Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0470

Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 29 ta’ Mejju 2006 dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta' konsultazzjonijiet mar-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja skond l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou rivedut

ĠU L 187, 8.7.2006, pp. 28–31 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 76M, 16.3.2007, pp. 31–34 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/11/2007

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/470/oj

16.3.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

31


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-29 ta’ Mejju 2006

dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta' konsultazzjonijiet mar-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja skond l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou rivedut

(2006/470/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (1) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ACP-KE”), kif emendat bil-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (2), u partikolarment l-Artikolu 96 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern dwar il-miżuri li jittieħdu u l-proċeduri li jiġu segwiti fl-implementazzjoni tal-Ftehim AKP-KE (3), u partikolarment l-Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

L-elementi essenzjali tal-Ftehim ACP-KE, previsti fl-Artikolu 9 tiegħu, ġew vjolati.

(2)

Konformement ma' l-Artikolu 96 tal-Ftehim ACP-KE, inbdew konsultazzjonijiet fit-30 ta' Novembru 2005 mal-pajjiżi ta' l-AKP u mar-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja li matulhom l-Awtoritajiet Mawritani assumew impenji speċifiċi maħsuba sabiex jirrimedjaw il-problemi identifikati mill-Unjoni Ewropea u assumew l-impenn li jimplementaw dawn l-impenji matul perjodu ta' djalogu approfondit ta' 120 ġurnata.

(3)

Meta għadda dan il-perjodu, jidher li ċerti impenji msemmija hawn fuq wasslu għall-inizjattivi konkreti u li xi oħrajn twettqu. Madankollu, diversi miżuri importanti fir-rigward ta' l-elementi essenzjali tal-Ftehim ACP-KE għad iridu jiġu implementati,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-konsultazzjonijiet li bdew mar-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja konformement ma' l-Artikolu 96 tal-Ftehim ACP-KE huma b'dan konklużi.

Artikolu 2

Il-miżuri stabbiliti fl-ittra mehmuża fl-Anness huma b'dan adottati bħala miżuri adatti skond l-Artikolu 96(2), punt (ċ) tal-Ftehim ACP-KE.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum li fih tiġi adottata.

Din id-Deċiżjoni tiskadi id-29 ta’ Novembru 2007. Hija għandha tiġi riveduta regolarment għall-inqas kull sitt xhur.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussel, 29 ta’ Mejju 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BARTENSTEIN


(1)   ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(2)   ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27.

(3)   ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.


ANNESS

Prim Ministru,

L-Unjoni Ewropea (UE) tagħti importanza kbira lid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Cotonou rivedut. Ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, li fuqhom hija mibnija s-sħubija AKP-UE, jikkostitwixxu elementi essenzjali ta ' dan il-ftehim u, għaldaqstant, il-bażi tar-relazzjonijiet tagħna.

F'dan l-ispirtu, fid-dikjarazzjonijiet tagħha tat-3 ta' Awissu 2005 fir-rigward tal-kolp ta' stat imwettaq fil-Mawritanja, l-Unjoni Ewropea fakkret il-kundanna tagħha ta' l-attentati kollha għat-teħid tal-poter bil-forza u appellat għar-rispett tad-demokrazija u tal-kwadru legali kostituzzjonali.

Taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou rivedut, u b'kunsiderazzjoni tal-fatt li l-kolp ta' Stat tat-3 ta' Awissu 2005 ikkostitwixxa vjolazzjoni ta' ċerti elementi essenzjali elenkati f'dan l-Artikolu, l-UE stiednet lill-Mawritanja għal konsultazzjoni sabiex, kif previst fil-Ftehim, tiġi studjata fil-fond is-sitwazzjoni u, fejn ikun meħtieġ, jittieħdu passi biex din tiġi rimedjata.

Dawn il-konsultazzjonijiet bdew fi Brussel fit-30 ta' Novembru 2005. F'din l-okkażjoni l-Mawritanja tat preżentazzjoni bbażata fuq memorandum bid-data ta' l-24 ta' Novembru 2005 dwar żviluppi fis-sitwazzjoni tal-pajjiż mill-kolp ta' Stat tat-3 ta' Awissu, kif ukoll dwar il-programm ta' l-awtoritajiet għall-perijodu transitorju.

Min-naħa tagħha, l-UE innotat b'sodisfazzjoni li l-Mawritanja kienet diġà kkonfermat numru ta' impenji li kienet daħlet għalihom preċedentement, u kienet diġà pproponiet passi pożittivi fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tagħhom.

Matul il-laqgħa, il-Mawritanja b'mod aktar partikolari daħlet għal 23 impenn speċifiku, skond ma hu indikat fl-Anness, fl-oqsma tar-rispett tal-prinċipji demokratiċi, il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba. Il-pajjiż wiegħed ukoll li jipprovdi lill-UE b'rapport dwar l-implimentazzjoni ta' dawn l-impenji sa nofs Jannar 2006, li għandu jiġi segwit b'rapport regolari ta' kull tliet xhur dwar żviluppi fis-sitwazzjoni.

Ir-rapporti sottomessi f'nofs Jannar u f'nofs April ippermettew lill-UE tikkonferma li sar progress konsistenti. Minbarra l-progress diġà nnotat fil-ftuħ tal-konsultazzjonijiet, ġew ukoll osservati numru ta' bidliet, b'mod partikolari fir-rigward ta':

id-definizzjoni tal-proċeduri għal ċensiment amministrattiv għal finijiet elettorali, sabiex tiġi stabbilita lista elettorali affidabbli u trasparenti, u l-bidu ta' operazzjonijiet ta' ċensiment,

l-adozzjoni mill-Kunsill tal-Ministri tat-test ta' Abbozz ta' liġi dwar emendi Kostituzzjonali li għandhom jiġu sottomessi għal referendum fil-25 ta' Ġunju 2006,

il-ħatra ta' Walis ġodda (gvernaturi reġjonali) u ta' Hakems (prefetti), u ċirkolari mibgħuta lill-awtoritajiet reġjonali u lokali mal-ħatra tagħhom dwar in-newtralità ta' l-amministrazzjoni ċentrali u territorjali,

l-adozzjoni ta' ordni fis-26 ta' Jannar 2006 li temenda l-Kodiċi tal-komuni u tintroduċi l-prinċipju tal-kandidaturi indipendenti,

il-bidu ta' konsultazzjoni mal-partiti politiċi dwar il-miżuri li għandhom jiġu adottati fir-rigward tar-reviżjoni tal-forom ta' skrutinju, inkluż l-aċċess għan-nisa għall-mandati elettorali u l-adozzjoni ta' bulletin uniku,

l-iżvilupp ta' programm ta' sensibilizzazzjoni u ta' edukazzjoni ċivika u l-bidu tal-kampanja rispettiva fil-preżenza ta' l-awtoritajiet amministrattivi, il-Kummissjoni Elettorali Indipendenti Nazzjonali, il-partiti politiċi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-istampa,

l-istabbiliment ta' grupp ta' ħidma fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja, biex jistudja l-konformità mal-Kostituzzjoni ta' testi relatati mad-drittijiet u l-libertajiet demokratiċi, u jagħmel il-proposti meħtieġa,

l-istabbiliment b'digriet u l-istallazzjoni ta' Kummissjoni Nazzjonali Konsultattiva għar-riforma tas-settur ta' l-istampa u dak awdjoviżiv, li tat ir-rapport proviżorju tagħha lill-Prim Ministru,

it-trażmissjoni lill-Gvern ta' abbozz ta' ordni dwar l-istabbiliment ta' Kummissjoni Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

Ċirkolari mibgħuta mill-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Ministeru ta' l-Intern lill-awtoritajiet ta' prosekuzzjoni u lill-awtoritajiet ta' amministrazzjoni territorjali kollha filwaqt li jistednuhom biex jirriċerkaw, isibu u jittrasmettu minnufih lill-ġustizzja il-każijiet kollha li jistgħu jinvolvu l-esplojtazzjoni diretta jew indiretta tal-persuni, kif ukoll l-organizzazzjoni ta' ġurnata ta' riflessjoni bil-ħsieb li jiġu identifikati miżuri li jistgħu jeliminaw il-konsegwenzi ta' l-iskjavitù,

l-adozzjoni mill-Kunsill tal-Ministri ta' abbozzi ta' ordni li jawtorizzaw l-adeżjoni għall-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni u li jawtorizzaw ir-ratifika tal-Konvenzjoni Afrikana kontra l-Korruzzjoni,

l-istabbiliment ta' Kumitat Nazzjonali ta' l-EITI (Inizjattiva Trasparenti għall-Industriji Estrattivi) kif ukoll l-approvazzjoni ta' ordni li tistabbilixxi l-Fond nazzjonali tad-dħul ta' l-idrokarboni u li jiddefinixxi l-proċeduri ta' ġestjoni ta' dan id-dħul.

Bla dubju, dawn l-inizjattivi introdotti mill-awtoritajiet ta' transizzjoni ser jgħinu biex isaħħu r-rispett tal-prinċipji tad-demokrazija, id-drittjiet u l-libertajiet fondamentali u ta' l-Istat tad-dritt kif ukoll ta' governanza tajba fil-pajjiż tiegħek. Madankollu, ħafna mill-impenji meħuda fil-bidu tal-konsultazzjonijiet ser ikunu implimentati fuq perijodu estiż u ser ikun meħtieġ li l-implimentazzjoni tagħhom tiġi monitorjata fuq medda ta' żmien.

F'dan il-kuntest, it-tkomplija ta' l-implimentazzjoni tal-miżuri konkreti fl-oqsma indikati hawn isfel hija partikolarment mistennija mill-UE:

il-preparazzjoni u ż-żamma ta' elezzjonijiet liberi u trasparenti abbażi ta' listi elettorali affidabbli u kompluti u abbażi ta' sistemi elettorali u kostitwenzi elettorali ġusti u li huma maqbula mal-partiti politiċi,

ir-rispett għall-pluraliżmu fis-settur awdjoviżiv, b'mod partikolari, il-ħolqien ta' radjijiet liberi barra l-bliet u r-reviżjoni tal-liġi ta' l-istampa,

il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari, permezz ta' sforzi kontinwi biex tinħoloq Kummissjoni indipendenti għad-drittijiet tal-bniedem, u r-ritorn tar-refuġjati u l-integrazzjoni mill-ġdid tad-drittijiet tagħhom;

l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni dwar il-projbizzjoni ta' l-iskjavitù u t-trattament xieraq tal-problemi kollha li jirriżultaw minn dan il-flaġell,

ir-riforma tal-ġustizzja,

it-titjib kontinwu tas-sistemi tal-governanza, inkluża l-pubblikazzjoni aġġornata tad-data ta' l-istatistika ta' l-ekonomija u tal-budget,

l-implimentazzjoni effettiva ta' l-inizjattiva EITI fis-setturi tal-minjieri u l-esplojtazzjoni tal-idrokarboni u l-applikazzjoni ta' l-istess prinċipji ta' governanza tajba fis-setturi marbuta mal-ġestjoni tar-riżorsi naturali u, b'mod partikolari, tas-sajd.

Fl-ispirtu ta' sħubija ispirata mill-Ftehim ta' Cotonou, l-UE esprimiet li kienet lesta li tappoġġja l-implimentazzjoni ta' l-impenji tal-Mawritanja. B'segwitu għall-konsultazzjonijiet, u b'rikonoxximent ta' l-impenji attwati sa dan l-istadju u l-attivitajiet li għad iridu jiġu implimentati, ġie deċiż li jiġu adottati l-miżuri xierqa li ġejjin skond l-Artikolu 96 (2)(ċ) tal-Ftehim ta' Cotonou rivedut:

l-attivitajiet ta' kooperazzjoni fis-seħħ taħt id-9 Fond Ewropew għall-Iżvilupp u tal-FEŻ preċedenti ser jitkomplew sakemm il-kondizzjonijiet speċifiċi tal-konvenzjonijiet ta' finanzjament attwali jiġu osservati,

il-preparazzjoni u l-implimentazzjoni ta' proġetti ta' sostenn istituzzjonali b'appoġġ għall-proċess ta' tranżizzjoni, li l-tnedija tagħhom ġiet deċiża fil-bidu tal-konsultazzjonijiet, ser jitkomplew,

il-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri previsti fid-9 FEŻ u l-FEŻ preċedenti fl-oqsma l-oħra tal-kooperazzjoni Komunitarja ser jitkomplew ukoll,

l-attivitajiet ta' programmar ta' l-10 FEŻ ser jiġu mnedija skond l-iskedi ta' żmien imfassla mis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni Ewropea. Il-konklużjoni ta' l-stadji differenti tal-proċess ta' pprogrammar ser tkun iddeterminata miż-żamma ta' referendum kostituzzjonali u l-elezzjonijiet ippjanati f'kondizzjonijiet soddisfaċenti u skond l-iskedi ta' żmien stabbiliti mill-awtoritajiet transizzjonali;

id-Dokument ta' Strateġija ta' l-10 FEŻ għall-Pajjiż għall-Mawritanja ma jistax jiġi ffirmat qabel il-konferma li l-pajjiż effettivament irritorna għall-ordni kostituzzjonali wara elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari liberi u trasparenti u li jkunu wasslu għal korpi ġodda eletti demokratikament.

Il-Presidenza ta' l-UE u l-Kummissjoni Ewropea ser iwettqu reviżjonijiet konġunti regolari, l-ewwel waħda ser issir fi żmien li ma jaqbiżx is-sitt xhur.

L-UE ser tkompli ssegwi s-sitwazzjoni fil-Mawritanja mill-qrib. Il-gvern tiegħek huwa mistieden jimpenja ruħu fi djalogu politiku msaħħaħ skond l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou tul perijodu ta' monitoraġġ ta' 18-il xahar bil-ħsieb li tiġi stabbilita mill-ġdid id-demokrazija u l-Istat ta' dritt, b'mod partikolari permezz taż-żamma ta' elezzjonijiet lokali, parlamentari, senatorjali u presidenzjali liberi u trasparenti, kif ukoll li jiġi msaħħaħ ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fondamentali.

Fil-każ ta' aċċelerazzjoni fl-implimentazzjoni ta' impenji meħuda mill-awtoritajiet Mawritanji, jew bil-kontra, fil-każ ta' kollass, l-UE tirriżerva d-dritt li temenda l-miżuri xierqa.

Inselli għalik Prim Ministru, dejjem tiegħek.

Magħmul fi Brussel,

Għall-Kummissjoni

Għall-Kunsill


Top