Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1647

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1647/2006 tas- 7 ta’ Novembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro

ĠU L 309, 9.11.2006, pp. 2–3 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 200M, 1.8.2007, pp. 143–144 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1647/oj

1.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

143


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1647/2006

tas-7 ta’ Novembru 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 123(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkonsulta lill-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro (2) jipprovdi għas-sostituzzjoni ta’ l-euro mal-muniti ta’ l-Istati Membri li jkunu wettqu l-kundizzjonijiet neċessarji għall-adozzjoni tal-munita unika fiż-żmien meta l-Komunità daħlet fit-tielet stadju ta' l-unjoni ekonomika monetarja.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 2596/2000 (3) emenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 biex jipprovdi għas-sostituzzjoni ta' l-euro mal-munita tal-Greċja.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 2169/2005 emenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 sabiex iħejji għal introduzzjonijiet sussegwenti ta’ l-euro fl-Istati Membri li għadhom ma adottawx l-euro bħala l-munita unika.

(4)

Skond l-Artikolu 4 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2003, is-Slovenja hija Stat Membru b’deroga fit-tifsira ta' l-Artikolu 122 tat-Trattat.

(5)

Skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/495/KE tal-11 ta’ Lulju 2006 skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni mis-Slovenja tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2007 (4), is-Slovenja issa tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita waħdanija u d-deroga favur is-Slovenja għandha tkun revokata b'seħħ mill-1 ta' Jannar 2007.

(6)

L-introduzzjoni ta’ l-euro fis-Slovenja teħtieġ l-estensjoni tad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 974/98 għas-Slovenja.

(7)

Il-pjan ta’ bidla tas-Slovenja jispeċifika li n-noti bankarji u l-muniti ta’ l-euro għandhom isiru valuta legali f'dak l-Istat Membru fil-ġurnata ta' l-introduzzjoni ta' l-euro bħala l-munita tiegħu. B’konsegwenza ta’ dan, id-data ta' l-introduzzjoni ta' l-euro u d-data ta' bidla fil-munita għandha tkun l-1 ta’ Jannar 2007. M'għandu japplika l-ebda “perjodu ta’ tneħħija gradwali”.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 974/98 għandu jiġi emendat għaldaqstant,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness mar-Regolament (KE) Nru 974/98 għandu jiġi emendat skond l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 7 ta’ Novembru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

E. HEINÄLUOMA


(1)   ĠU C 163, 14.7.2006, p. 10.

(2)   ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2169/2005 (ĠU L 346, 29.12.2005, p. 1).

(3)   ĠU L 300, 29.11.2000, p. 2.

(4)   ĠU L 195, 15.7.2006, p. 25.


ANNESS

Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 974/98, il-linja li jmiss għandha tiddaħħal bejn l-entrati għall-Portugall u l-Finlandja.

Stat Membru

Data ta’ l-adozzjoni ta’ l-euro

Data ta’ tibdil

Stat Membru bil-perjodu ta’ “tneħħija gradwali”

“Slovenja

1 ta' Jannar 2007

1 ta' Jannar 2007

Le”


Top