Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0266

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 3 ta' April 2006 dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni fir-rigward ta' l-influwenza tat-tjur ta' patoġeniċità għolja fl-Iżrael u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2006/227/KE (innotifikata taħt dokument numru C(2006) 1245) Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 96, 5.4.2006, p. 10–13 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 118M, 8.5.2007, p. 560–563 (MT)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/07/2006

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/266/oj

    8.5.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    560


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-3 ta' April 2006

    dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni fir-rigward ta' l-influwenza tat-tjur ta' patoġeniċità għolja fl-Iżrael u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2006/227/KE

    (innotifikata taħt dokument numru C(2006) 1245)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2006/266/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta' kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE, (1) u partikolarment l-Artikolu 18(1) (6) u (7) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 22 (1), (5) u (6) tagħha,

    Billi:

    (1)

    L-influwenza tat-tjur hija marda virali infettiva fit-tjur ta' l-irziezet u f'għasafar oħra, li tikkawża mwiet u tfixkil li malajr jistgħu jiżviluppaw fi proporzjonijiet epiżootiċi li kapaċi jwasslu għal theddida serja għas-saħħa ta' l-annimali u dik pubblika u jnaqqsu sew il-qligħ mit-trobbija tat-tjur ta' l-irziezet. Hemm riskju li l-aġent tal-marda jista' jiddaħħal fl-Istati Membri permezz tal-kummerċ internazzjonali fit-tjur ħaj u ċerti għasafar oħra u prodotti minnhom.

    (2)

    L-Iżrael innotifika lill-Kummissjoni dwar tifqigħat ta' influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja kkawżata mill-virus mis-sottotip H5N1 tal-virus ta' l-influwenza A.

    (3)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/227/KE tas-17 ta' Marzu 2006 dwar ċerti miżuri provviżorji ta' protezzjoni li għandhom x'jaqsmu ma' suspett ta' influwenza tat-tjur ta' patoġeniċità għolja fl-Iżrael (3) ġiet adottata wara dik in-notifika mill-Iżrael.

    (4)

    Fid-dawl tar-riskju għas-saħħa ta' l-annimali ta' introduzzjoni tal-marda fil-Komunità, huwa xieraq li tiġi sospiża l-importazzjoni tat-tjur ħaj, ratiti, tat-tjur tal-kaċċa mrobbi u selvaġġ u tal-bajd tat-tifqis ta' dawk l-ispeċijiet mill-Iżrael.

    (5)

    Peress li l-Istati Membri huma awtorizzati għall-importazzjoni ta' trofej tal-kaċċa u bajd għall-konsum uman, l-importazzjoni fil-Komunità ta' dawn il-prodotti għandha tiġi sospiża wkoll minħabba r-riskju li tinvolvi għas-saħħa ta' l-annimali involuti.

    (6)

    Ikun xieraq ukoll li l-importazzjoni fil-Komunità mill-Iżrael tiġi sospiża fir-rigward tal-laħam frisk tat-tjur, ratiti u tjur tal-kaċċa mrobbi u selvaġġ u l-importazzjoni ta' laħam ikkapuljat, laħam isseparat mekkanikament, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li jikkonsistu fi, jew li fihom, laħam ta' dawn l-ispeċijiet, kif ukoll ċerti prodotti oħra ta' l-għasafar.

    (7)

    Ikun xieraq li jiġu previsti miżuri li japplikaw għal partijiet ta' l-Iżrael skond is-sitwazzjoni epidemjoloġika.

    (8)

    Ċerti prodotti li ġejjin mit-tjur ta' l-irziezet, ratiti u tjur tal-kaċċa mrobbi u selvaġġ maqtul jew ikkaċċat qabel il-15 ta' Frar 2006 għandhom ikomplu jiġu awtorizzati, filwaqt li jitqies il-perjodu ta' l-inkubazzjoni tal-marda.

    (9)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/432/KE tat-3 ta' Ġunju 2005 li tistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali u tas-saħħa pubblika u mudelli ta' ċertifikat għall-importazzjoni ta' prodotti tal-laħam għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi u li tirrevoka d-Deċiżjonijiet 97/41/KE, 97/221/KE and 97/222/KE (4) tistipula lista ta' pajjiżi terzi li minnhom l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni ta' ċerti prodotti tal-laħam u tistabbilixxi sistemi ta' trattament li huma meqjusa effikaċi fid-diżattivazzjoni tal-patoġeni rispettivi. Bħala prevenzjoni tar-riskju tat-trażmissjoni tal-mard permezz ta' prodotti bħal dawn, jeħtieġ li jiġu applikati trattamenti adegwati skond l-istatus ta' saħħa tal-pajjiż ta' l-oriġini u l-ispeċi li minnha l-prodott huwa dderivat. Għalhekk, jidher xieraq li l-importazzjoni ta' prodotti tal-laħam tat-tjur, ratiti u tjur tal-kaċċa mrobbi u selvaġġ li joriġinaw fl-Iżrael u li huma pproċessati sa temperatura ta' talanqas 70 °C fil-prodott kollu kemm hu għandhom jibqgħu awtorizzati.

    (10)

    Il-kundizzjonijiet għall-importazzjoni tar-rix huma stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/7/KE tad-9 ta' Jannar 2006 dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni fir-rigward ta' importazzjonijiet ta' rix minn ċerti pajjiżi terzi (5). Għaldaqstant mhux meħtieġ li tiġi prevista projbizzjoni speċifika fuq l-importazzjonijiet mill-Iżrael ta' rix mhux ipproċessat.

    (11)

    Għall-għan ta' kjarifika tal-leġiżlazzjoni Komunitarja huwa xieraq li tkun revokata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/227/KE u tkun sostitwita minn din id-Deċiżjoni.

    (12)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Istati Membri għandhom jissospendu l-importazzjonijiet ta':

    (a)

    tjur ħaj, ratiti, tjur tal-kaċċa mrobbi u selvaġġ, u bajd għat-tifqis ta' dawk l-ispeċijiet li jkun ġejjin mill-partijiet ta' l-Iżrael elenkati fil-Parti A ta' l-Anness;

    (b)

    dawn il-prodotti li ġejjin mill-partijiet ta' l-Iżrael elenkati fil-Parti B ta' l-Anness:

    (i)

    laħam frisk tat-tjur, ratiti u tjur tal-kaċċa mrobbi u selvaġġ;

    (ii)

    laħam ikkapuljat, laħam isseparat mekkanikament, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn, jew li fihom, laħam imsemmi fil-punt (i);

    (iii)

    ikel nej għall-annimali tad-dar u materjal għall-għalf mhux ipproċessat li fih kwalunkwe parti minn tjur, ratiti u tjur tal-kaċċa mrobbi u selvaġġ;

    (iv)

    bajd għall-konsum uman minn tjur, ratiti, tjur tal-kaċċa mrobbi u selvaġġ, u prodotti tal-bajd mhux pasturizzati prodotti minn dak il-bajd;

    (v)

    trofej minn tjur tal-kaċċa mhux ittrattat minn kwalunkwe għasfur;

    (vi)

    demel mhux ipproċessat u prodotti tad-demel minn kwalunkwe għasfur.

    Artikolu 2

    1.   B'deroga mill-Artikolu 1(b), l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni tal-prodotti msemmija fil-punti (b) (i), (ii), (iii) ta' dak l-Artikolu, li nkisbu minn għasafar maqtula jew ikkaċċati qabel il-15 ta' Frar 2006.

    2.   Fiċ-ċertifikati veterinarji/dokumenti kummerċjali li jakkumpanjaw konsenji tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(b) (i), (ii) u (iii), il-kliem li ġej, kif ikun xieraq skond l-ispeċi, għandu jiġi inkluż:

    “Laħam frisk/laħam ikkapuljat/laħam isseparat mekkanikament tat-tjur ta' l-iziezet, ratiti, tjur tal-kaċċa mrobbi jew selvaġġ (*) jew preparazzjonijiet tal-laħam/prodotti tal-laħam li jikkonsistu fi, jew li fihom, laħam minn tjur ta' l-irziezet, ratiti, tjur tal-kaċċa mrobbi jew selvaġġ (*)jew ikel nej intenzjonat għall-annimali tad-dar u materjal ta' l-għalf mhux ipproċessat li fih kwalunkwe parti ta' tjur ta' l-irziezet, ratiti, tjur tal-kaċċa mrobbi jew selvaġġ (*) miksub minn tjur tal-kaċċa maqtula jew ikkaċċati qabel l-15 ta' Frar 2006 u skond l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni K(2006)1245 finali.

    3.   B'deroga mill-Artikolu 1(b)(ii), l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni tal-prodotti tal-laħam li jikkonsistu fi, jew li fihom, laħam tat-tjur ta' l-irziezet, ratiti, tjur tal-kaċċa mrobbi jew selvaġġ bil-kundizzjoni li l-laħam ta' dawn l-ispeċijiet ikun għadda minn talanqas wieħed mit-trattamenti speċifiċi msemmija taħt il-punti B, C jew D fil-Parti 4 ta' l-Anness II mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/432/KE.

    4.   It-trattament speċifiku applikat skond il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu għandu jkun iċċertifikat biż-żieda tal-kliem li ġej:

    (a)

    fil-punt 9.1, kolonna B ta' l-attestazzjoni tas-saħħa ta' l-annimali fiċ-ċertifikat veterinarju mfassal skond il-mudell stabbilit fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2005/432/KE:

    “Prodotti tal-laħam trattati skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni K(2006)1245 finali”

    (b)

    fil-punt 8.2, fiċ-ċertifikat veterinarju mfassal skond il-mudell stabbilit fl-Anness IV tad-Deċiżjoni 2005/432/KE:

    “Prodotti tal-laħam trattati skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni K(2006)1245 finali”

    Artikolu 3

    L-Istati Membri għandhom minnufih jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni u jippubblikaw dawk il-miżuri. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

    Artikolu 4

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/227/KE hija rrevokata.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-31 ta' Lulju 2006.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, nhar it-3 ta' April 2006.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56. Direttiva kif emendata l-aħħar mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

    (2)  ĠU L 24, 31.1.1998, p. 9. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1). Verżjoni kkoreġuta ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1.

    (3)  ĠU L 81, 18.3.2006, p. 43.

    (4)  ĠU L 151, 14.6.2005, p. 3.

    (5)  ĠU L 5, 10.1.2006, p. 17. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/183/KE (ĠU L 65, 7.3.2006, p. 49).


    ANNESS

    Partijiet ta' l-Iżrael imsemmija fl-Artikolu 1 (a) u (b):

    PARTI A

    Kodiċi ISO tal-pajjiż

    Isem il-Pajjiż

    Deskrizzjoni tal-partijiet ta' l-Iżrael

    IL

    l-Iżrael

    It-territorju kollu ta' l-Iżrael

    PARTI B

    Kodiċi ISO tal-pajjiż

    Isem il-Pajjiż

    Deskrizzjoni tal-partijiet ta' l-Iżrael

    IL

    l-Iżrael

    It-territorju kollu ta' l-Iżrael


    Top