EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1891(01)

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1891/2006 tat- 18 ta’ Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 6/2002 u (KE) Nru 40/94 biex jagħti effett lill-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ l-Aja dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ disinji industrijali

ĠU L 386, 29.12.2006, p. 14–16 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1891/oj

29.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

14


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1891/2006

tat-18 ta’ Diċembru 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 6/2002 u (KE) Nru 40/94 biex jagħti effett lill-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ l-Aja dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ disinji industrijali

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar disinji Komunitarji (1) ħoloq is-sistema ta’ disinn Komunitarju li permezz tagħha impriżi jistgħu permezz ta' sistema proċedurali jiksbu disinji Komunitarji li jingħataw protezzjoni uniformi b’sistema proċedurali waħda u jipproduċu l-effetti tagħhom fiż-żona kollha tal-Komunità.

(2)

Wara tħejjijiet mibdija u mwettqa mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) bil-parteċipazzjoni ta' l-Istati Membri li huma membri ta' l-Unjoni ta' l-Aja, l-Istati Membri li ma humiex membri ta' l-Unjoni ta' l-Aja u l-Komunità Ewropea, il-Konferenza Diplomatika, imlaqqa' għal dak il-għan f“Ġinevra, adottat l-Att ta' Ġinevra tal-Ftehim ta' l-Aja dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali tad-disinji industrijali (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ l-”“Att ta' Ġinevra”) fit-2 ta' Lulju 1999.

(3)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill il-Kunsill approva l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ l-Aja dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ disinji industrijali (2) u awtorizza lill-President tal-Kunsill biex jiddepożita l-istrument ta’ adeżjoni mad-Direttur Ġenerali tal-WIPO mid-data li fiha l-Kunsill adotta l-miżuri li jinħtieġu biex jagħtu effett lill-adeżjoni tal-Komunità għall-Att ta’ Ġinevra. Dan ir-Regolament fih dawk il-miżuri.

(4)

Il-miżuri adatti għandhom ikunu inkorporati fir-Regolament (KE) Nru 6/2002 permezz taż-żieda ta’ titolu ġdid dwar “Reġistrazzjoni internazzjonali ta’ disinji”.

(5)

Ir-regoli u l-proċeduri marbuta ma’ reġistrazzjonijiet internazzjonali b’deżinjazzjoni għall-Komunità, fil-prinċipju, għandhom ikunu l-istess bħar-regoli u l-proċeduri li japplikaw għall-applikazzjonijiet għal disinji Komunitarji. Skond dan il-prinċipju, reġistrazzjoni internazzjonali li tiddeżinja l-Komunità għandha tkun soġġetta għall-eżami dwar ir-raġunijiet ta’ għala ma tistax tiġi rreġistrata qabel tieħu l-istess effett bħal disinn Komunitarju rreġistrat. Bl-istess mod, reġistrazzjoni internazzjonali li jkollha l-istess effett bħal disinn Komunitarju rreġistrat għandha wkoll tkun soġġetta għall-istess regoli dwar l-invalidazzjoni bħal disinn Komunitarju rreġistrat.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 6/2002 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

(7)

L-adeżjoni tal-Komunità għall-Att ta’ Ġinevra se toħloq sors ġdid ta’ dħul għall-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinji). Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 21993 dwar it-trade mark Komunitarju (3) għandu għalhekk ikun emendat kif xieraq.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 134(3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“3.   Id-dħul għandu jinkludi, mingħajr ħsara għal tipi oħra ta’ dħul, ħlasijiet totali mħallsin skond ir-regolamenti ta’ ħlas, ħlasijiet totali mħallsin skond il-Protokoll ta’ Madrid imsemmi fl-Artikolu 140 ta’ dan ir-Regolament għal reġistrazzjoni internazzjonali li tiddeżinja l-Komunitajiet Ewropej u ħlasijiet oħra li jsiru lill-Partijiet Kontraenti għall-Protokoll ta’ Madrid, ħlasijiet totali mħallsin skond l-Att ta’ Ġinevra msemmi fl-Artikolu 106ċ tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 għal reġistrazzjoni internazzjonali li tiddeżinja l-Komunità Ewropea u ħlasijiet oħra magħmula lill-Partijiet Kontraenti għall-Att ta’ Ġinevra, u, sa fejn huwa meħtieġ, sussidju mdaħħal taħt intestatura speċifika tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, taqsima tal-Kummissjoni.”.

Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 6/2002 huwa emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 25(1)(d) huwa sostitwit minn dan li ġej:

“(d)

jekk id-disinn Komunitarju jkun f’konflitt ma’ disinn preċedenti li sar disponibbli għall-pubbliku wara d-data ta’ preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni jew, jekk tintalab il-prijorità, id-data ta’ prijorità tad-disinn Komunitarju, u li hi protetta minn data qabel id-data msemmija

(i)

minn disinn Komunitarju rreġistrat jew applikazzjoni għal disinn bħal dan,

jew

(ii)

minn dritt għal disinn irreġistrat ta’ Stat Membru, jew b’applikazzjoni għal dritt bħal dan,

jew

(iii)

minn dritt għal disinn irreġistrat skond l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ l-Aja dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ disinji industrijali, adottat f’Ġinevra fit-2 ta’ Lulju 1999, minn issa ’l quddiem imsejjaħ ‘l-Att ta’ Ġinevra’, li kien approvat b’Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/954/KE u li għandu effett fil-Komunità, jew b’applikazzjoni għal dritt bħal dan;”

2.

It-titolu li ġej huwa mdaħħal wara t-titolu XI:

“IT-TITOLU XIa:

REĠISTRAZZJONI INTERNAZZJONALI TA’ DISINJI

Taqsima 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 106a

L-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet

1.   Jekk mhux speċifikat mod ieħor f’dan it-titolu, dan ir-Regolament u kwalunkwe Regolament li jimplimenta dan ir-Regolament adottat skond l-Artikolu 109 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għal reġistrazzjonijiet ta' disinji industrijali fir-reġistru internazzjonali miżmum mill-Uffiċċju Internazzjonali ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (minn issa ’l quddiem imsejħa ‘reġistrazzjoni internazzjonali’ u ‘l-Uffiċċju Internazzjonali’) li jiddeżinja l-Komunità, skond l-Att ta’ Ġinevra.

2.   Kull dokumentazzjoni ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li tiddeżinja l-Komunità fir-Reġistru Internazzjonali għandu jkollha l-istess effett daqs li kieku saret fir-reġistru ta’ disinji Komunitarji ta’ l-Uffiċċju, u kwalunkwe pubblikazzjoni ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li tiddeżinja l-Komunità fil-Bullettin ta’ l-Uffiċċju Internazzjonali għandu jkollha l-istess effett daqs li kieku kienet ippubblikata fil-Bullettin ta’ Disinji Komunitarji.

Taqsima 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 106b

Proċedura għall-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni internazzjonali

Applikazzjonijiet internazzjonali skond l-Artikolu 4(1) ta’ l-Att ta’ Ġinevra għandhom jitressqu direttament fl-Uffiċċju Internazzjonali.

Artikolu 106ċ

Ħlasijiet għad-deżinjazzjoni

Il-ħlasijiet preskritti għad-deżinjazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1) ta’ l-Att ta’ Ġinevra huma ssostitwiti minn ħlas individwali għal deżinjazzjoni.

Artikolu 106d

Effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li jiddeżinjaw il-Komunità Ewropea

1.   Reġistrazzjoni internazzjonali li tiddeżinja l-Komunità għandu, mid-data tar-reġistrazzjoni tagħha msemmija fl-Artikolu 10(2) ta' l-Att ta' Ġinevra, ikollha l-istess effett bħal applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat.

2.   Jekk l-ebda rifjut ma ġie nnotifikat jew jekk kwalunkwe rifjut ġie irtirat, ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ disinn li jiddeżinja l-Komunità għandu, mid-data msemmija fil-paragrafu 1, ikollha l-istess effett bħar-reġistrazzjoni ta’ disinn bħala disinn Komunitarju rreġistrat.

3.   L-Uffiċċju għandu jipprovdi informazzjoni dwar ir-reġistrazzjonijiet internazzjonali msemmija fil-paragrafu 2, skond il-kondizzjonijiet stipulati fir-Regolament Implimentattiv.

Artikolu 106e

Rifjut

1.   L-Uffiċċju għandu jikkomunika notifika ta’ rifjut lill-Uffiċċju Internazzjonali mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data ta’ pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni internazzjonali, jekk waqt li jkun qed jeżamina reġistrazzjoni internazzjonali, l-Uffiċċju jinnota li d-disinn li għalih qed tintalab protezzjoni ma jikkorrispondix mad-definizzjoni skond l-Artikolu 3(a), jew imur kontra l-politika pubblika jew il-prinċipji aċċettati ta’ moralità.

In-notifika għandha ssemmi r-raġunijiet li fuqhom jissejjes ir-rifjut.

2.   L-effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali fil-Komunità m'għandhomx jiġu rifjutati qabel ma d-detentur jingħata l-opportunità li jirrinunzja għar-reġistrazzjoni internazzjonali fir-rigward tal-Komunità jew li jressaq osservazzjonijiet.

3.   Il-kondizzjonijiet għall-eżami tar-raġunijiet għal rifjut għandhom ikunu stipulati fir-Regolament Implimentattiv.

Artikolu 106f

Invalidazzjoni ta’ l-effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali

1.   L-effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali fil-Komunità jistgħu jkunu ddikjarati invalidi parzjalment jew fit-totalità tagħhom skond il-proċeduri fit-Titoli VI u VII jew b’qorti ta’ disinn Komunitarju abbażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni.

2.   Fejn l-Uffiċċju jaf bl-invalidazzjoni, huwa għandu jinnotifika lill-Uffiċċju Internazzjonali.”.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Att ta’ Ġinevra jidħol fis-seħħ fir-rigward tal-Komunità Ewropea.

Id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, nhar it-18 ta’ Diċembru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

J.-E. ENESTAM


(1)  ĠU L 3, 5.1.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bl-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2005.

(2)  Ara paġna 18 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(3)  ĠU L 11, 14.1.1994, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bl-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2005.


Top