EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006L0140

Direttiva tal-Kummissjoni 2006/140/KE ta’ l- 20 ta’ Diċembru 2006 li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi s-bħala sustanza attiva fl-Anness I tagħha Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 414, 30.12.2006, p. 78–80 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 314M, 1.12.2007, p. 790–792 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2013; Imħassar b' 32012R0528

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/140/oj

1.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

790


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2006/140/KE

ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006

li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi s-bħala sustanza attiva fl-Anness I tagħha

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 16(2) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2032/2003 ta’ l-4 ta’ Novembru 2003 dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ ħidma ta’ għaxar snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid ta’ prodotti bijoċidali fis-suq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1896/2000 (2) jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu evalwati bil-għan li jkunu possibbilment inklużi fl-Anness I, IA jew IB tad-Direttiva 98/8/KE. Din il-lista tinkludi s-sulfuryl fluoride.

(2)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 2032/2003, is-sulfuryl fluoride ġie evalwat skond l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 98/8/KE għall-użu fil-prodott tat-tip 8, preservattivi ta’ l-injam, kif iddefinit fl-Anness V tad-Direttiva 98/8/KE.

(3)

Skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 2032/2003, l-Iżvezja ġiet innominata bħala l-Istat Membru Rapporteur. L-Iżvezja ressqet ir-rapport ta’ l-awtorità kompetenti, flimkien ma’ rakkomandazzjoni, lill-Kummissjoni fid-19 ta’ April 2005 skond l-Artikolu 10(5) u (7) ta’ dak ir-Regolament.

(4)

Ir-rapport ta’ l-awtorità kompetenti ġie analizzat mill-Istati Membri u l-Kummissjoni. Skond l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 2032/2003, is-sejbiet mill-analiżi ġew inkorporati, fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali fit-8 ta' Settembru 2006, f’rapport ta’ evalwazzjoni.

(5)

L-analiżi tas-sulfuryl fluoride ma kixfet l-ebda kwistjoni jew tħassib mhux solvuti li għandhom jiġu indirizzati mill-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa u l-Ambjent (SCHER).

(6)

Mill-eżaminazzjonijiet varji li twettqu jidher li wieħed jista’ jistenna li l-prodotti bijoċidali użati bħala preservattivi ta’ l-injam u li fihom is-sulfuryl fluoride jissodisfaw ir-rekwiżiti stipolati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-użi li kienu eżaminati u ddetaljati fir-rapport ta’ evalwazzjoni. Għalhekk huwa xieraq li s-sulfuryl fluoride jiġi inkluż fl-Anness I sabiex ikun żgurat li fl-Istati Membri kollha l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti bijoċidali użati bħala preservattivi ta’ l-injam u li fihom is-sulfuryl fluoride jistgħu jingħataw, jiġu mmodifikati jew ikkanċellati skond l-Artikolu 16(3) tad-Direttivi 98/8/KE.

(7)

Huwa importanti li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jkunu applikati b’mod simultanju fl-Istati Membri kollha sabiex jiżguraw trattament ugwali tal-prodotti bijoċidali fis-suq li fihom is-sustanza attiva tas-sulfuryl fluoride u wkoll biex jiffaċilitaw l-operat kif suppost tas-suq tal-prodotti bijoċidali in ġenerali.

(8)

Fid-dawl tas-sejbiet tar-rapport ta’ evalwazzjoni, huwa xieraq li jinħtieġ li tali prodotti jkunu awtorizzati biss għall-użu minn professjonisti mħarrġa, skond l-Artikolu 10(2)(i)(e) tad-Direttiva 98/8/KE u li l-miżuri għat-taffija tar-riskju jkunu ppjanati biex jiżguraw is-sikurezza ta’ l-operaturi u tal-persuni fil-viċin, skond l-Artikolu 10(2)(i)(f) tad-Direttiva 98/8/KE.

(9)

Flimkien ma’ dan, huwa xieraq li jinħtieġ monitoraġġ kontinwu kif ukoll l-għoti ta’ iktar tagħrif dwar ċerti punti speċifiċi ddettaljati fir-rapport ta’ evalwazzjoni skond l-Artikolu 10(2)(i)(f) tad-Direttiva 98/8/KE.

(10)

Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli qabel ma sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I sabiex jippermetti lill-Istati Membri u l-partijiet interessati jippreparaw ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda involuti u jiżgura li l-applikanti li ppreparaw dokumentazzjoni jistgħu jibbenefikaw mill-perjodu ta’ għaxar snin ta’ protezzjoni tad-data, li skond l-Artikolu 12(c)(ii) tad-Direttiva 98/8/KE jibda’ mid-data ta’ l-inklużjoni.

(11)

Wara l-inklużjoni, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu raġonevoli biex jimplimentaw l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 98/8/KE u b’mod partikolari biex jagħtu, jimmodifikaw jew jikkanċellaw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti bijoċidali fil-prodotti tat-tip 8 li fihom is-sulfuryl fluoride biex jiżguraw li dawn jikkonformaw mad-Direttiva 98/8/KE.

(12)

Id-Direttiva 98/8/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.

(13)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma f’konformità ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE huwa emendat kif stipolat fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2007 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom mingħajr dewmien jipprovdu lill-Kummissjoni bit-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2009.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva, jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza, fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-riferenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/50/KE tad-29 ta' Mejju 2006 (ĠU L 142, 30.5.2006, p. 6).

(2)  ĠU L 307, 24.11.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1048/2005 (ĠU L 178, 9.7.2005, p. 1).


ANNESS

It-tabella li ġejja bir-reġistrazzjoni “Nru 1” għandha titniżżel fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE

“Nru

Isem Komuni

Isem IUPAC

Numri ta’ identifikazzjoni

Purità minima tas-sustanza attiva fil-prodott bijoċidali kif jitqieħed fis-suq

Data ta’ l-inklużjoni

Skadenza sa meta għandha tiġi ddeterminata l-konformità ma’ l-Artikolu 16(3)

(ħlief għall-prodotti li fihom iktar minn sustanza attiva waħda li għalihom l-iskadenza sa meta għandhom jikkonformaw ma’ l-Artikolu 16(3) għandha tkun dik stipolata fl-aħħar deċiżjoni minn dawk dwar l-inklużjoni marbuta mas-sustanzi attivi tagħhom)

Skadenza ta’ l-inklużjoni

Tip ta’ prodott

Dispożizzjonijiet speċifiċi (1)

1

is-sulfuryl fluoride

id-difluworidu sulfuryl

Nru tal-KE: 220-281-5

Nru tal-CAS: 2699-79-8

> 994 g/kg

l-1 ta’ Jannar 2009

il-31 ta’ Diċembru 2010

il-31 ta’ Diċembru 2018

8

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet huma soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(1)

il-prodott jista’ jinbigħ biss lill-professjonisti mħarrġa biex jużawh u għall-użu tagħhom;

(2)

huma inklużi miżuri għat-taffija tar-riskju xierqa għall-operaturi u għall-persuni fil-viċin;

(3)

il-konċentrazzjonijiet tas-sulfuryl fluoride f’atmosfera troposferika remota huma mmoniterjati.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li r-rapporti tal-monitoraġġ imsemmija fil-punt (3) jiġu trasmessi mid-detenturi ta’ l-awtorizzazzjoni direttament lill-Kummissjoni kull ħames sena mill-1 ta’ Jannar 2009.


(1)  Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji komuni ta’ l-Anness VI, il-kontenut u l-konklużjonijiet tar-rapporti ta’ evalwazzjoni huma disponibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/comm/environment/biocides/index.htm”


Top