b'rata fissa, inkluż finanzjament permezz ta' skala ta' spejjeż unitarji, jew somma f'daqqa, jew jista' jikkombina flimkien ir-rimborż ta' l-ispejjeż eliġibbli ma' rati fissi u somom f'daqqa. Il-kontribut finanzjarju Komunitarju jista' jieħu wkoll il-forma ta' boroż ta' studju jew premjijiet.

    2.   Il-programmi ta' ħidma u s-sejħiet għal proposti għandhom jispeċifikaw il-forom ta' għotjiet li għandhom jintużaw fl-azzjonijiet konċernati.

    3.   Il-parteċipanti minn pajjiżi sħab f'koperazzjoni internazzjonali jistgħu jagħżlu l-kontribut finanzjarju Komunitarju fil-forma ta' finanzjament f'somma waħda. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi somom f'daqqa applikabbli skond ir-Regolament Finanzjarju.

    Artikolu 31

    Rimborż ta' l-ispejjeż eliġibbli

    1.   Azzjonijiet indiretti ffinanzjati b'għotjiet għandhom ikunu ko-finanzjati mill-parteċipanti.

    Biex isir rimborż ta' l-ispejjeż eliġibbli l-kontribut finanzjarju tal-Komunità m'għandux iwassal għal profitt.

    2.   Għandhom ikunu kkunsidrati rċevuti għall-ħlas ta' l-għotja fi tmiem l-implimentazzjoni ta' l-azzjoni.

    3.   Biex ikunu kkunsidrati bħala eliġibbli, l-ispejjeż li jsiru għall-implimentazzjoni ta' azzjoni indiretta iridu jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    għandhom ikunu attwali;

    (b)

    għandhom ikunu saru tul il-perjodu ta' l-azzjoni, bl-eċċezzjoni tar-rapporti finali fejn ikun sar provvediment għal dan fil-ftehim ta' l-għotja;

    (ċ)

    għandhom ikunu ġew determinati skond il-prinċipji u l-prassi normali ta' kontabbiltà u amministrazzjoni tal-parteċipant u użati għall-iskop waħdieni li jintlaħqu l-għanijiet ta' l-azzjoni indiretta u r-riżultati mistennija minnha, b'mod konsistenti mal-prinċipji ta' l-ekonomija, l-effiċjenza u l-effikaċja;

    (d)

    għandhom ikunu mdaħħla fil-kontijiet tal-parteċipant u mħallsa u, fil-każ ta' xi kontribut minn partijiet terzi, għandhom ikunu mdaħħla fil-kontijiet tal-partijiet terzi;

    (e)

    għandhom ikunu ħielsa minn spejjeż mhux eliġibbli, b'mod partikolari taxxi indiretti identifikabbli inkluża t-taxxa fuq il-valur miżjud, dazji, imgħaxijiet dovuti, provvedimenti dwar il-possibbiltà ta' telf jew nefqiet futuri, telf fuq il-kambju, spejjeż relatati mad-dħul mill-kapital, spejjeż iddikjarati jew li jkunu saru, jew rimborżati fir-rigward ta' proġett ieħor tal-Komunità, dejn jew spejjeż tad-dejn, infiq żejjed jew bl-addoċċ, u kull spiża oħra li ma tissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) sa (d).

    Għall-finijiet tal-punt (a), għall-persunal jistgħu jintużaw l-ispejjeż medji jekk dawn ikunu konsistenti mal-prinċipji ta' l-amministrazzjoni u l-prassi tal-kontabbiltà tal-parteċipant u ma jvarjawx b'mod sinifikanti mill-ispejjeż attwali.

    4.   Filwaqt li l-kontribut finanzjarju Komunitarju għandu jiġi kkalkulat b'referenza għall-ispiża ta' l-azzjoni indiretta globali, ir-rimborż għandu jkun ibbażat fuq l-ispejjeż irrapportati ta' kull parteċipant.

    Artikolu 32

    Spejjeż eliġibbli diretti u spejjeż eliġibbli indiretti

    1.   L-ispejjeż eliġibbli għandhom jikkonsistu fi spejjeż li jistgħu jiġu attribwiti direttament lill-azzjoni, minn hawn 'il quddiem imsejħa “spejjeż eliġibbli diretti” u, fejn japplikaw, fi spejjeż li ma jistgħux jiġu attribwiti direttament lill-azzjoni, imma li jkunu saru b'rabta diretta ma' l-ispejjeż eliġibbli diretti attribwiti lill-azzjoni, minn hawn 'il quddiem imsejħa “spejjeż eliġibbli indiretti”.

    2.   Ir-rimborż ta' spejjeż tal-parteċipanti għandu jkun ibbażat fuq l-ispejjeż diretti u indiretti eliġibbli tagħhom.

    Konformement mal-punt (ċ) ta' l-Artikolu 31(3), parteċipant jista' juża metodu ssimplifikat ta' kalkolu ta' l-ispejjeż eliġibbli indiretti tiegħu fil-livell ta' l-entità ġuridika tiegħu jekk dan ikun skond il-prinċipju u l-prassi abitwali fiż-żamma tal-kontijiet tiegħu. Il-prinċipji li għandhom jiġu segwiti f'dan ir-rigward għandhom jiġu stabbiliti fil-mudell tal-ftehim ta' għotja.

    3.   Il-ftehim ta' għotja jista' jipprevedi li r-rimborż ta' spejjeż eliġibbli indiretti għandu jkun limitat għal persentaġġ massimu ta' l-ispejjeż eliġibbli diretti, esklużi l-ispejjeż eliġibbli diretti għas-sottokuntratti, b'mod partikolari fil-każ ta' l-azzjonijiet ta' koordinazzjoni u appoġġ, u, fejn xieraq, l-azzjonijiet ta' taħriġ u żvilupp tal-karriera tar-riċerkaturi.

    4.   B'derga mill-paragrafu 2, sabiex jiġu koperti l-ispejjeż eliġibbli diretti, parteċipant jista' jagħżel li jieħu rata fissa għat-total ta' l-ispejjeż eliġibbli diretti tiegħu, esklużi l-ispejjeż eliġibbli diretti tiegħu għas-sottokuntratti jew rimborż ta' l-ispejjeż ta' partijiet terzi.

    Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rati fissi xierqa bbażati fuq approssimazzjoni mill-qrib ta' l-ispejjeż diretti reali konċernati, skond ir-Regolament Finanzjarju u r-Regoli ta' l-Implimentazzjoni tiegħu.

    5.   Korpi pubbliċi li ma joperawx għal skopijiet ta' qligħ, stabbilimenti ta' l-edukazzjoni sekondarja u edukazzjoni superjuri, organizzazzjonijiet ta' riċerka u SMEs li ma jistgħux jidentifikaw b'ċertezza l-ispejjeż indiretti reali tagħhom għall-azzjoni konċernata, meta jipparteċipaw fi skemi ta' finanzjament li jinkludu riċerka u żvilupp telnoloġiku u attivitajiet dimostrattivi, kif imsemmi fl-Artikolu 33, jistgħu jagħżlu rata fissa ta' 60 % ta' l-ispejjeż eliġibbli indiretti totali għal għotjiet aġġudikati taħt sejħiet għal proposti li jagħlqu qabel l-1 ta' Jannar 2010.

    Bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata transizzjoni għall-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju ġenerali stabbilit fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, għal għotjiet aġġudikati taħt is-sejħiet li jagħlqu wara l-31 ta' Diċembru 2009, livell xieraq ta' rata fissa li għandha tkun approssimazzjoni ta' l-ispejjeż indiretti reali konċernati iżda mhux ta' inqas minn 40 %. Din tkun ibbażata fuq evalwazzjoni tal-parteċipazzjoni ta' korpi pubbliċi li ma joperawx għal skopijiet ta' qligħ, istituzzjonijiet ta' edukazzjoni sekondarja u edukazzjoni superjuri, organizzazzjonijiet ta' riċerka u SMEs li ma jistgħux jidentifikaw b'ċertezza l-ispejjeż indiretti reali tagħhom għall-azzjoni konċernata.

    6.   Ir-rati fissi kollha għandhom jiġu stabbiliti fil-mudell ta' ftehim ta' għotja.

    Artikolu 33

    L-ogħla limiti ta' finanzjament

    1.   Għal attivitajiet ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku, il-kontribut finanzjarju Komunitarju jista' jilħaq massimu ta' 50 % ta' l-ispejjeż totali eliġibbli.

    Madanakollu, fil-każ ta' korpi pubbliċi li ma joperawx għal skopijiet ta' qligħ, istituzzjonijiet ta' edukazzjoni sekondarja u edukazzjoni superjuri, organizzazzjonijiet ta' riċerka u SMEs, dan jista' jilħaq massimu ta' 75 % ta' l-ispejjeż totali eliġibbli.

    Għal riċerka relatata mas-sigurtà u attivitajiet ta' żvilupp teknoloġiku, dan jista' jilħaq massimu ta' 75 % fil-każ ta' l-iżvilupp ta' kapaċitajiet f'oqsma b'daqs tas-suq limitat ħafna u b'riskju ta'“falliment tas-suq” u għall-iżvilupp aċċellerat ta' tagħmir bħala rispons għal theddid ġdid.

    2.   Għal attivitajiet dimostrattivi, il-kontribut finanzjarju Komunitarju jista' jilħaq massimu ta' 50 % ta' l-ispejjeż totali eliġibbli.

    3.   Għal attivitajiet appoġġati minn azzjonijiet ta' riċerka “innovattiva”, azzjonijiet ta' koordinazzjoni u appoġġ, u azzjonijiet ta' taħriġ u żvilupp tal-karriera tar-riċerkaturi, il-kontribut finanzjarju Komunitarju jista' jilħaq massimu ta' 100 % ta' l-ispejjeż totali eliġibbli.

    4.   Għal attivitajiet ta' ġestjoni inklużi ċertifikati dwar ir-rendikonti finanzjarji, u attivitajiet oħrajn mhux koperti mill-paragrafi 1, 2 u 3, il-kontribut finanzjarju Komunitarju jista' jilħaq massimu ta' 100 % ta' l-ispejjeż totali eliġibbli.

    L-attivitajiet l-oħrajn imsemmija fl-ewwel subparagrafu jinkludu, inter alia, it-taħriġ f'azzjonijiet li ma jaqgħux fl-iskema ta' finanzjament għal taħriġ u żvilupp tal-karriera tar-riċerkaturi, il-koordinazzjoni, in-netwerking, u d-disseminazzjoni.

    5.   Għall-għanjiet tal-paragrafi 1 sa 4, għandhom jitqiesu l-ispejjeż eliġibbli u l-irċevuti sabiex ikun iddeterminat il-kontribut finanzjarju Komunitarju.

    6.   Il-paragrafi 1 sa 5 għandhom japplikaw, skond kif ikun xieraq, fil-każ ta' azzjonijiet indiretti fejn jintuża finanzjament b'rata fissa jew finanzjament permezz ta' somma f'daqqa għall-azzjoni indiretta kollha.

    Artikolu 34

    Rappurtaġġ u awditjar ta' spejjeż eliġibbli

    1.   Għandhom jiġu preżentati rapporti perjodiċi lill-Kummissjoni dwar l-ispejjeż eliġibbli, l-interessi finanzjarji li jkunu daħlu minn pre-finanzjament, u l-irċevuti relatati ma' l-azzjoni indiretta konċernata u, fejn ikun xieraq, ċertifikat dwar ir-rendikonti finanzjarji, konformement mar-Regolament Finanzjarju u r-Regoli ta' l-Implimentazzjoni.

    L-eżistenza tal-kofinanzjament fir-rigward ta' l-azzjoni konċernata għandha tiġi rrappurtata u, fejn ikun xieraq, iċċertifikata fi tmiem l-azzjoni.

    2.   Minkejja r-Regolament Finanzjarju u r-Regoli ta' l-Implimentazzjoni, ċertifikat dwar ir-rendikonti finanzjarji għandu jkun obbligatorju biss kull meta l-ammont kumulattiv ta' ħlasijiet interim u ħlasijiet ta' bilanċ li jsiru lil parteċipant ikun ugwali għal EUR 375 000 jew aktar għal azzjoni indiretta.

    Madankollu, għal azzjonijiet indiretti li jdumu sentejn jew anqas, għandu jintalab mill-parteċipant mhux aktar minn ċertifikat wieħed dwar ir-rendikonti finanzjarji, fl-aħħar tal-proġett.

    Iċ-ċertifikati dwar ir-rendikonti finanzjarji ma għandhomx ikunu meħtieġa għal azzjonijiet indiretti rimborżati b'mod sħiħ permezz ta' somom f'daqqa jew rati fissi.

    3.   Fil-każ ta' korpi pubbliċi, organizzazzjonijiet tar-riċerka, u istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni sekondarja u edukazzjoni superjuri, ċertifikat dwar ir-rendikonti finanzjarji kif meħtieġ skond il-paragrafu 1 jista' jsir minn uffiċjal pubbliku kompetenti.

    Artikolu 35

    Netwerks ta' Eċċellenza

    1.   Il-programm ta' ħidma għandu jipprovdi għall-forom ta' għotjiet li għandhom jintużaw għan-Netwerks ta' Eċċellenza.

    2.   Fejn il-kontribut finanzjarju Komunitarju għal Netwerks ta' Eċċellenza jieħu l-forma ta' somma f'daqqa, għandu jiġi kkalkulat skond in-numru ta' riċerkaturi li jridu jiġu integrati fin-Netwerk ta' Eċċellenza u ż-żmien li tieħu l-azzjoni. Il-valur ta' l-unità għal somom f'daqqa imħallsin għandu jkun ta' EUR 23 500 kull sena u għal kull riċerkatur.

    Dan l-ammont għandu jiġi aġġustat mill-Kummissjoni konformement mar-Regolament Finanzjarju u r-Regoli ta' l-Implimentazzjoni.

    3.   Il-programm ta' ħidma għandu jistabbilixxi n-numru massimu ta' parteċipanti u, fejn ikun xieraq, in-numru massimu tar-riċerkaturi li jista' jintuża bħala bażi tal-kalkolu tas-somma f'daqqa massima. Madanakollu, parteċipanti aktar u 'l fuq mill-maxima sabiex jiġi stabbilit il-kontribut finanzjarju jistgħu jieħdu sehem skond kif ikun xieraq.

    4.   Il-ħlas għandu jsir permezz ta' ħlasijiet perjodiċi.

    Dawk il-ħlasijiet perijodiċi għandhom isiru skond il-valutazzjoni tal-progress fl-implimentazzjoni tal-Programm Konġunt ta' l-Attivitajiet permezz tal-kejl ta' l-integrazzjoni tar-riżorsi u l-kapaċitajiet tar-riċerka msejjes fuq indikaturi tal-prestazzjoni, innegozjati mal-konsorzju u speċifikati fil-ftehim ta' għotja.

    Subsezzjoni 2

    Ħlas, distribuzzjoni, irkupru u garanziji

    Artikolu 36

    Ħlas u distribuzzjoni

    1.   Il-kontribut finanzjarju Komunitarju għandu jitħallas lill-parteċipanti permezz tal-koordinatur mingħajr dewmien żejjed.

    2.   Il-koordinatur għandu jżomm rekords li jippermettu li jkun determinat f'kull ħin x'porzjon tal-fondi tal-Komunità jkun tqassam lil kull parteċipant.

    Il-koordinatur għandu jgħaddi din l-informazzjoni lill-Kummissjoni meta jintalab jagħmel dan.

    Artikolu 37

    Irkupru

    Il-Kummissjoni tista' tadotta deċiżjoni dwar l-irkupru konformement mar-Regolament Finanzjarju.

    Artikolu 38

    Mekkaniżmu sabiex jiġi evitat ir-riskju

    1.   Ir-responsabbiltà finanzjarja ta' kull parteċipant għandha tiġi limitata għad-dejn tagħha stess, suġġetta għall-paragrafi 2 sa 5.

    2.   Sabiex jiġi ġestit ir-riskju assoċjat man-nuqqas ta' rkupru ta' somom dovuti lill-Komunità, il-Kummissjoni għandha tattwa u żżomm fond ta' garanzija tal-parteċipanti (minn hawn 'l quddiem “il-Fond”) skond l-Anness.

    L-interessi finanzjarji ġġenerati mill-Fond għandhom jiżdiedu mal-Fond u għandhom iservu esklussivament għall-finijiet stipulati fil-punt 3 ta' l-Anness, mingħajr preġudizzju għall-punt 4 tiegħu.

    3.   Il-kontribut lill-Fond minn parteċipant ta' azzjoni indiretta li jieħu l-forma ta' għotja m'għandux jaqbeż il-5 % tal-kontribut finanzjarju Komunitarju dovut lill-parteċipant. Fl-aħħar ta' l-azzjoni l-ammont ikkontribwit lill-Fond għandu jingħata lura lill-parteċipant, permezz tal-koordinatur, suġġett għall-paragrafu 4.

    4.   Jekk l-interessi ġġenerati mill-Fond huma insuffiċjenti sabiex ikopru s-somom dovuti lill-Komunità, il-Kummissjoni tista' tnaqqas mill-ammont li għandu jingħata lura lil parteċipant mhux aktar minn 1 % tal-kontribut finanzjarju Komunitarju lilu.

    5.   It-tnaqqis imsemmi fil-paragrafu 4 m'għandux japplika għal korpi pubbliċi, entitajiet ġuridiċi li l-parteċipazzjoni tagħhom fl-azzjoni indiretta hija ggarantita minn Stat Membru jew pajjiż assoċjat, u istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni sekondarja u edukazzjoni superjuri;

    6.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika biss ex-ante l-kapaċità finanzjarja tal-koordinaturi, u tal-parteċipanti li mhumiex imsemmijin fil-paragrafu 5 u li japplikaw għal kontribut finanzjarju Komunitarju f'azzjoni indiretta 'l fuq minn EUR 500 000, sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi eċċezzjonali meta, fuq il-bażi ta' informazzjoni diġà disponibbli, ikun hemm raġunijiet ġustifikati sabiex tiġi ddubitata l-kapaċità finanzjarja ta' dawn il-parteċipanti.

    7.   Il-Fond għandu jiġi kkunsidrat bħala garanzija suffiċjenti taħt ir-Regolament Finanzjarju. L-ebda garanzija jew sigurtà addizzjonali ma għandha tintalab mill-parteċipanti jew tiġi imposta fuqhom.

    KAPITOLU III

    DISSEMINAZZJONI U UŻU, U DRITTIJIET TA' L-AĊĊESS

    SEZZJONI 1

    Tagħrif miksub

    Subsezzjoni 1

    Sjieda

    Artikolu 39

    Id-dritt ta' proprjetà ta' tagħrif miksub

    1.   It-tagħrif ġdid miksub li joħroġ mill-ħidma mwettqa taħt azzjonijiet indiretti barra dawk imsemmijin fil-paragrafu 3 għandu jkun il-proprjetà tal-parteċipant li jwettqu l-ħidma li tipproduċi dak it-tagħrif ġdid miksub.

    2.   Jekk impjegati jew persunal ieħor li jaħdem għal parteċipant ikunu intitolati għal drittijiet fuq tagħrif ġdid miksub, il-parteċipant għandu jiżgura li jkun possibbli li dawk id-drittijiet jiġu eżerċitati b'mod kompatibbli ma' l-obbligazzjonijiet tiegħu taħt il-ftehim ta' għotja.

    3.   It-tagħrif miksub għandu jkun il-proprjetà tal-Komunità fil-każijiet li ġejjin:

    (a)

    azzjonijiet ta' koordinazzjoni u appoġġ li jikkonsistu f'xiri ta' oġġetti jew servizzi suġġetti għar-regoli dwar l-akkwist pubbliku stipulati fir-Regolament Finanzjarju;

    (b)

    azzjonijiet ta' koordinazzjoni u appoġġ relatati ma' esperti indipendenti.

    Artikolu 40

    Drittijiet konġunti ta' proprjetà ta' tagħrif miksub

    1.   Fejn numru ta' parteċipanti jkunu wettqu ħidma konġunta li tiġġenera tagħrif ġdid miksub u fejn is-sehem rispettiv tagħhom tal-ħidma ma jkunx jista' jiġi aċċertat, huma għandu jkollhom sjieda konġunta tat-tali tagħrif miksub.

    Huma għandhom jistabbilixxu ftehim dwar l-allokazzjoni u t-termini ta' eżerċizzju ta' dik is-sjieda konġunta skond it-termini tal-ftehim ta' għotja.

    2.   Fejn ma jkunx għad ġie konkluż ftehim ta' ko-proprjetà, kull wieħed mis-sidien konġunti għandu jkun intitolat li jagħti liċenzji mhux esklussivi lil partijiet terzi, mingħajr ebda dritt ta' subliċenzjar, suġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    għandu jingħata avviż bil-quddiem lis-sidien konġunti l-oħra;

    (b)

    għandu jingħata kumpens ġust u raġonevoli lis-sidien konġunti l-oħra.

    3.   Fuq talba, il-Kummissjoni għandha tagħti gwida dwar materji possibbli li għandhom jiġu inklużi fil-ftehim ta' ko-proprjetà.

    Artikolu 41

    Id-dritt ta' proprjetà ta' tagħrif miksub minn gruppi speċifiċi

    Fil-każ ta' azzjonijiet għall-benefiċċju ta' gruppi speċifiċi, l-Artikolu 39(1) u l-Artikolu 40(1) m'għandhomx japplikaw. F'dawn il-każijiet, it-tagħrif miksub għandu jkun ko-proprjetà tal-parteċipanti membri fil-grupp speċifiku li jibbenefika mill-azzjoni, sakemm ma jkunx hemm ftehim mod ieħor bejn dawk il-parteċipanti.

    Fejn is-sidien tat-tagħrif miksub ma humiex membri ta' dak il-grupp, huma għandhom jiżguraw li l-grupp jingħata d-drittijiet kollha għal dak it-tagħri miksub li jkun meħtieġ għall-għanjiet ta' l-użu u d-disseminazzjoni tat-tagħrif miksub skond l-anness tekniku għall-ftehim ta' għotja.

    Artikolu 42

    Trasferiment ta' tagħrif miksub

    1.   Il-proprjetarju tat-tagħrif miksub jista' jittrasferixxih lil kwalunkwe entità ġuridika, suġġett għall-paragrafi 2 sa 5 u l-Artikolu 43.

    2.   Fejn parteċipant jittrasferixxi d-dritt ta' proprjetà tat-tagħrif miksub, huwa għandu jgħaddi l-obbligi tiegħu dwar dak it-tagħrif miksub liċ-ċessjonarju, inkluż l-obbligu li jgħaddihom lil kwalunkwe ċessjonarju sussegwenti, konformement mal-ftehim ta' għotja.

    3.   Suġġett għall-obbligi tiegħu rigward il-konfidenzjalità, fejn il-parteċipant jeħtieġlu li jgħaddi d-drittijiet ta' aċċess, huwa għandu jinnotifika bil-quddiem lill-parteċipanti l-oħrajn fl-istess azzjoni, flimkien ma' informazzjoni suffiċjenti dwar il-proprjetarju l-ġdid tat-tagħrif ġdid miksub sabiex jippermettilhom li jeżerċitaw id-drittijiet ta' aċċess tagħhom taħt il-ftehim ta' għotja.

    Madanakollu, il-parteċipanti l-oħrajn jistgħu, permezz ta' ftehim bil-miktub, jirrinunzjaw għad-dritt ta' avviż individwali bil-quddiem fil-każ ta' trasferimenti tad-dritt ta' proprjetà minn parteċipant lil xi parti terza speċifikament.

    4.   Wara n-notifika skond l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, kwalunkwe parteċipant ieħor jista' joġġezzjona għal kwalunkwe trasferiment tad-dritt ta' proprjetà għar-raġuni li tkun tolqot ħażin id-drittijiet ta' aċċess tagħhom.

    Fejn kwalunkwe mill-parteċipanti l-oħrajn juru li d-drittijiet tagħhom ikunu se jiġu milquta ħażin, it-trasferiment maħsub ma għandux iseħħ qabel jintlaħaq ftehim bejn il-parteċipanti konċernati.

    5.   Fejn ikun xieraq, il-ftehim ta' għotja jista' jipprevedi li l-Kummissjoni tiġi notifikata bil-quddiem bi kwalunkwe trasferiment maħsub tad-dritt ta' proprjetà jew bi kwalunkwe għotja maħsuba ta' liċenzja esklussiva lil parti terza li tkun stabbilita f'pajjiż terz mhux assoċjat mas-Seba' Programm Kwadru.

    Artikolu 43

    Il-preżervazzjoni tal-kompetittività Ewropea u l-prinċipji ta' l-etika

    Il-Kummissjoni tista' toġġezzjona għat-trasferiment ta' sjieda tat-tagħrif miksub, jew għall-għoti ta' liċenzja esklussiva rigward it-tagħrif miksub, lil partijiet terzi stabbiliti f'pajjiż terz mhux assoċjat fis-Seba' Programm Kwadru, jekk tqis li dan mhuwiex konformi ma' l-interessi ta' l-iżvilupp tal-kompetittività ta' l-ekonomija Ewropea jew li ma huwiex konsistenti ma' prinċipji etiċi jew konsiderazzjonijiet ta' sigurtà.

    F'dawn il-każijiet, it-trasferiment tas-sjieda jew l-għoti ta' liċenzja esklussiva m'għandux isir sakemm il-Kummissjoni ma tkunx sodisfatta li poġġew is-salvagwardji xierqa.

    Subsezzjoni 2

    Protezzjoni, pubblikazzjoni, disseminazzjoni u użu

    Artikolu 44

    Protezzjoni tat-tagħrif miksub

    1.   Fejn it-tagħrif miksub jista' jiġi applikat industrijalment jew kummerċjalment, sidu għandu jipprovdi għall-protezzjoni adegwata u effettiva tiegħu, b'kont dovut meħud ta' l-interessi leġittimi tiegħu u l-interessi leġittimi, b'mod partikolari l-interessi kummerċjali, tal-parteċipanti l-oħra fl-azzjoni indiretta konċernata.

    Fejn parteċipant li ma jkunx il-proprjetarju tat-tagħrif ġdid miksub jinvoka interess leġittimu tiegħu, huwa għandu, fi kwalunkwe ħin, juri li jkun se jsofri dannu kbir sproporzjonat.

    2.   Fejn it-tagħrif miksub jista' jiġi applikat industrijalment jew kummerċjalment u l-proprjetarju tiegħu ma jipproteġihx, u ma jittrasferihx lil parteċipant ieħor, entità affiljata stabbilita fi Stat Membru jew pajjiż assoċjat jew kwalunkwe parti terza stabbilita fi Stat Membru jew pajjiż assoċjat flimkien ma' l-obbligi assoċjati skond l-Artikolu 42, ebda attivitajiet ta' disseminazzjoni ma jistgħu jsiru qabel ma l-Kummissjoni tkun ġiet informata.

    F'każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni tista', bil-kunsens tal-parteċipant konċernat, tieħu f'idejha s-sjieda tat-tagħrif miksub u tadotta miżuri għall-ħarsien adegwat u effettiv tiegħu. Il-parteċipant konċernat jista' jirrifjuta l-kunsens biss jekk ikun kapaċi juri li l-interessi leġittimi tiegħu jkunu se jsofru dannu kbir sproporzjonat.

    Artikolu 45

    Dikjarazzjoni rigward appoġġ finanzjarju Komunitarju

    Il-pubblikazzjonijiet kollha, l-applikazzjonijiet kollha għall-brevetti magħmulin minn jew f'isem parteċipant, jew kull disseminazzjoni oħra relatata ma' tagħrif ġdid miksub, għandhom jinkludu dikjarazzjoni, li tista' tinkludi mezzi viżivi, li t-tagħrif ġdid miksub konċernat ġie prodott bl-għajnuna ta' l-appoġġ finanzjarju Komunitarju.

    It-termini ta' dik id-dikjarazzjoni għandhom jiġu stabbiliti fil-ftehim ta' għotja.

    Artikolu 46

    Użu u disseminazzjoni

    1.   Il-parteċipanti għandhom jużaw it-tagħrif miksub li jippossjedu, jew jiżguraw li dan jintuża.

    2.   Kull parteċipant għandu jiżgura li t-tagħrif miksub li għandu s-sjieda tiegħu jkun imxerred kemm jista' jkun b'ħeffa. Jekk jonqos milli jagħmel dan, il-Kummissjoni tista' xxerred dak it-tagħrif miksub. Il-ftehim ta' għotja jista' jistipula limiti ta' żmien f'dan ir-rigward.

    3.   L-attivitajiet ta' disseminazzjoni għandhom ikunu kompatibbli mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-obbligi ta' konfidenzjalità, u l-interessi leġittimi tal-proprjetarju tat-tagħrif miksub.

    4.   Għandu jingħata avviż bil-quddiem dwar kull attività ta' disseminazzjoni lill-parteċipanti l-oħrajn konċernati.

    Wara n-notifika, kull wieħed minn dawk il-parteċipanti jista' joġġezzjona jekk huwa jqis li l-interessi leġittimi tiegħu fir-rigward tat-tagħrif miksub jew tat-tagħrif eżistenti tiegħu jistgħu jsofru dannu kbir sproporzjonat. F'każijiet tali, l-attività ta' disseminazzjoni ma tistax issir sakemm ma jittiħdux passi xierqa għas-salvagwardja ta' dawk l-interessi leġittimi.

    SEZZJONI 2

    Drittijiet ta' aċċess għal tagħrif eżistenti u għal tagħrif miksub

    Artikolu 47

    It-tagħrif eżistenti kopert

    Il-parteċipanti jistgħu jiddefinixxu t-tagħrif eżistenti meħtieġ għall-finijiet ta' azzjoni indiretta fi ftehim bil-miktub u, fejn ikun xieraq, jistgħu jeskludu tagħrif eżistenti speċifiku.

    Artikolu 48

    Prinċipji

    1.   It-talbiet kollha għad-drittijiet ta' l-aċċess għandhom isiru bil-miktub.

    2.   Sakemm ma jkunx hemm ftehim mod ieħor mal-proprjetarju tat-tagħrif miksub jew it-tagħrif eżistenti, id-drittijiet ta' l-aċċess ma' jagħtu ebda dritt li jingħataw subliċenzji.

    3.   Liċenzji esklussivi għal tagħrif miksub jew tagħrif eżistenti jistgħu jingħataw, suġġetti għall-konferma bil-miktub mill-parteċipanti l-oħra kollha li huma jirrinunzjaw għad-drittijiet ta' aċċess fuqu.

    4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, kull ftehim li jipprevedi drittijiet ta' aċċess għal tagħrif miksub jew tagħrif eżistenti għal parteċipanti jew partijiet terzi għandu jkun tali li jiżgura li jinżammu d-drittijiet ta' aċċess potenzjali għall-parteċipanti l-oħra

    5.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 49 u 50 u għall-ftehim ta' għotja, il-parteċipanti fl-istess azzjoni għandhom jinfurmaw lil xulxin malajr kemm jista' jkun b'kull limitazzjoni għall-għoti ta' drittijiet ta' aċċess għal tagħrif eżistenti, jew b'kull restrizzjoni oħra li tista' tolqot b'mod sostanzjali l-għoti tad-drittijiet ta' aċċess.

    6.   It-terminazzjoni tal-parteċipazzjoni tiegħu f'azzjoni indiretta m'għandha bl-ebda mod tinċidi fuq l-obbligu ta' dak il-parteċipant li jagħti drittijiet ta' l-aċċess lill-bqija tal-parteċipanti fl-istess azzjoni taħt it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim ta' għotja.

    Artikolu 49

    Drittijiet ta' l-aċċess għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet indiretti

    1.   Id-drittijiet ta' l-aċċess għal tagħrif miksub għandhom jingħataw lill-parteċipanti l-oħra fl-istess azzjoni indiretta, jekk dawn ikunu meħtieġa sabiex jippermettu lil dawk il-parteċipanti li jwettqu l-ħidma tagħhom taħt dik l-azzjoni indiretta.

    Tali drittijiet ta' l-aċċess għandhom jingħataw ħielsa mir-royalties.

    2.   Id-drittijiet ta' l-aċċess għal tagħrif eżistenti għandhom jingħataw lill-parteċipanti l-oħra fl-istess azzjoni indiretta, jekk dawn ikunu meħtieġa sabiex jippermettu lil dawk il-parteċipanti li jwettqu l-ħidma tagħhom taħt dik l-azzjoni indiretta sakemm il-parteċipant konċernat ikun intitolat li jagħtihom.

    Tali drittijiet ta' l-aċċess għandhom jingħataw ħielsa mir-royalties, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mall-parteċipanti kollha qabel l-adeżjoni tagħhom mal-ftehim ta' għotja.

    Madanakollu, l-eżekuturi ta' l-RTD performers għandhom jagħtu d-drittijiet ta' l-aċċess għal tagħrif eżistenti ħielsa mir-royalties.

    Artikolu 50

    Drittijiet ta' aċċess għall-użu

    1.   Il-parteċipanti fl-istess azzjoni indiretta għandhom igawdu d-drittijiet ta' aċċess għal tagħrif miksub, jekk dawn ikollhom bżonn dawk id-drittijiet għall-użu tat-tagħrif miksub tagħhom stess.

    Suġġett għal ftehim, tali drittijiet ta' aċċess għandhom jingħataw jew b'kondizzjonijiet ekwi u raġonevoli, jew ikunu ħielsa mid-drittijiet ta' royalties.

    2.   Il-parteċipanti fl-istess azzjoni indiretta għandhom igawdu d-drittijiet ta' aċċess għat-tagħrif eżistenti, jekk dan ikun meħtieġ għall-użu tat-tagħrif ġdid miksub tagħhom stess kemm-il darba l-parteċipant konċernat ikun intitolat li jagħtihom.

    Suġġett għal ftehim, tali drittijiet ta' aċċess għandhom jingħataw jew b'kondizzjonijiet ekwi u raġonevoli, jew ikunu ħielsa mid-drittijiet tas-sid.

    3.   Entità affiljata stabbilita fi Stat Membru jew f'pajjiż assoċjat għandu jkollha wkoll id-drittijiet għal aċċess, imsemmijin fil-paragrafi 1 u 2, għat-tagħrif miksub jew tagħrif eżistenti taħt l-istess kondizzjonijiet tal-parteċipant li għalih hija affiljata, dment li mhux previst mod ieħor fil-ftehim ta' għotja jew fil-ftehim ta' konsorzju.

    4.   Talba għad-drittijiet ta' aċċess taħt il-paragrafi 1, 2 u 3 tista' ssir sa żmien sena wara xi waħda minn dawn l-avvenimenti:

    (a)

    it-tmiem ta' l-azzjoni indiretta;

    (b)

    it-terminazzjoni tal-parteċipazzjoni mill-proprjetarju tat-tagħrif eżistenti jew tat-tagħrif miksub konċernat.

    Madanakollu, il-parteċipanti konċernati jistgħu jiftiehmu fuq limitu ta' żmien differenti.

    5.   Suġġett għal ftehim bejn il-proprjetarji kollha konċernati, id-drittijiet ta' aċċess għal tagħrif miksub għandhom jingħataw lil Eżekutur ta' RTD, b'kondizzjonijiet ekwi u raġonevoli li jridu jiġu miftiehma, għall-finijiet tat-twettiq ulterjuri ta' attivitajiet ta' riċerka.

    6.   L-eżekuturi ta' RTD għandhom jagħtu aċċess ħieles minn royalties, jew b'kondizzjonijiet ekwi u raġonevoli li jridu jiġu miftiehma qabel l-iffirmar tal-ftehim ta' għotja, għat-tagħrif eżistenti meħtieġ għall-użu tat-tagħrif miksub prodott fl-azzjoni indiretta.

    Artikolu 51

    Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar drittijiet ta' aċċess għall-użu għal azzjonijiet ta' riċerka “innovattiva” u għal azzjonijiet għall-benefiċċju ta' gruppi speċifiċi

    1.   Il-parteċipanti fl-istess azzjoni ta' riċerka “innovattiva” għandhom igawdu minn drittijiet ta' aċċess li jkunu ħielsa minn drittijiet ta' royalties għal tagħrif miksub u tagħrif eżistenti għall-implimentazzjoni jew għall-finijiet tat-twettiq ulterjuri ta' attivitajiet ta' riċerka.

    Id-drittijiet ta' aċċess għall-użu għal finijiet diversi minn dawk tat-twettiq ulterjuri ta' attivitajiet ta' riċerka għandhom ikunu ħielsa minn drittijiet ta' royalties sakemm ma jiġix previst mod ieħor fil-ftehim ta' għotja.

    2.   Fejn il-grupp speċifiku li jibbenefika mill-azzjoni ikun rappreżentat minn entità ġuridika li tipparteċipa fl-azzjoni flokhom, dik l-entità ġuridika tista' tagħti subliċenzja, fir-rigward ta' kull dritt ta' aċċess mogħti lilha, lil dawk fost il-membri tagħha li jkunu stabbiliti fi Stat Membru jew f'pajjiż assoċjat.

    KAPITOLU IV

    IL-BANK EWROPEW TA' L-INVESTIMENT

    Artikolu 52

    1.   Il-Komunità tista' tagħti kontribuzzjoni lill-Bank Ewropew ta' l-Investiment (EIB) sabiex tkopri r-riskju tas-self jew garanziji li l-EIB jagħmel bħala appoġġ ta' l-objettivi tar-riċerka stabbiliti taħt is-Seba' Programm Kwadru (il-Faċilità Finanzjarja għall-Qsim tar-Riskju).

    2.   L-EIB għandu jipprovdi dan is-self jew garanziji skond il-prinċipji ta' l-ekwità, tat-trasparenza, ta' l-imparzjalità u tat-trattament indaqs.

    3.   Il-Kummissjoni għandha d-dritt li toġġezzjona għall-użu tal-Faċilità Finanzjarja għall-Qsim tar-Riskju għal ċertu self jew garanziji, skond termini li jridu jiġu ddefiniti fil-ftehim ta' għotja konformement mal-Programmi ta' Ħidma.

    KAPITOLU V

    DĦUL FIS-SEĦĦ

    Artikolu 53

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, tat-18 ta' Diċembru 2006

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. VANHANEN


    (1)  Opinjoni mogħtija fil-5 ta' Lulju 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU C 203, 25.8.2006, p. 1.

    (3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Novembru 2006.

    (4)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

    (5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (6)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1248/2006 (ĠU L 227,19.8.2006, p. 3).

    (7)  ĠU C 45, 17.2.1996, p. 5.

    (8)  ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/548/KE, Euratom (ĠU L 215, 5.8.2006, p 38).

    (9)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

    (10)  ĠU L 314. 30.11.2001, p.1.

    (11)  ĠU L 312. 23.12.1995, p. 1.

    (12)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

    (13)  ĠU L 75, 22.3.2005, p. 67.


    ANNESS

    FOND TA' GARANZIJA GĦALL-PARTEĊIPANTI

    1.

    Il-Fond ser ikun ġestit mill-Komunità rrappreżentata mill-Kummissjoni li taġixxi bħala aġent eżekuttiv f'isem il-parteċipanti, taħt kondizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti mill-mudell tal-ftehim ta' għotja.

    Il-Kummissjoni ser tafda l-ġestjoni finanzjarja tal-Fond jew lill-Bank Ewropew ta' l-Investiment jew, skond l-Artikolu 14 punt (b), lil istituzzjoni finanzjarja xierqa (minn hawn 'l quddiem il-“bank depożitarju”). Il-bank depożitarju għandu jamministra l-Fond skond informazzjoni li tingħata mill-Kummissjoni.

    2.

    Il-Kummissjoni tista' tagħmel tajjeb, mill-ewwel finanzjament bil-quddiem li tħallas lill-konsorzju, għall-kontibuzzjoni tal-parteċipanti lill-Fond, u tħallasha lill-Fond f'isimhom.

    3.

    Fejn hemm ammonti dovuti lill-Komunità minn parteċipant, il-Kummissjoni tista', mingħajr preġudizzju għall-penali li jistgħu jiġu imposti fuq il-parteċipant li jonqos mir-rimborż skond ir-Regolament Finanzjarju, jew:

    (a)

    tordna lill-bank depożitarju sabiex jittrasferixxi direttament l-ammont dovut mill-Fond lill-koordinatur ta' l-azzjoni indiretta jekk tkun għadha għaddejja u jekk il-parteċipanti li jibqa' jaqblu li jimplimentawha bl-istess mod fir-rigward ta' l-objettivi tagħha, skond l-Artikolu 18(4). L-ammonti trasferiti mill-Fond jitqiesu bħala kontribut finanzjarju Komunitarju; jew

    (b)

    effettivament tirkupra s-somma msemmija mill-Fond jekk l-azzjoni indiretta tkun mitmuma jew diġà kkompletata.

    Il-Kummissjoni toħroġ ordni ta' rkupru għall-benefiċċju tal-Fond kontra l-parteċipant. Il-Kummissjoni tista' tadotta għal dak il-għan deċiżjoni dwar l-irkupru konformement mar-Regolament Finanzjarju.

    4.

    L-ammonti rkuprati mill-Fond matul is-Seba' Programm Kwadru ser jikkostitwixxu dħul assenjat lilu fis-sens ta' l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Finanzjarju.

    Ladarba l-implimentazzjoni ta' l-għotjiet kollha taħt is-Seba' Programm Kwadru tkun kompluta, kwalunkwe somma li tibqa' mill-Fond tiġi rkuprata mill-Kummissjoni u tiddaħħal fil-baġit tal-Komunità, suġġett għal deċiżjonijiet dwar it-Tmien Programm Kwadru.


    Top