Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0560

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/560/ĠAI ta’ l- 24 ta’ Lulju 2006 li temenda d-Deċiżjoni 2003/170/ĠAI dwar l-użu komuni ta' l-uffiċjali tal-kuntatt ippustjati barra l-pajjiż mill-aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri

    ĠU L 219, 10.8.2006, p. 31–32 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 76M, 16.3.2007, p. 230–231 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/560/oj

    16.3.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    230


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2006/560/ĠAI

    ta’ l-24 ta’ Lulju 2006

    li temenda d-Deċiżjoni 2003/170/ĠAI dwar l-użu komuni ta' l-uffiċjali tal-kuntatt ippustjati barra l-pajjiż mill-aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 30(1)(a), (b) u (ċ), l-Artikolu 30(2)(ċ) u l-Artikolu 34(2)(ċ) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (1),

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

    Billi:

    (1)

    Wara l-evalwazzjoni ta' l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/170/ĠAI tas-27 ta' Frar 2003 dwar l-użu komuni ta' l-uffiċjali tal-kuntatt ippustjati barra l-pajjiż mill-aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri (3), ċerti dispożizzjonijiet ta' dik id-Deċiżjoni għandhom jiġu emendati biex jittieħed kont tal-prattika attwali relatata ma' l-użu mill-Istati Membri ta' l-uffiċjali tal-kuntatt ta' l-Europol mibgħuta barra l-pajjiż sabiex jgħaddu informazzjoni skond il-Konvenzjoni ta' l-Europol (4).

    (2)

    Din id-Deċiżjoni li temenda tipprovdi opportunità utli biex tiġi emendata d-dispożizzjoni dwar laqgħat ta' uffiċjali tal-kuntatt, filwaqt li tinġieb konformi mal-prattika attwali fejn xi Stat Membru, ta' spiss magħruf bħala “nazzjon mexxej”, jiġi mogħti r-responsabbiltà għall-koordinazzjoni tal-koperazzjoni ta' l-UE f'pajjiż jew reġjun partikolari, li tinkludi l-inizjattiva li jsejjaħ laqgħat ta' uffiċjali tal-kuntatt.

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2003/170/ĠAI għandha tiġi emendata kif ġej:

    1.

    Is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 1(1):

    “F'din id-Deċiżjoni, ‘uffiċjal tal-kuntatt ta' l-Europol’ tfisser impjegat ta' l-Europol, mibgħut barra l-pajjiż lejn pajjiż terz wieħed jew aktar jew lejn organizzazzjonijiet internazzjonali biex isaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet f'dawk il-pajjiżi jew l-organizzazzjonijiet u l-Europol sabiex l-Istati Membri, b'mod partikolari l-uffiċjali tal-kuntatt nazzjonali mibgħuta barra l-pajjiż mill-aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri, jiġu appoġġati fil-ġlieda kontra forom gravi ta' kriminalità internazzjonali, b'mod partikolari permezz ta' l-iskambju ta' informazzjoni.”;

    2.

    Is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 1(2):

    “Din id-Deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-kompiti ta' l-Europol u ta' l-uffiċjali tal-kuntatt ta' l-Europol fi ħdan il-qafas tal-Konvenzjoni ta' l-Europol, l-arranġamenti li saru għall-implimentazzjoni tagħha, u l-ftehim ta' koperazzjoni konklużi bejn l-Europol u l-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernati.”;

    3.

    L-Artikolu 3 (2) għandu jinbidel b' dan li ġej:

    “2.   Is-Segretarjat Ġenerali għandu jfassal taqsira annwali li għandha tintbagħat lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Europol dwar l-assenjazzjonijiet ta' uffiċjali tal-kuntatt mill-Istati Membri, inkluż id-dmirijiet tagħhom u kwalunkwe ftehim ta' koperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-assenjazzjoni ta' uffiċjali tal-kuntatt. Din it-taqsira għandha telenka l-Istati Membri li, bil-qbil ta' Stati Membri oħra permezz ta' koordinazzjoni fl-istrutturi tal-Kunsill, ingħataw ir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni tal-koperazzjoni ta' l-UE f'pajjiż jew reġjun partikolari, kif imsemmi fl-Artikolu 4(1). Dettalji dwar uffiċjali tal-kuntatt ta' l-Europol mibgħuta barra mill-pajjiż f'pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jiġu inklużi wkoll.”;

    4.

    Is-sentenza li ġejja għandha tiżdied ma' l-Artikolu 4(1):

    “Laqgħat bħal dawn jistgħu jinżammu wkoll, wara konsultazzjoni ma' l-Istat Membru li għandu l-Presidenza, fuq l-inizjattiva ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor u b'mod partikolari ta' dawk l-Istati Membri li ngħataw ir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni tal-koperazzjoni ta' l-UE f'pajjiż jew reġjun partikolari.”

    5.

    Is-sentenza li ġejja għandha tiżdied ma' l-Artikolu 8(2):

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-informazzjoni mogħtija skond l-Artikolu 2(2) għandha tiġi skambjata ma' l-Europol skond il-Konvenzjoni ta' l-Europol.”

    6.

    Il-paragrafi li ġejjin għandhom jiżdiedu ma' l-Artikolu 8:

    “3.   Skond il-liġi nazzjonali u l-Konvenzjoni ta' l-Europol, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu talba lill-Europol biex jużaw l-uffiċjali tal-kuntatt ta' l-Europol sekondati lil pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, bil-ħsieb ta' l-iskambju ta' informazzjoni rilevanti b'konformità mal-ftehim ta' koperazzjoni konklużi bejn l-Europol u l-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni kkonċernata. It-talbiet għandhom jiġu indirizzati lill-Europol permezz ta' l-unitajiet nazzjonali ta' l-Istati Membri skond il-Konvenzjoni ta' l-Europol.

    4.   L-Europol għandha tiżgura li l-uffiċjali tal-kuntatt tagħha sekondati lil pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jipprovduha b'informazzjoni relatata ma' theddid serju lil Stati Membri minn dawk reati kriminali li għalihom l-Europol hija kompetenti skond il-Konvenzjoni ta' l-Europol. Tali informazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri kkonċeranti permezz ta' l-unitajiet nazzjonali skond il-Konvenzjoni ta' l-Europol.”

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal Ġibiltà.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett fil-ħmistax-il jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussel, 24 ta’ Lulju 2006.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    K. RAJAMÄKI


    (1)  ĠU Ċ 188 tat-2.8.2005, p. 19.

    (2)  Opinjoni tas-17 ta' Marzu 2006 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  ĠU L 67, 12.3.2003, p. 27.

    (4)  ĠU C 316, 27.11.1995, p. 2.


    Top