Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006H0406

    Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas- 7 ta' Ġunju 2006 li tistabbilixxi linji ta' gwida fuq l-użu tad-dikjarazzjonijiet li jirreferu għan-nuqas ta' testijiet fuql-annimal skond id-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 158, 10.6.2006, p. 18–19 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 118M, 8.5.2007, p. 862–863 (MT)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2006/406/oj

    8.5.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    862


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-7 ta' Ġunju 2006

    li tistabbilixxi linji ta' gwida fuq l-użu tad-dikjarazzjonijiet li jirreferu għan-nuqas ta' testijiet fuq l-annimal skond id-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE

    (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

    (2006/406/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE tas-27 ta' Lulju 1976 fuq l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma prodotti kosmetiċi (1), u b'mod partikolari t-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu ta' Artikolu 6 (3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 76/768/KEE jipprovdi li l-manifattur jew il-persuna responsabbli li jpoġġi prodott kosmetiku fis-suq tal-Komunità jistgħu jieħdu vantaġġ, fuq l-ippakkjar tal-prodott jew f'xi dokument, avviż, tabella, jew ħolqa li jakkumpanjaw jew jirreferu għall-prodott, għal fatt li ma jkunux saru testijiet fuq l-annimali ħlief jekk il-manifattur u l-fornituri tiegħu ma għamlux jew ikkummissjonaw xi testijiet fuq l-annimali fuq il-prodott lest, jew il-prototip tiegħu jew kwalunkwe mill-ingredjenti li jkun fih, jew użaw xi ingredjenti li jkunu ġew ittestjati fuq l-annimali minn oħrajn għall-iskop biex jiġu żviluppati prodotti kosmetiċi ġodda.

    (2)

    Huwa għalhekk possibbli li jiġi ddikjarat li ma jkunux saru testijiet fuq l-annimali fuq prodott kosmetiku meta jkun qed jiġi żviluppat.

    (3)

    Huwa neċessarju li jiġu stabbiliti linji ta' gwida mmirati biex jiżguraw li kriteji komuni huma applikati fl-użu ta' dikjarazzjonijiet bħal dawn, li ftehim fuq l-istess linja tad-dikjarazzjonijiet jintlaħaq u b'mod partikolari li dikjarazzjonijiet bħal dawn ma jagħtux impressjoni ħażina lill-konsumatur jew iwasslu għal kompetizzjoni inġusta fis-suq bejn il-manifatturi.

    (4)

    Barra minn hekk, ftehim ġenerali tad-dispożizzjoni stabbilita' fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 76/768/KEE fil-qafas ta' kooperazzjoni amministrattiva tajba tista' tiffaċilita implimentazzjoni komuni mill-awtoritajiet tal-kontroll. Dan ma jippermettiex, per eżempju, għal tagħwwiġ fis-suq intern.

    (5)

    Il-miżuri msemmija f'din ir-Rakkomandazzjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Kosmetiċi,

    HAWNHEKK TIRRAKKOMANDA:

    Għall-iskop ta' l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu ta' Artikolu 6(3) tad-Direttiva 76/768/KEE, l-Istati Membri għandhom jużaw il-linji ta' gwida li ġejjin:

    1.   Prinċipji ewlenin

    L-użu tad-dikjarazzjonijiet fuq prodott domestiku m'għandhomx iqarqu bil-konsumatur. Il-konsumatur għandu jieħu l-benefiċċju reali li jkun jista' jagħmel għażla infurmata bħala riżultat tad-dikjarazzjoni fuq it-tabella “mhux ittestjat fuq l-annimal”. L-informazzjoni trid tkun bżonjuża għall-konsumatur.

    L-użu tad-dikjarazzjonijiet m'għandhomx iwasslu għal kompetizzjoni nġusta fis-suq bejn il-manifatturi u/jew fornituri li jużaw dikjarazzjonijiet bħal dawn bħala mezzi ta' reklamar.

    2.   Użu volontarju ta' dikjarazzjonijiet

    Taħt it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 76/768/KEE il-manifattur jew il-persuna responsabbli li tpoġġi l-prodott fis-suq jistgħu jużaw dikjarazzjoni biex jindikaw li ma jkunx sar l-ebda ttestjar fuq l-annimali. Għalhekk mhux mandatarju, la għal manifattur u lanqas għall-persuna responsabbli li tpoġġi l-prodott fis-suq, li jużaw dikjarazzjoni bħal din. Hija possibilità li tiġi offruta lil dawk il-persuni jekk ir-rekwiżiti fit-tieni subparagrafu ta' Artikolu 6(3) tad-Direttiva 76/768/KEE jintlaħqu, wara li jittieħdu in konsiderazzjoni l-linji ta' gwida preżenti.

    3.   L-Interpretazzjoni tal-ħtiġijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu ta' Artikolu 6(3) tad-Direttiva 76/768/KEE

    Id-definizzjonijiet ta' ċerti termini użati fil-kuntest tal-linji ta' gwida preżenti qed jiġu mfakkra hawn taħt għal skopijiet ta' ċarezza:

    “prodott kosmetiku”: ifisser “prodott kosmetiku” kif definit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 76/768/KEE,

    “prodott kosmetiku lest” ifisser “prodott kosmetiku lest” kif definit fl-Artikolu 4a (3)(a) tad-Direttiva 76/768/KEE,

    “ingredjenti” tfisser kull sustanza kimika jew preparazzjoni ta' oriġini sintetika jew naturali, inkluż fwejjaħ u kompożizzjonijiet aromatiċi użati fil-kompożizzjoni ta' prodotti kożmetiċi (ara f'dan ir-rigward l-Artikolu 5a (1) tad-Direttiva 76/768/KEE) li jeskludi “fwejjaħ u kompożizzjonijiet aromatiċi” biss għall-għan tal-kompilazzjoni ta' inventarju ta' ingredjenti),

    “prototip tal-prodott kosmetiku”: ifisser “prototip” kif definit fl-Artikolu 4a (3)(b) tad-Direttiva 76/768/KEE.

    “annimal”: tfisser “annimal” kif definita fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/609/KEE (2).

    “testjar”: tfisser kull test imwettaq f'relazzjoni ma' l-iżvilupp jew l-evalwazzjoni tas-sikurezza tal-prodott jew ta' l-ingredjenti tiegħu (ara f'dak ir-rigward l-Artikolu 7a(h) of Direttiva 76/768/KEE),

    “testjar mill-ġdid”: tittestja prodtt jew l-ingredjenti tiegħu darb' oħra.

    (a)

    “ma sarux testijiet fuq l-annimali”: tfisser li ma sar l-ebda test fuq l-annimali b'relazzjoni ma' l-iżvilupp jew il-valutazzjoni tas-sikurezza ta' prodott kosmetiku jew ta' l-ingredjenti tiegħu. Is-sostituzzjoni kompleta biss tat-testijiet fuq l-annimali b'metodu alternattiv, u għalhekk ma jkunx tnaqqis jew raffinament tat-testijiet fuq l-annimali, iħallu d-dikjarazzjoni ssir. Barra minn hekk, ma tagħmilx differenza fejn ikun sar it-test (jinkludi it-“testjar mill-ġdid”) (fil-Komunità jew f'pajjiżi terzi) jew meta jkun sar it-test.

    (b)

    “il-manifattur u dawk li jfornuh m'għamlux jew ikkummissjonaw li jsiru xi testijiet fuq l-annimali […]”: tfisser li l-manifattur u dawk li jfornuh, inkluż il-fornituri kollha fil-katina tal-fornitura:

    m'għamlux testijiet direttament fuq l-annimali;

    ma kkummisjonawx testijiet fuq l-annimali, li jfisser li huma ma talbux jew ħallsu għal-testijiet fuq l-annimali b'mezzi bħal ngħidu aħna sponsorship ta' riċerka minn istituzzjonijiet akkademiċi.

    (ċ)

    Il-fatt li l-manifattur u dawk li jfornuh mhux suppost li “użaw kwalunkwe ingredjenti li jkun ġew ittestjati fuq l-annimali minn oħrajn bl-iskop li jiġu żviluppati prodotti kosmetiċi ġodda”. Ifisser li l-manifattur u dawk li jfornuh ma jkunux użaw ingredjenti li għalihom data li tirriżulta mit-testijiet fuq l-annimali magħmula minn oħrajn għall-iskop li jiġu żviluppat prodott kosmetiku ġdid huma disponibbli bħala eżempju fil-letteratura xjentifika. F'dan il-kuntest “l-iżvilupp ta' prodott kosmetiku ġdid” tfisser jew ir-riformulazzjoni tal-prodott diga' fis-suq jew l-iżvilupp ta' prodott totalment ġdid (innovazzjoni). Ippakkjar ġdid ma jistax jitqies bħala prodott ġdid kosmetiku.

    4.   Il-piż tal-prova

    Kwalunkwe persuna li tiddikjara fuq prodott kosmetiku li ma sarux testijiet fuq l-annimali b'relazzjoni ma l-iżvilupp tiegħu għandha tkun responsabbli għad-dikjarazzjoni li għandha tkun kapaċi li tipprova r-relevanza tad-dikjarazzjoni f'dak li jirrigwarda d-Direttiva 76/768/KEE.

    F'dak il-kuntest qed jiġi mfakkar li kull informazzjoni relevanti għal skopijiet ta' kontroll għandha tkun aċċessibbli malajr skond l-Artikolu 7a (1) tad-Direttiva 76/768/KEE u b'mod partikolari punti (d) u (h) tagħha, li jaqraw kif ġej:

    “(d)

    Valutazzjoni tas-sigurtà għas-saħħa umani tal-prodott lest.

    […]

    (h)

    data ta' kwalunkwe ttestjar fuq l-annimali magħmul mill-manifattur, l-aġenti tiegħu jew il-fornituri, li għandu x'jaqsam ma l-iżvilupp jew evalwazzjoni tas-sigurtà tal-prodott jew l-ingredjenti tiegħu, li jinkludi kull ittestjar fuq l-annimali li sar biex jissodisfa l-ħtiġijiet leġislattivi jew regolatorji tal-pajjiżi li m'humiex membri”.

    5.   Formulazzjoni tad-dikjarazzjonijiet

    Kull persuna li tixtieq tuża xi dikjarazzjoni biex tindika li ma jkunx sar ittestjar fuq l-annimali hija libera li tagħżel il-formulazzjoni tad-dikjarazzjoni u/jew tuża' kwalunkwe stampi, sinjali figurattivi jew oħrajn, sakemm il-ħtiġijiet kollha relevanti fid-Direttiva 76/768/KEE jiġu ssodisfatti.

    Magħmul fi Brussel, nhar is-7 ta' Ġunju 2006.

    Għall-Kummissjoni

    Gunter VERHEUGEN

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 262, 27.9.1976, p. 169. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/80/KE (ĠU L 303, 22.11.2005, p. 32).

    (2)  ĠU L 358, 18.12.1986, p. 1.


    Top