EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1291

1291/2006/KE: Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1291/2006 tat- 30 ta' Awwissu 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 795/2004 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ ħlas waħdieni stipulata fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003

ĠU L 236, 31.8.2006, p. 20–21 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 312M, 22.11.2008, p. 117–118 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2009

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1291/oj

22.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

117


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1291/2006

tat-30 ta' Awwissu 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 795/2004 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ ħlas waħdieni stipulata fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett skont il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 145(c) u (d) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 795/2004 tal-21 ta’ April 2004 (2) jintroduċi r-regoli ta’ implimentazzjoni għall-iskema ta’ ħlas waħdieni mill-2005.

(2)

L-esperjenza tal-implimentazzjoni amministrattiva u operattiva ta’ din l-iskema f’livell nazzjonali wriet li f’ċerti aspetti jinħtieġu iktar regoli dettaljati u f’aspetti oħra r-regoli eżistenti jeħtieġ li jiġu ċċarati u adattati.

(3)

Sabiex ikun iffaċilitat it-trasferiment ta’ drittijiet għall-ħlas lill-bdiewa, għandhom jiġu stipulati l-ħolqien ta’ frazzjonijiet tad-drittijiet mingħajr art u t-trasferiment tagħhom.

(4)

F’każ li d-drittijiet għall-ħlas li l-valur tal-unità tagħhom żdied b’aktar minn 20 % permezz ta’ ammonti ta’ referenza mir-riżerva nazzjonali ma ntużawx skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 42(8) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, iż-żieda tal-valur biss għandha tingħata lura minnufih lir-riżerva nazzjonali.

(5)

Id-drittijiet allokati mir-riżerva nazzjonali f’każ ta’ atti amministrattivi jew sentenzi tal-qorti biex jiġu kkumpensati l-bdiewa ma għandhomx ikunu soġġetti għar-restrizzjonijiet skont l-Artikolu 42(8) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

(6)

Sabiex tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni ta’ drittijiet għall-ħlas il-bdiewa jistgħu jċedu b’mod volontarju d-drittijiet għall-ħlas lir-riżerva nazzjonali.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 795/2004 għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(8)

Minħabba l-fatt li l-każijiet indirizzati mill-Artikoli 1(2) u 1(4) setgħu seħħew sa mill-1 ta’ Jannar 2005 u mill-1 ta’ Jannar 2006 rispettivament, huwa xieraq li jiġi stipulat li dawn l-Artikoli japplikaw retroattivament minn dawn id-dati.

(9)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolamenti huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Ħlasijiet Diretti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 795/2004 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 3 qed jinbidel b’dan li ġej:

“3.   Fejn id-daqs ta’ pakkett li hu trasferit ma’ dritt skont l-Artikolu 46(2) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 ikun jammonta għal frazzjoni ta' ettaru, il-bidwi jista’ jittrasferixxi l-parti tad-dritt ikkonċernat mal-art b'valur ikkalkolat sal-limitu tal-istess frazzjoni. Il-parti li jifdal tad-dritt għandha tibqa' għad-dispożizzjoni tal-bidwi b'valur ikkalkolat b’mod korrispondenti.

Bla ħsara għall-Artikolu 46(2) ta’ dan ir-Regolament jekk bidwi jittrasferixxi frazzjoni ta’ dritt mingħajr art il-valur taż-żewġ frazzjonijiet għandu jiġi kkalkolat proporzjonatament.”;

(b)

Il-paragrafu 4 qed jitħassar;

(2)

Fl-Artikolu 6(3), it-tielet subparagrafu qed jinbidel b’dan li ġej:

“L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(8) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandu japplika għal drittijiet għall-ħlas li l-valur tal-unità tagħhom żdied b’aktar minn 20 % skont it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 42(8) ta’ dan ir-Regolament għandu japplika biss sal-limitu tal-valur miżjud għal drittijiet għall-ħlas li l-valur tal-unità tagħhom żdied b’aktar minn 20 % skont it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.”;

(3)

Fl-Artikolu 23 a qed tiżdied is-sentenza li ġejja:

“L-Artikolu 42(8) ta’ dan ir-Regolament ma għandux japplika għal drittijiet għall-ħlas allokati skont dan l-Artikolu.”;

(4)

Fl-Artikolu 24, qed jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Il-bidwi jista’ jċedi b’mod volontarju d-drittijiet għall-ħlas lir-riżerva nazzjonali bl-eċċezzjoni ta’ drittijiet għall-ħlas għat-twarrib tal-art.”;

(5)

L-Artikolu 50 qed jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 50

1.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw, permezz ta’ mezzi elettroniċi, lill-Kummissjoni kull sena:

(a)

sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Settembru tal-ewwel sena ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ ħlas waħdieni u, fis-snin ta' wara, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Settembru, l-għadd totali ta' applikazzjonijiet skont l-iskema ta' ħlas waħdieni għas-sena kurrenti, flimkien mal-ammont totali korrispondenti tad-drittijiet għall-ħlas li ntalbu għal ħlasijiet u l-għadd totali ta’ ettari eliġibbli ta’ akkumpanjament.

(b)

sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Settembru, id-dejta definittiva dwar l-għadd totali ta’ applikazzjonijiet skont l-iskema ta’ ħlas waħdieni li ġew aċċettati għas-sena ta’ qabel u l-ammont totali korrispondenti tal-ħlasijiet li ngħataw, wara applikazzjoni, skont il-każ, tal-miżuri msemmija fl-Artikoli 6, 10, 11, 24 u 25 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 kif ukoll is-somma totali tal-ammonti li jibqgħu fir-riżerva nazzjonali sal-31 ta' Diċembru tas-sena ta' qabel.

2.   Fil-każ ta’ implimentazzjoni reġjonali tal-iskema ta’ ħlas waħdieni kif stipulata fl-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw il-parti korrispondenti tal-limitu massimu stabbilit skont il-Paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu sal-15 ta’ Settembru tal-ewwel sena ta’ implimentazzjoni.

Għall-ewwel sena ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ ħlas waħdieni, it-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 1 (a) għandu jkun ibbażat fuq id-drittijiet għall-ħlas provviżorji. L-istess tagħrif imsejjes fuq id-drittijiet għall-ħlas definittivi għandu jiġi kkomunikat sal-1 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara.

3.   F’każ ta’ applikazzjoni tal-miżuri skont l-Artikolu 69 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw, sal-1 ta' Settembru, l-għadd totali ta’ applikazzjonijiet għas-sena kurrenti flimkien mal-ammont totali korrispondenti għal kull wieħed mis-setturi kkonċernati miż-żamma skont dan l-Artikolu.

Sal-1 ta’ Settembru, id-dejta definittiva dwar l-għadd totali ta’ applikazzjonijiet skont l-Artikolu 69 ta’ dan ir-Regolament li ġew aċċettati għas-sena ta’ qabel u l-ammont totali korrispondenti tal-ħlasijiet li ngħataw għal kull wieħed mis-setturi kkonċernati miż-żamma skont dan l-Artikolu.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika sa mid-data ta’ dħul fis-seħħ, għajr l-Artikolu 1(2) li għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2005 u l-Artikolu 1(4) li għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 30 ta' Awwissu 2006.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 953/2006 (ĠU L 175, 29.6.2006, p. 1).

(2)  ĠU L 141, 30.4.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 658/2006 (ĠU L 116, 29.4.2006, p. 14).


Top