Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006L0139

    Direttiva tal-Kummissjoni 2006/139/KE ta’ l- 20 ta’ Diċembru 2006 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE rigward restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ komposti ta’ l-arseniku għall-għan li l-Anness I tagħha jiġi adattat għall-progress tekniku Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 314M, 1.12.2007, p. 729–733 (MT)
    ĠU L 384, 29.12.2006, p. 94–97 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/05/2009

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/139/oj

    1.12.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    729


    DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2006/139/KE

    ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006

    li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE rigward restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ komposti ta’ l-arseniku għall-għan li l-Anness I tagħha jiġi adattat għall-progress tekniku

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE tas-27 ta' Lulju 1976 dwar it-tqarrib tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri konnessi mar-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2a tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 76/769/KEE tippermetti l-użu ta’ ċerti komposti ta' l-arseniku bħala bijoċidi għat-trattament ta' l-injam u tistipula regoli għat-tqegħid fis-suq u għall-użu ta' injam ittrattat bl-arseniku.

    (2)

    It-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prodotti bijoċidi huma wkoll regolati mid-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ FRAR 1998 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti bijoċidi (2). L-effett tad-Direttiva 98/8/KE moqri flimkien mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2032/2003 ta’ l-4 ta’ Novembru 2003 dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ ħidma ta’ 10 snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1896/2000 (3), huwa li mill-1 ta’ Settembru 2006 it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prodotti bijoċidali li fihom l-arseniku u komposti ta’ l-arseniku għall-għanijiet ta’ preservazzjoni ta’ injam mhuwiex possibbli sakemm dawk is-sustanzi mhumiex awtorizzati skond l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 98/8/KE.

    (3)

    Sabiex tkun żgurata applikazzjoni koerenti ta’ din il-leġiżlazzjoni, huwa għalhekk meħtieġ li r-regoli fid-Direttiva 76/769/KEE li jikkonċernaw il-prodotti bijoċidali li fihom komposti ta’ l-arseniku jiġu adattati għar-regoli fid-Direttiva 98/8/KE.

    (4)

    Ir-regoli li jikkonċernaw injam trattat b’komposti ta’ l-arseniku fid-Direttiva 76/769/KEE ma jiddistingwuwx b’mod xieraq bejn l-ewwel tqegħid fis-suq u l-użu mill-ġdid ta' injam bħal dan. Huwa għalhekk meħtieġ li dawk ir-regoli jiġu ċċarati u b’mod partikolari t-tqegħid ta’ injam bħal dan fis-suq b’bejgħ ta’ oġġetti użati.

    (5)

    Id-Direttiva 76/769/KEE għandha għalhekk tiġi emendata kif xieraq.

    (6)

    Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat għall-adattament għall-progress tekniku tad-Direttivi dwar it-tneħħija ta' ostakoli tekniċi għall-kummerċ f'sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    L-Anness I tad-Direttiva 76/769/KEE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2007, il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu f'konformità ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

    Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2007.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir referenza bħal din.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2006.

    Għall-Kummissjoni

    Gunter VERHEUGEN

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 262, 27.9.1976, p. 201. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2005/90/KE (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 28).

    (2)  ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/50/KE (ĠU L 142, 30.5.2006, p. 6).

    (3)  ĠU L 307, 24.11.2003, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1048/2005 (ĠU L 178, 9.7.2005, p. 1).


    ANNESS

    Fl-Anness I għad-Direttiva 76/769/KEE, il-punt 20 huwa mibdul b’dan li ġej:

    “20.

    Komposti ta' l-arseniku

    1.

    Ma jistgħux jiitqiegħdu fis-suq jew jintużaw bħala sustanzi u kostitwenti ta’ preparazzjonijiet maħsuba għall-użu sabiex jipprevjienu l-ħmieġ minn mikro-organiżmi, pjanti jew annimali fuq:

    l-oqfsa ta’ dgħajjes/bastimenti,

    il-gaġeġ/nases, is-sufri, ix-xbiek u kull tagħmir ieħor jew it-tagħmir ta' twaħħil użati għall-ħut jew fit-tkabbir tal-frott tal-baħar,

    kull tagħmir jew tagħmir tat-twaħħil imgħaddsa totalment jew parzjalment fil-baħar;

    2.

    Ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq jew jintużaw bħala sustanzi u kostitwenti ta’ preparazzjoniiet maħsuba għall-użu fit-trattament ta' tipi ta' ilmijiet industrijali, irrispettivament mill-użu tagħhom.

    3.

    Ma jistgħux jintużaw fil-preżervazzjoni ta’ l-injam. Barra minn hekk, injam ittrattat b’dan il-mod ma jistax jitqiegħed fis-suq;

    4.

    Iżda, permezz ta’ deroga:

    (a)

    Irrelatata mas-sustanzi u l-preparazzjonijiet għall-preservazzjoni ta’ injam: dawn jistgħu jintużaw biss f’installazzjonijiet industrijali li jużaw il-vakwu jew il-pressa biex jimlew l-injam jekk huma soluzzjonijiet ta’ komposti inorġaniċi tar-ram, kromju, arseniku (CCA) tat-tip C u jekk huma awtorizzati skond l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 98/8/KE. Injam trattat b'dan il-mod ma' jistax jitqiegħed fis-suq qabel jitlesta l-iffissar tal-kisi ta' protezzjoni.

    (b)

    Injam ittrattat b’soluzzjonijiet ta’ CCA f’installazzjonijiet industrijali skond il-punt (a) jista’ jitqiegħed fis-suq għall-użu professjonali u industrijali sakemm l-integrità strutturali ta' l-injam hija meħtieġa għas-sikurezza tal-bniedem u tal-bhejjem u sakemm ma jkunx hemm kuntatt mal-ġilda mill-pubbliku ġenerali waqt iż-żmien ta' servizz tiegħu:

    bħala injam strutturali f'bini pubbliku u agrikolturali, bini ta' uffiċċji, u bini industrijali,

    f’pontijiet u xogħol ieħor fuq il-pontijiet,

    bħala injam għal kostruzzjoni f’żoni ta’ ilma ħelu u ilma salmastru eż. mollijiet u pontijiet,

    bħala barrieri għall-istorbju,

    fil-kontrolli ta’ valangi,

    fil-bini ta’ ċnut u barrieri fuq l-awtostrada,

    arbli għar-reċinti għall-bhejjem magħmula minn koniferi tondi bla qoxra,

    strutturi li jżommu l-ħamrija,

    bħala trażmissjoni ta’ l-enerġija elettrika u arbli tat-telekomunikazzjonijiet,

    bħala travi ta’ ferroviji ta’ taħt l-art.

    (c)

    "Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra Komunitarji dwar il-klassifikazzjoni, l-ippakkjar u t-tikkettjar ta’ sustanzi u preparazzonijiet, l-injam trattat kollu li jitqiegħed fis-suq għandu jkollu t-tikketta individwali “Għall-użu ta’ installazzjoni professjonali u industrijali biss, fih l-arseniku”. Barra dan, l-injam kollu li jitqiegħed fis-suq f'pakketti għandu wkoll ikollu t-tiketta li taqra "Ilbes l-ingwanti waqt il-maniġġ ta’ dan l-injam. Ilbes maskra għat-trab u protezzjoni għall-għajnejn meta taqta’ jew tagħmel użu b’mod ieħor minn dan l-injam. Skart minn dan l-injam għandu jiġi ttrattat bħala perikoluż minn intrapriża awtorizzata.

    (d)

    Injam ittrattat imsemmi taħt il-punt (a) m’ għandux jintuża:

    għall-bini residenzjali jew domestiku, ikun x’ikun l-għan,

    għall-ebda applikazzjoni fejn hemm riskju ta’ kuntatt ripetut mal-ġilda

    fl-ibħra,

    għal għanijiet agrikoli għajr għall-arbli taċ-ċnut għall-bhejjem u għall-użu strutturali skond il-punt (b),

    għall-ebda applikazzjoni fejn l-injam trattat jista’ jiġi f’kuntatt ma’ prodotti intermedjarji jew finali maħsuba għall-konsum mill-bniedem u/jew mill-annimali.

    5.

    Injam trattat b'komposti ta' l-arseniku li kien jintuża fil-Komunità qabel t-30 ta’ Settembru 2007, jew li tqiegħed fis-suq skond ir-regoli ta' din id-Direttiva jista' jibqa’ f’postu u jkompli jintuża sakemm jilħaq tmiem il-ħajja ta’ servizz tiegħu.

    6.

    Injam trattat bis-CCA tat-tip C li kien jintuża fil-Komunità qabel t-30 ta’ Settembru 2007 jew li tqiegħed fis-suq skond ir-regoli ta’ din id-Direttiva:

    jista' jintuża jew jerġa jintuża’ suġġett għall-kondizzjonijiet li jappartjenu għall-użu tiegħu imsemmija f’punt 4 (b), (c) u (d),

    jista' jitqiegħed fis-suq b’bejgħ ta’ oġġetti użati suġġett għall-kondizzjonijiet li jappartjenu għall-użu tiegħu msemmija f’punt 4 (b), (c) u (d).

    7.

    L-Istati Membri jistgħu jippermettu injam trattat b'tipi oħrajn ta' soluzzjonijiet ta' CCA li kienu jintużaw fil-Komunità qabel t-30 ta’ Settembru 2007:

    jista' jintuża jew jerġa’ jintuża’ suġġett għall-kondizzjonijiet li jappartjenu għall-użu tiegħu msemmija f’punt 4 (b), (c) u (d),

    jista' jitqiegħed fis-suq b’bejgħ ta’ oġġetti użati suġġett għall-kondizzjonijiet li jappartjenu għall-użu tiegħu msemmija f’punt 4 (b), (c) u (d).”


    Top