EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1738

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1738/2006 tat- 23 ta’ Novembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 930/2004 dwar miżuri temporanji ta' deroga dwar it-tfassil fil-lingwa Maltija ta' l-atti ta' l-Istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea

ĠU L 329, 25.11.2006, p. 1–2 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 200M, 1.8.2007, p. 197–198 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1738/oj

1.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

197


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1738/2006

tat-23 ta’ Novembru 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 930/2004 dwar miżuri temporanji ta' deroga dwar it-tfassil fil-lingwa Maltija ta' l-atti ta' l-Istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 290 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28 u 41 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (1) u r-Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika (2), minn hawn 'il quddiem imsejħin “ir-Regolament Nru 1”,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 930/2004 ta' l-1 ta' Mejju 2004 dwar miżuri temporanji ta' deroga dwar it-tfassil fil-lingwa Maltija ta' l-atti ta' l-Istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea (3), u b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 3 tiegħu,

Billi:

(1)

Bir-Regolament (KE) Nru 930/2004, il-Kunsill iddeċieda li, b'deroga mir-Regolament Nru 1 u għal perijodu transitorju ta' tliet snin li jibda mill-1 ta' Mejju 2004, l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni m'għandhomx ikunu marbuta bl-obbligu li jfasslu l-atti kollha bil-Malti u li jippubblikawhom b'dik il-lingwa fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

(2)

F'dak l-istadju, il-Kunsill qabel, fl-Artikolu 2 tar-Regolament imsemmi, li sa mhux aktar tard minn tletin xahar wara l-adozzjoni tar-Regolament, kellu jirrevedi kif qed jaħdem ir-Regolament u jiddetermina jekk jestendihx għal perijodu ieħor ta' sena.

(3)

Sa mill-bidu tal-perijodu transitorju, il-kondizzjonijiet tat-traduzzjoni minn u għall-Malti tjiebu konsiderevolment, tant li l-estensjoni tad-deroga temporanja ma tkunx ġustifikata. Permezz tad-Deċiżjoni ta' l-24 ta' Ottubru 2006, il-Kunsill iddeċieda għaldaqstant li ma baqax lok għal tali estensjoni. Għalhekk il-perijodu transitorju ser jintemm fit-30 ta' April 2007.

(4)

L-Artikolu 3 tar-Regolament imsemmi madankollu jipprevedi li, fi tmiem il-perijodu transitorju, l-atti kollha li si dak id-data jkunu għadhom ma ġewx pubblikati bil-Malti, għandhom jiġu pubblikati wkoll b'din il-lingwa. Madankollu, jidher li hu diffiċli ħafna li l-atti msemmija kollha jkunu jistgħu jiġu tradotti u pubblikati l-għada tat-30 ta' April 2007. Ikun jaqbel għalhekk li l-imsemmi Artikolu 3 jiġi emendat bil-għan li l-istituzzjonijiet jingħataw żmien supplimentari li jippermettilhom li jlaħħqu t-total ta' l-atti li ma jkunux ġew pubblikati bil-Malti fi tmiem il-perijodu transitorju.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 930/2004 għandu jinbidel b' dan li ġej:

“Artikolu 3

L-atti kollha li ma jkunux ġew diġa pubblikati bil-Malti fit-30 ta' April 2007 għandhom jiġu pubblikati f'dik il-lingwa wkoll sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2008.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 23 ta’ Novembru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

S. HUOVINEN


(1)  ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58. Regolament emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 920/2005 (ĠU L 156, 18.6.2005, p. 3).

(2)  ĠU 17, 6.10.1958, p. 401/58. Regolament emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 920/2005.

(3)  ĠU L 169, 1.5.2004, p. 1.


Top