Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R0342

    342/2006/KE: Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 342/2006 ta’ l- 24 ta’ Frar 2006 li jniedi reviżjoni ta’ esportatur ġdid għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2005 li jimponi dazju definittiv ta’ l-antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ fibri prinċipali sintetiċi ta’ poliesteri li joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jirrevoka d-dazju fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet minn esportatur wieħed f’dan il-pajjiż u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni

    ĠU L 55, 25.2.2006, p. 14–16 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 330M, 28.11.2006, p. 208–210 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/342/oj

    28.11.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    208


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 342/2006

    ta’ l-24 ta’ Frar 2006

    li jniedi reviżjoni ta’ “esportatur ġdid” għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2005 li jimponi dazju definittiv ta’ l-antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ fibri prinċipali sintetiċi ta’ poliesteri li joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jirrevoka d-dazju fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet minn esportatur wieħed f’dan il-pajjiż u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 dwar il-ħarsien minn importazzjonijiet iddampjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1) u b’ mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

    Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   TALBA GĦAL REVIŻJONI

    1.

    Il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għal reviżjoni ta’ “esportatur ġdid” skond l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. L-applikazzjoni tressqet minn Huvis Sichuan (“l-applikant”) produttur esportatur fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”).

    B.   PRODOTT

    2.

    Il-prodott taħt reviżjoni huwa fibri prinċipali sintetiċi tal-poliesteri, mhux mimxutin, mqardxin, jew ipproċessati mod ieħor għall-għażil li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (‘il-prodott ikkonċernat’), attwalment ikklassifikati fi ħdan il-kodiċi NM 5503 20 00. Dan il-kodiċi NM jingħata biss bħala informazzjoni.

    C.   MIŻURI EŻISTENTI

    3.

    Il-miżuri attwalment fis-seħħ huma dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2005 (2) li taħtu l-importazzjonijiet fil-Komunità tal-prodott ikkonċernat li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u li ġie prodott mill-applikant, huma suġġetti għal dazju anti-dumping definittiv ta’ 49,7 % bl-eċċezzjoni ta’ kumpaniji partikolarment imsemmija li huma suġġetti għal rati ta’ dazju individwali.

    D.   RAĠUNIJIET GĦAR-REVIŻJONI

    4.

    L-applikant jallega li l-kumpanija topera taħt il-kondizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq kif definit fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, jew bħala alternattiva jiddikjara trattament individwali skond l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, li l-prodott ikkonċernat ma ġiex esportat lill-Komunità tul il-perjodu ta’ investigazzjoni, li fuqu ġew imsejsa l-miżuri ta’ l-antidumping, jiġifieri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2003 sal-31 ta’ Diċembru 2003 (“il-perjodu oriġinali ta’ investigazzjoni”) u li dan mhuwiex irrelatat ma ebda mill-produtturi esportaturi tal-prodott li huma suġġetti għall-miżuri ta’ l-antidumping imsemmija hawn fuq.

    5.

    L-applikant barra minn hekk jallega li l-prodott ikkonċernat beda jiġi esportat lill-Komunità wara t-tmiem tal-perjodu oriġinali ta' investigazzjoni.

    E.   PROĊEDURA

    6.

    Produtturi Komunitarji li huma magħrufa li huma mħassba ġew mgħarrfa bl-applikazzjoni ta’ hawn fuq u ngħataw l-opportunità biex jikkummentaw. Ma waslu l-ebda kummenti.

    7.

    Wara li eżaminat l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni tikkonkludi li hemm evidenza biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu ta’ reviżjoni ta’ “esportatur ġdid”, skond l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, bil-ħsieb li jiġi ddeterminat jekk l-applikant huwiex jopera taħt kondizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq kif definit fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku jew alternattivament jekk l-applikant jissodisfax ir-rekwiżiti li jkollu dazju individwali stabbilit skond l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u, jekk huwa hekk, il-marġini individwali ta' dumping ta' l-applikant u, kemmildarba jinstab li seħħ id-dumping, il-livell ta’ dazju li għalih għandhom ikunu suġġetti l-importazzjoni tal-prodotti kkonċernati lejn il-Komunità.

    8.

    Jekk jiġi deċiż li l-applikant jissodisfa r-rekwiżiti biex jiġi stabbilit dazju individwali, jista’ jkun meħtieġ li ssir emenda fuq ir-rata ta’ dazju applikabbli bħalissa għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-kumpaniji mhux imsemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 428/2005.

    (a)

    Kwestjonarji

    Sabiex tikseb tagħrif li tqis bħala meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-applikant.

    (b)

    Ġbir ta’ tagħrif u seduti ta’ smigħ

    Il-partijiet kollha interessati huma hawnhekk mistiedna li jwasslu fehmiethom bil-miktub u li jissottomettu evidenza ta’ sostenn.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' l-partijiet interessati, dejjem jekk jagħmlu talba bil-miktub li turi li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu.

    Qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju ta’ bosta drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 jiddependi minn kemm il-parti tagħmel lilha nnifisha magħrufa matul il-perjodu pprovdut mir-Regolament attwali.

    (c)

    L-għażla tal-pajjiż b'ekonomija tas-suq

    Fl-eventwalità li l-applikant ma jiġix mogħti status ta' ekonomija tas-suq imma jissodisfa r-rekwiżiti li jkollu dazju individwali stabbilit skond l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, se jintuża pajjiż adattat b'ekonomija tas-suq bl-għan li jiġi stabbilit valur normali fir-rigward tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni bi ħsiebha terġa' tuża lill-Istati Uniti ta’ l-Amerika għal dan il-għan kif kien sar fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni ta’ miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-partijiet interessati huma hawnhekk mistiedna biex jikkummentaw dwar kemm hi xierqa din l-għażla, fil-limitu taż-żmien speċifikat stabbilit fl-Artikolu 4(2) ta' dan ir-Regolament.

    Barra minn hekk, fl-eventwalità li l-applikant jingħata status ta' ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni tista', jekk huwa meħtieġ, anke tuża' sejbiet li jikkonċernaw il-valur normali stabbilit f'pajjiż adattat b'ekonomija tas-suq, eż. bil-għan li jinbidel kull prezz li mhux kredibbli jew elementi ta' prezz fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li huma meħtieġa biex jiġi stabbilit il-valur normali, jekk data kredibbli meħtieġa mhijiex disponibbli fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-Kummissjoni bi ħsiebha tuża lill-Istati Uniti ta’ l-Amerika għal dan il-għan ukoll.

    (d)

    Status ta' l-ekonomija tas-suq

    Fl-eventwalità li l-applikant jipprovdi evidenza suffiċjenti li turi li huwa jopera taħt kondizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq, jiġifieri li jissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, il-valur normali jkun iddeterminat skond l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku. Għal dan il-għan, għandhom jintbagħtu talbiet ssostanzjati kif xieraq fil-limitu taż-żmien speċifikat stabbilit fl-Artikolu 4(3) ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni se tibgħat formoli ta’ talba lill-applikant kif ukoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

    F.   REVOKA TAD-DAZJU FIS-SEĦĦ U REĠISTRAZZJONI TA’IMPORTAZZJONIJIET

    9.

    Skond l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, id-dazju ta’ l-antidumping fis-seħħ għandu jiġi rrevokat rigward l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li huma prodotti u mibjugħa għall-esportazzjoni lill-Komunità mill-applikant. Fl-istess ħin, importazzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu suġġetti għar-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 14 (5) tar-Regolament bażiku, biex ikun żgurat li, jekk ir-reviżjoni tirriżulta f’sejba ta’ dumping fir-rigward ta’ l-applikant, jistgħu jiġu imposti dazji ta’ l-antidumping b’lura mid-data tat-tnedija ta’ din ir-reviżjoni. L-ammont tar-responsabilitajiet futuri possibbli ta’ l-applikant ma jistax jiġi stmat f’dan l-istadju tal-proċedura.

    G.   LIMITI TA’ ŻMIEN

    10.

    Fl-interess ta' amministrazzjoni soda, għandhom jiġu ddikjarati l-limiti taż-żmien li fihom:

    il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu lilhom infushom magħrufa lilll-Kummissjoni, iressqu fehmiethom bil-miktub u jissottomettu t-tweġibiet għall-kwestjonarju msemmi fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament jew jipprovdu kwalunkwe tagħrif ieħor li għandu jitqies waqt l-investigazzjoni,

    il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni,

    il-partijiet interessati fl-investigazzjoni jistgħu jikkummentaw dwar l-adegwadezza ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, li, fl-eventwalità li l-applikant ma jiġix mogħti status ta’ ekonomija tas-suq, tkun meqjusa bħala pajjiż b’ekonomija tas-suq bl-għan li jiġi stabbilit valur normali fir-rigward tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

    l-applikant jista' jressaq talba ssostanzjata kif xieraq għal status ta' ekonomija tas-suq.

    H.   NUQQAS TA’ KOPERAZZJONI

    11.

    F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti ta’ żmien, jew b’mod sinifikanti tfixkel l-investigazzjoni, is-sejbiet, affermattivi jew negattivi, jistgħu jsiru skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli.

    12.

    Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew li tista' tfixkel, l-informazzjoni għandha titwarrab u jitqiesu, skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-fatti disponibbli. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss, u r-riżultati huma għalhekk imsejsa fuq fatti disponibbli konformi ma' l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Hawnhekk qed titnieda reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2005 skond l-Artikolu 11(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 biex jiġi ddetermiat jekk u sa liema punt l-importazzjonijiet ta’ fibri prinċipali sintetiċi tal-poliesteri, mhux mimxutin, imqardxin jew ipproċessati mod ieħor għall-għażil li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM 5503 20 00 li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, prodotti minn Huvis Sichuan (Kodiċi addizzjonali TARIC A736) u mibjugħa għall-esportazzjoni lill-Komunità għandhom ikunu suġġetti għad-dazju ta’ l-antidumping impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2005.

    Artikolu 2

    Id-dazju ta’ l-antidumping impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2005 huwa hawnhekk irrevokat fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1.

    Artikolu 3

    L-awtoritajiet tad-dwana ta’ l-Istati Membri huma hawnhekk ordnati, skond l-Artikolu 14 (5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1. Ir-reġistrazzjoni tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament attwali.

    Artikolu 4

    1.   Il-partijiet interessati, jekk ir-rappreżentanzi tagħhom għandhom jitqiesu waqt l-investigazzjoni, għandhom jagħmlu lilhom infushom magħrufa lill-Kummissjoni, jippreżentaw fehmiethom bil-miktub u jressqu t-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju msemmi fi premessa 8(a) ta’ dan ir-Regolament, jew kull tagħrif ieħor, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor, fi żmien 40 jum tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Il-partijiet interessati jistgħu wkoll japplikaw bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fi żmien l-istess limitu ta' 40 jum.

    2.   Il-partijiet involuti fl-investigazzjoni jistgħu jekk jixtiequ, jikkummentaw dwar jekk l-Istati Uniti ta’ l-Amerika hijiex xierqa li titqies bħala pajjiż terz b’ekonomija tas-suq għall-għan li jiġi stabbilit valur normali fir-rigward tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u għandhom iressqu l-kummenti tagħhom fi żmien 10 ijiem mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    3.   Talbiet issostanzjati kif xieraq għal status ta' ekonomija tas-suq għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 21 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    4.   Kull sottomissjoni jew talba magħmula mill-partijiet interessati trid issir bil-miktub (mhux b’format elettroniku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor) u trid tindika l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku (l-email), it-telefown u n-numru tal-faks tal-parti interessata. Kull sottomissjoni bil-miktub, li tinkludi l-informazzjoni mitluba f’dan ir-Regolament, it-tweġibiet tal-kwestjonarju u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandha tkun ittikkettjata bħala “Ristretta (3)” u, skond l-Artikolu 19(2) tar-Regolament tal-Kunsill, għandha tkun akkumpanjata b’verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun ittikkettjata “GĦALL-SPEZZJONI MILL-PARTIJIET INTERESSATI”.

    Kull informazzjoni li għandha x’taqsam mal-kwistjoni u/jew kwalunkwe talba għall-seduta għandha tintbagħat f’dan l-indirizz li ġej:

    European Commission

    Directorate General for Trade

    Directorate B

    Office: J-79 5/16

    B-1049 Brussels

    Faks (32 2) 295 65 05

    Artikolu 5

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, nhar il-24 ta’ Frar 2006.

    Għall-Kumissjoni

    Peter MANDELSON

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

    (2)  ĠU L 71, 17.3.2005, p. 1, kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1333/2005 (ĠU L 211, 13.8.2005, p. 1).

    (3)  Dan ifisser li d-dokument hu biss għall-użu intern. Hu protett skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Dan huwa dokument kunfidenzjali skond l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni ta' l-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim ta’ l-Antidumping).


    Top