EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R0769

769/2006/KE: Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 769/2006 tad- 19 ta' Mejju 2006 li tissospendi l-possibbiltà li jitressqu applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-esportazzjoni għaz-zokkor C mit- 23 ta’ Mejju 2006 u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 493/2006 f’dak li għandu x’jaqsam mal-miżuri tranżizzjonali applikabbli għaz-zokkor C

ĠU L 134, 20.5.2006, p. 19–20 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 330M, 9.12.2008, p. 306–307 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/12/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/769/oj

9.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

306


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 769/2006

tad-19 ta' Mejju 2006

li tissospendi l-possibbiltà li jitressqu applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-esportazzjoni għaz-zokkor C mit-23 ta’ Mejju 2006 u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 493/2006 f’dak li għandu x’jaqsam mal-miżuri tranżizzjonali applikabbli għaz-zokkor C

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 ta' l-20 ta' Frar 2006 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-ftehim dwar l-Agrikoltura fil-qafas tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-ċiklu tal-Urugwaj (2), skont l-Artikolu 300 tat-Trattat, fih limiti dwar il-kwantitajiet u l-valur tal-esportazzjonijiet issussidjati tal-Komunità. Bħala riżultat tal-konklużjonijiet tal-organu tal-appell tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tad-19 ta’ Mejju 2005, l-esportazzjonijiet taz-zokkor C għandhom jitqiesu fi ħdan il-limiti msemmija. Il-Komunità ngħatat perjodu li jintemm fit-22 ta’ Mejju 2006 sabiex tikkonforma mal-obbligi tagħha fi ħdan il-WTP.

(2)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 tal-Kunsill tad-19 ta’ Ġunju 2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (3) li jipprovdi partikolarment l-obbligu tal-esportazzjoni taz-zokkor C li mhuwiex miġjub għas-sena ta’ wara. Ir-Regolament (KE) Nru 318/2006, applikabbli mill-1 ta' Lulju 2006, ma jinvolvix aktar l-obbligu għaz-zokkor barra l-kwota prodott fl-ambitu tas-sena tas-suq 2006/2007. Dan l-istess regolament jipprovdi, fl-Artikolu 44 tiegħu, il-possibbiltà li, minn naħa, jittieħdu miżuri tranżizzjonali sabiex tkun iffaċilitata t-transizzjoni mill-qagħda tas-suq mis-sena tas-suq 2005/2006 għal dik tas-sena tas-suq 2006/07 u, mill-oħra, id-dispożizzjonijiet tad-deroga meħtieġa sabiex tiġi assigurata mill-Komunità l-osservanza tal-obbligi internazzjonali f'dak li għandu x'jaqsam maz-zokkor C prodott fi ħdan is-sena tas-suq 2005/2006.

(3)

B’applikazzjoni tal-Artikolu 44 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 493/2006 tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Marzu 2006 li jipprovdi miżuri tranżizzjonali fi ħdan ir-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1265/2001 u (KE) Nru 314/2002 (4) idaħħal, b’seħħ mill-1 ta’ Lulju 2006, iz-zokkor C prodott fis-sena tas-suq 2005/2006 li ma jista' la jinġieb għas-sena ta' wara u lanqas jiġi esportat għal zokkor barra l-kwota, imsemmi fir-Regolament (KE) NRu 318/2006, prodott għas-sena tas-suq 2006/2007.

(4)

L-Artikolu 27(14) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001 jipprovdi li l-konformità mar-restrizzjonijiet fuq il-volum li jirriżultaw mill-ftehimiet konklużi permezz ta' l-Artikolu 300 tat-Trattat għandha tkun assigurata permezz tal-liċenzji ta' l-esportazzjoni maħruġa għall-perjodi tar-riferenza pprovduti f'dawn il-ftehimiet.

(5)

B'hekk, filwaqt li jitqiesu l-obbligi tal-Komunità Ewropea li jirriżultaw mill-ftehimiet tal-WTO, għandha tiġi stipulata deroga mill-obbligu tal-esportazzjoni taz-zokkor C billi tiġi sospiża l-applikazzjoni għal ċertifikati tal-esportazzjoni għaz-zokkor C mit-23 ta' Mejju 2006 u jġi applikat għaz-zokkor C mhux esportat b'liċenzja tal-esportazzjoni maħruġa qabel it-23 ta' Mejju 2006, ir-reġim tranżitorju pprovdut fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 493/2006.

(6)

Għaldaqstant, jeħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 493/2006 jiġi emendat.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-kumitat ta' ġestjoni għaz-zokkor,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-tressiq tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-esportazzjoni għaz-zokkor C mit-23 ta’ Mejju 95 u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1464/2006 tal-Kummissjoni (5) huwa sospiż mit-23 ta’ Mejju 2006. L-applikazzjonijiet għal-liċenzji li jsiru matul il-perjodu ta' sospensjoni jkunu invalidi.

Il-liċenzji tal-esportazzjoni għaz-zokkor C maħruġa u mhux użati fit-22 ta’ Mejju 2006 jistgħu jintraddu lura lill-entità emittenti waqt il-perjodu ta’ validità tagħhom. F’dan il-każ, b’deroga mill-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000 tal-Kummissjoni (6), il-garanzija tinħeles minnufih.

Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 493/2006 hu emendat kif ġej:

1)

Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 għandu jinbidel bit-test li ġej:

“1.   Bla ħsara għad-deċiżjonijiet dwar trasferiment għas-sena tas-suq ta’ wara skont l-Artikolu 1, iz-zokkor C tas-sena tas-suq 2005/2006 mhux esportat b’liċenzja tal-esportazzjoni maħruġa qabel it-23 ta’ Mejju 2006 jitqies, b’bidu minn dik l-istess data, bħala zokkor barra l-kwota, imsemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, prodott għas-sena tas-suq 2006/2007.”

2)

Fl-Artikolu 13, it-tieni subparagrafu, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“L-Artikolu 2 għandu japplika mit-23 ta' Mejju 2006”.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Ufficjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-23 ta’ Mejju 2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 19 ta' Mejju 2006.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 58, 28.2.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 336, 23.12.1994, p. 22.

(3)  ĠU L 178, 30.6.2001, p. 1. Ir-Regolament li tħassar bir-Regolament (KE) Nru 318/2006.

(4)  ĠU L 89, 28.3.2006, p. 11.

(5)  ĠU L 144, 28.6.1995, p. 14.

(6)  ĠU L 152, 24.6.2000, p. 1.


Top