Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0086

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l- 10 ta' Frar 2006 dwar ċerti miżuri provviżorji ta' protezzjoni rigward każijiet sospetti ta' influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja f'għasafar selvaġġi fil-Greċja (innotifikata taħt dokument numru C(2006) 455)

    ĠU L 40, 11.2.2006, p. 26–31 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 118M, 8.5.2007, p. 147–152 (MT)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 16/02/2006; Imħassar b' 32006D0115

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/86(1)/oj

    8.5.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    147


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    ta' l-10 ta' Frar 2006

    dwar ċerti miżuri provviżorji ta' protezzjoni rigward każijiet sospetti ta' influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja f'għasafar selvaġġi fil-Greċja

    (innotifikata taħt dokument numru C(2006) 455)

    (It-test Grieg biss huwa awtentiku)

    (2006/86/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u partikolarment l-Artikolu 9(3) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta' ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tagħha,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) 998/2003 tas-26 ta' Mejju 2003 dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa ta' l-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 188 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-influwenza tat-tjur hija marda virali infettiva fit-tjur ta' l-irziezet u l-għasafar, li tikkawża mortalità u disturbi li malajr jistgħu jiżviluppaw fi proporzjonijiet epiżootiċi li kapaċi jwasslu għal theddida serja għas-saħħa pubblika u dik ta' l-annimali u li jnaqqsu sew il-profittabbiltà tat-trobbija tat-tjur ta' l-irziezet. Hemm riskju li l-aġent tal-marda jista' jinxtered mill-għasafar selvaġġi lill-għasafar domestiċi, partikolarment it-tjur ta' l-irziezet, u minn Stat Membru għal Stati Membri oħra u lil pajjiżi terzi permezz tal-kummerċ internazzjonali fi tjur ħajjin u l-prodotti tagħhom.

    (2)

    Il-Greċja nnotifikat lill-Kummissjoni bl-iżolament ta' virus H5 ta' l-influwenza tat-tjur miġbur minn każ kliniku fi tjur selvaġġi. Sakemm jiġi ddeterminat t-tip ta' neuraminidase (N) u ta' l-indiċi tal-patoġeniċità, l-istampa klinika u ċ-ċirkostanzi epidemjoloġiċi jagħtu l-lok għal suspett ta' influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja kkawżata mis-sottotip H5N1 tal-virus ta' l-influwenza A.

    (3)

    Il-Greċja implimentat, mingħajr dewmien bla bżonn, ċerti miżuri previsti fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 92/40/KEE tad-19 ta' Mejju 1992 li tintroduċi miżuri Komunitarji għall-kontroll ta' l-influwenza tat-tjur (4).

    (4)

    Minħabba r-riskju ta' mard, għandhom jiġu adottati miżuri provviżorji ta' protezzjoni sabiex jiġu indirizzati r-riskji partikolari f'żoni differenti.

    (5)

    Għal raġunijiet ta' koerenza, jixraq li jiġu applikati għall-iskopijiet ta' din id-Deċiżjoni, ċerti definizzjonijiet previsti fid-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE ta' l-20 ta' Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-ġlieda kontra l-influwenza tat-tjur u li tirrevoka id-Direttiva 92/40/KEE (5), fid-Direttiva tal-Kunsill 90/539/KEE tal-15 ta' Ottubru 1990 dwar il-kundizzjonijiet tas-saħħa ta' bhejjem li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju, u l-importazzjoni ta' tajr u bajd tat-tifqis minn pajjiżi terzi (6), fir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 853/2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (7), fir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 998/2003 dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa ta' l-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (8).

    (6)

    Għandhom jiġu stabbiliti ż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza madwar il-post li fih il-marda ġiet individwata f'għasafar selvaġġi. Dawk iż-żoni għandhom ikunu limitati għal dak li hu neċessarju għall-prevenzjoni ta' l-introduzzjoni tal-virus fil-qatgħat tat-tjur ta' l-irziezet kummerċjali u mhux kummerċjali.

    (7)

    Jeħtieġ li, partikolarment, il-movimenti ta' l-għasafar ħajjin u l-bajd tat-tifqis jiġu kkontrollati u limitati, filwaqt li jkun permess il-bgħit kontrollat miż-żoni ta' dawn l-għasafar u tal-prodotti li ġejjin mit-tjur suġġett għal ċerti kundizzjonijiet.

    (8)

    Il-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/734/KE tad-19 ta' Ottubru 2005 li tistabbilixxi miżuri ta' bijosigurtà għat-tnaqqis tar-riskju ta' trażmissjoni ta' influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja kkawżata mis-sottotip H5N1 tal-virus A ta' l-influwenza minn għasafar li jgħixu fl-ambjent naturali għal tjur ta' l-irziezet u għasafar oħra miżmuma mill-bniedem u li tipprevedi sistema ta' individwalizzazzjoni minn kmieni f'żoni ta' riskju partikolari (9) għandhom jiġu implimentati f'żoni ta' protezzjoni u sorveljanza, indipendentement mil-livell ta' riskju ddefinit għaż-żona li fiha hemm suspett ta' influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja jew konferma tagħha f'għasafar selvaġġi.

    (9)

    Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1774/2002 tat-3 ta' Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta' l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (10) jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' firxa ta' prodotti sekondarji ta' l-annimali, bħall-ġelatina għal użu tekniku, materjali għal użu farmaċewtiku u oħrajn, li joriġinaw minn żoni tal-Komunità taħt restrizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali, għax dawk il-prodotti huma meqjusa sikuri minħabba l-kundizzjonijiet speċifiċi ta' produzzjoni, ipproċessar u użu li jiddiżattivaw b'mod effikaċi patoġeni possibbli jew jipprevjenu l-kuntatt ma' animali suxxettibbli għalihom. Għaldaqstant, jeħtieġ li jkun permess it-trasport minn żoni ta' protezzjoni ta' ħmieġ jew demel użat u mhux ipproċessat għal skopijiet ta' trattament skond dak ir-Regolament, kif ukoll tal-prodotti sekondarji ta' l-annimali konformi mal-kundizzjonijient stabbiliti fih.

    (10)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta' Lulju li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa ta' l-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta', u l-importazzjoni fil-Komunità ta' annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta' saħħa ta' l-annimali meħtieġa f'regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A (I) tad-Direttiva 90/425/KEE (11) tipprevedi korpi approvati, istituti u ċentri u mudell ta' ċertifikati tas-saħħa li għandu jakkumpanja l-annimali u l-gameti tagħhom fit-trasport bejn dawn l-istrutturi approvati fi Stati Membri differenti. Għandha tkun prevista deroga għar-restrizzjonijiet fuq it-trasport għal għasafar li ġejjin minn u li sejrin lejn korpi, istituti u ċentri approvati skond dik id-Direttiva.

    (11)

    It-trasport tal-bajd għat-tifqis miż-żona ta' protezzjoni għandu jkun permess taħt ċerti kundizzjonijiet. Jista' jiġi permess li jintbagħat bajd għat-tifqis lil pajjiżi oħra suġġett, partikolarment, għall-konformità mal-kundizzjonijiet imsemmija fid-Direttiva 2005/94/KE. F'każijiet bħal dawn iċ-ċertifikati tas-saħħa ta' l-annimali previsti skond id-Direttiva 90/539/KEE għandu jkun fihom referenza għal din id-Deċiżjoni.

    (12)

    Għandu jiġi permess li jintbagħat miż-żoni ta' protezzjoni laħam, laħam ikkapuljat, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, partikolarment fir-rigward tal-konformità ma' ċerti rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 u tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (12).

    (13)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (13) tistabbilixxi elenku ta' trattamenti biex il-laħam minn żoni ristretti isir sikur, u tipprevedi l-possibilità li titwaqqaf marka sanitarja speċifika u l-marka sanitarja meħtieġa għal-laħam mhux awtorizzat li jitqiegħed fis-suq għal raġunijiet sanitarji ta' l-annimali. Jixraq li jkun permess li jintbagħat laħam minn żoni protetti li juri marka sanitarja prevista minn dik id-Direttiva u prodotti tal-laħam suġġetti għat-trattament imsemmi fiha.

    (14)

    Fl-istennija tal-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali u f'kollaborazzjoni ma' l-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri ta' protezzjoni ad interim rigward l-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja f'għasafar selvaġġi.

    (15)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitati Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DECIZJONI:

    Artikolu 1

    Is-suġġett, l-ambitu u d-definizzjonijiet

    1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi ċerti miżuri provviżorji ta' protezzjoni fir-rigward ta' influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja f'għasafar selvaġġi fil-Greċja kkawżata mis-sottotip H5 tal-virus A ta' l-influwenza li fiha hemm suspett li hija tat-tip ta' neuraminidase N1, sabiex jiġi evitat it-tixrid ta' l-influwenza tat-tjur minn għasafar selvaġġi lit-tjur ta' l-irziezet jew għasafar oħra miżmuma mill-bniedem kif ukoll il-kontaminazzjoni tal-prodotti tagħhom.

    2.   Għajr jekk previst b'mod ieħor, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet tad-Direttiva 2005/94/KE. Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    a)

    “bajd tat-tifqis” tfisser bajd hekk kif definit fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 90/539/KEE;

    b)

    “tjur tal-kaċċa selvaġġ bir-rix” tfisser hekk kif definit fil-punt 1.5, it-tieni inċiż, u l-punt 1.7 ta' l-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

    ċ)

    “għasafar oħra miżmuma mill-bniedem” tfisser għasafar hekk kif definiti fil-punt 6 ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/94/KE, inklużi:

    i)

    annimali tal-gost ta' l-ispeċi ta' l-għasafar imsemmija fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament (KE) Nru 998/2003, kif ukoll

    ii)

    għasafar għaż-zoos, ċirki, parks ta' divertiment u laboratorji sperimentali.

    Artikolu 2

    It-twaqqif ta' żoni ta' protezzjoni u sorveljanza

    1.   Madwar iż-żona fejn il-preżenza ta' l-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja kkawżata mill-virus A ta' l-influwenza tas-sottotip H5 fl-għasafar selvaġġi tkun ikkonfermata, u n-neuraminidase tat-tip N1 hija sospetta jew ikkonfermata, il-Greċja għandha tistabbilixxi:

    a)

    żona ta' protezzjoni b'radjus ta' talanqas tliet kilometri, kif ukoll

    b)

    żona ta' sorveljanza b'radjus ta' talanqas għaxar kilometri, biż-żona ta' protezzjoni inkluża.

    2.   It-twaqqif taż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jqis il-fatturi ġeografiċi, amministrattivi, ekoloġiċi u epiżootjoloġiċi li għandhom x'jaqsmu ma' l-influwenza tat-tjur, kif ukoll ta' faċilitajiet ta' monitoraġġ.

    3.   Jekk iż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza jkopru t-territorji ta' Stati Membri oħrajn, Il-Greċja għandha tikkollabora ma' l-awtoritajiet ta' dawk l-Istati Membri biex jistabblixxu ż-żoni.

    4.   Il-Greċja għandha tinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri oħra bid-dettalji ta' kwalunkwe żona ta' protezzjoni u sorveljanza stabbilita skond dan l-Artikolu.

    Artikolu 3

    Il-miżuri fiż-żona ta' protezzjoni

    1.   Il-Greċja għandha tassigura li talanqas il-miżuri li ġejjin jiġu applikati fiż-żona ta' protezzjoni:

    a)

    l-identifikazzjoni ta' l-istabbilimenti kollha li għandhom it-tjur ġewwa ż-żona;

    b)

    żjarat perjodiċi u dokumentati fl-istabbilimenti kummerċjali kollha li jinkludu spezzjoni klinika tat-tjur inkluż, jekk meħtieġ, il-ġbir ta' kampjuni għall-analiżi f'laboratorji;

    ċ)

    l-implimentazzjoni ta' miżuri xierqa ta' bijosigurtà fuq il-post, inkluża d-diżinfezzjoni mad-dħul u l-ħruġ ta' l-istabbiliment, il-postijiet fejn jinżammu t-tjur jew l-għeluq tat-tjur f'postijiet fejn jista' jiġi evitat kuntatt dirett u indirett ma' tjur jew għasafar oħra miżmuma mill-bniedem;

    d)

    l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' bijosigurtà stabbiliti fid-Deċiżjoni 2005/734/KE;

    e)

    il-kontroll tal-moviment tal-prodotti tat-tjur skond l-Artikolu 9;

    f)

    monitoraġġ attiv tal-mard fil-popolazzjoni ta' l-għasafar selvaġġi, partikolarment fit-tjur ta' l-ilma, jekk meħtieġ bil-kooperazzjoni tal-kaċċaturi u l-osservaturi ta' l-għasafar (bird-watchers), li speċifikament ingħataw struzzjonijiet dwar il-miżuri biex jitħarsu mill-infezzjoni mill-virus u biex jipprevjenu t-tixrid tal-virus fost l-annimali suxxettibbli;

    g)

    kampanji biex titqajjem kuxjenza dwar il-marda fost is-sidien, il-kaċċaturi u l-osservaturi ta' l-għasafar.

    2.   Il-Greċja għandha tassigura li dak li ġej jiġi pprojbit fiż-żona ta' protezzjoni:

    a)

    it-tneħħija tat-tjur u għasafar oħra miżmuma mill-bniedem mill-istabbiliment li fih dawn qegħdin jinżammu;

    b)

    il-ġabra tat-tjur u għasafar oħra miżmuma mill-bniedem f'fieri, swieq, wirjiet u laqgħat oħra;

    ċ)

    it-trasport minn ġoż-żona tat-tjur ta' l-irziezet u għasafar oħra miżmuma mill-bnidem, minbarra l-ġarr fit-toroq ewlenin jew il-ferroviji u t-trasport lejn biċċerija għall-qtil dirett;

    d)

    li miż-żona jintbagħat il-bajd għat-tifqis;

    e)

    li miż-żona jintbagħat il-laħam frisk, laħam ikkapuljat, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam mit-tjur ta' l-irziezet u għasafar u tjur tal-kaċċa selvaġġ bir-rix miżmum mill-bniedem;

    f)

    it-trasport jew it-tixrid barra ż-żona ta' ħmieġ jew demel użat u mhux ipproċessat li ġej mit-tjur ta' l-irziezet, minbarra t-trasport għat-trattament skond ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002,

    g)

    il-kaċċa għall-għasafar selvaġġi.

    Artikolu 4

    Il-miżuri fiż-żona ta' sorveljanza

    1.   Il-Greċja għandha tassigura li talanqas il-miżuri li ġejjin jiġu applikati fiż-żona ta' sorveljanza:

    a)

    l-identifikazzjoni ta' l-istabbilimenti kollha ġewwa ż-żona;

    b)

    l-implimentazzjoni ta' miżuri xierqa ta' bijosigurtà fuq il-post, inkluż l-użu ta' mezzi xierqa ta' diżinfezzjoni mad-dħul u l-ħruġ ta' l-istabbilimenti;

    ċ)

    l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' bijosigurtà stabbiliti fid-Deċiżjoni 2005/734/KE;

    d)

    il-kontroll tal-moviment ta' tjur ta' l-irziezet u għasafar oħra miżmuma mill-bniedem u bajd tat-tifqis fi ħdan iż-żona.

    2.   Il-Greċja għandha tassigura li dak li ġej jiġi pprojbit fiż-żona ta' sorveljanza:

    a)

    il-moviment ta' tjur ta' l-irziezet u għasafar oħra miżmuma mill-bnidem barra miż-żona għal talanqas 15-il ġurnata wara t-twaqqif taż-żona;

    b)

    il-ġabra tat-tjur u għasafar oħra f'fieri, swieq, wirjiet u laqgħat oħra;

    ċ)

    il-kaċċa għall-għasafar selvaġġi.

    Artikolu 5

    It-tul tal-miżuri fiż-żmien

    Jekk jiġi konfermat li t-tip ta' neuroaminidase huwa differenti minn N1, il-miżuri previsti fl-Artikoli 3 u 4 għandhom jiġu revokati.

    Jekk il-preżenza ta' virus ta' l-influwenza A tas-sottotip H5N1 tiġi kkonfermata f'għasafar selvaġġi, il-miżuri previsti fl-Artikoli 3 u 4 għandhom japplikaw għaż-żmien kollu meħtieġ, billi jitqiesu l-fatturi ġeografiċi, amministrattivi, ekoloġiċi u epiżootjoloġiċi li għandhom x'jaqsmu ma' l-influwenza tat-tjur, għal talanqas 21 jum fil-każ taż-żona ta' protezzjoni u ta' 30 jum f'dak taż-żona ta' sorveljanza, li jibdew jgħoddu mid-data li fiha jkun ġie iżolat virus ta' l-influwenza tat-tjur H5 miġbur minn każ kliniku f'għasafar selvaġġi.

    Artikolu 6

    Id-derogi għal għasafar ħajjin u l-flieles ta' ġurnata

    1.   B'deroga mill-Artikolu 3(2)(a), il-Greċja tista' tawtorizza t-trasport ta' għattuq lest biex ibid u dundjan għat-tismin miż-żona għal stabbilimenti taħt kontroll uffiċjali li jinsabu fiż-żona ta' protezzjoni jew f'dik ta' sorveljanza.

    2.   B'deroga mill-Artikolu 3(2)(a) u l-Artikolu 4(2)(a), Il-Greċja tista' tawtorizza t-trasport ta':

    a)

    tjur ta' l-irziezet għall-qtil immedjat, inklużi tiġieġ li m'għadhomx ibidu, lejn biċċerija li tinsab fiż-żona ta' protezzjoni jew f'dik ta' sorveljanza, jew, jekk dan ma jkunx possibbli, lejn biċċerija indikata mill-awtorità kompetenti li tinsab barra miż-żoni;

    b)

    flieles ta' ġurnata miż-żona ta' protezzjoni għal stabbilimenti taħt kontroll uffiċjali fuq it-territorju tal-Greċja fejn mhemmx tjur oħra ta' l-irziezet jew għasafar oħra miżmuma mill-bniedem, minbarra għasafar tal-gost (pets) imsemmija fl-Artikolu 1(2)(c)(i), separati mit-tjur ta' l-irziezet;

    ċ)

    flieles ta' ġurnata miż-żona ta' sorveljanza għal stabbilimenti taħt kontroll uffiċjali fuq it-territorju tal-Greċja;

    d)

    għattuq lest biex ibid u dundjan għat-tismin miż-żona ta' sorveljanza għal stabbilimenti taħt kontroll uffiċjali fuq it-territorju tal-Greċja;

    e)

    għasafar tal-gost imsemmija fl-Artikolu 1(2)(c)(i), għal stabbilimenti fuq it-territorju tal-Greċja li ma jkunux qed iżommu tjur, jekk il-konsenja tikkonsisti minn ħames jew anqas għasafar fil-gaġeġ, indipendentement mir-regoli nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1, it-tielet paragrafu, tad-Direttiva 92/65/KEE;

    f)

    l-għasafar imsemmija fl-Artikolu 1(2)(c)(ii) li ġejjin minn korpi, istituti u ċentri approvati u li jkunu sejrin lejn korpi, istituti u ċentri approvati skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 92/65/KEE.

    Artikolu 7

    Id-derogi għall-bajd għat-tifqis

    1.   B'deroga mill-Artikolu 3(2)(d), il-Greċja tista' tawtorizza:

    a)

    it-trasport tal-bajd għat-tifqis miż-żona ta' protezzjoni sa mafqas indikat fi ħdan it-territorju tal-Greċja;

    b)

    li jintbagħat miż-żona ta' protezzjoni sa maqfas li jinsab fi ħdan it-territorju tal-Greċja il-bajd għat-tifqis, bil-kundizzjoni li;

    i)

    il-bajd għat-tifqis ikun inġabar minn qatgħat li:

    mhumiex sospetti li huma infettati mill-influwenza tat-tjur, u

    ġew ittestjati b'riżultati negattivi għal stħarriġ seroloġiku għall-influwenza tat-tjur li jkun xieraq biex jindividwa 5 % ta' prevalenza tal-marda b'livell ta' kunfidenza ta' 95 %, kif ukoll

    ii)

    jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26(1)(b), (c) u (d) tad-Direttiva 2005/94/KE.

    2.   Iċ-ċertifikati tas-saħħa ta' l-annimali skond il-Mudell 1 ta' l-Anness IV tad-Direttiva tal-Kunsill 90/539/KEE li jakkumpanjaw il-konsenji tal-bajd għat-tifqis imsemmija fil-paragrafu 1(a) lill-Istati Membri l-oħra għandhom jinkludu l-kliem:

    “Il-kundizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali ta' din il-konsenja huma skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/86/KE”

    Artikolu 8

    Id-derogi għal-laħam, laħam ikkapuljat, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam

    1.   B'deroga mill-Artikolu 3(2)(e), il-Greċja tista' tawtorizza li jintbagħat miż-żona ta' protezzjoni:

    a)

    laħam frisk mit-tjur, inkluż laħam minn ratiti, li joriġinaw fi jew barra dik iż-żona u prodott skond l-Anness II u t-Taqsimiet II u III ta' l-Anness III mar-Regolament (KE) Nru 853/2004 u kkontrollat skond it-Taqsimiet I, II, III, u l-Kapitoli V u VII tat-Taqsima IV ta' l-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 854/2004;

    b)

    laħam ikkapuljat, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li fihom laħam imsemmi fil-punt (a) u prodott skond it-Taqsimiet V u VI ta' l-Anness III mar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

    ċ)

    laħam frisk minn tjur tal-kaċċa selvaġġ bir-rix li joriġina minn dik iż-żona, jekk dak il-laħam huwa mmarkat b'marka sanitarja prevista mill-Anness II mad-Direttiva 2002/99/KE u hu maħsub għat-trasport lejn stabbiliment għal trattament kif meħtieġ għall-influwenza tat-tjur skond l-Anness III ma' dik id-Direttiva;

    d)

    prodotti tal-laħam prodotti mil-laħam minn tjur tal-kaċċa selvaġġ bir-rix suġġett għal trattament kif meħtieġ għall-influwenza tat-tjur skond l-Anness III mad-Direttiva 2002/99/KE;

    e)

    laħam frisk mit-tjur tal-kaċċa selvaġġ bir-rix li joriġina minn barra iż-żona ta' protezzjoni u prodott fi stabbilimenti fiż-żona ta' protezzjoni skond t-Taqsima IV ta' l-Anness III mar-Regolament (KE) Nru 853/2004 u kkontrollat skond il-Kapitolu VIII tat-Taqsima IV ta' l-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 854/2004;

    f)

    laħam ikkapuljat, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li fihom laħam imsemmi fil-punt (a) u prodott fi stabbilimenti li jinsabu fiż-żona ta' protezzjoni skond it-Taqsimiet V u VI ta' l-Anness III mar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

    2.   Il-Greċja għandha tiżgura li l-prodotti msemmija fil-paragrafi 1(e) u (f) jiġu akkumpanjati minn dokument kummerċjali li jiddikjara li:

    “Il-kundizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali ta' din il-konsenja huma skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/86/KE”

    Artikolu 9

    Il-kundizzjonijiet għall-prodotti sekondarji ta' l-annimali

    1.   Skond l-Artikolu 3(1)(e), il-Greċja tista' tawtorizza li jintbagħtu:

    a)

    prodotti sekondarji ta' l-annimali konformi mal-kundizzjonijiet stipulati fil-Kapitoli II(A), III(B), IV(A), VI(A u B), VII(A), VIII(A), IX(A) u X(A) ta' l-Anness VII, u l-Kapitolu II(B) u l-Kapitolu III(II)(A) ta' l-Anness VIII mar-Regolament (KE) Nru 1774/2002;

    b)

    rix jew partijiet tar-rix mhux ipproċessat skond il-Kapitolu VIII(A)(1)(a) ta' l-Anness VIII mar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, prodott mit-tjur li ġejjin minn barra ż-żona ta' protezzjoni;

    ċ)

    rix jew partijiet tar-rix tat-tjur ta' l-irziezet ipproċessat li ġie ttrattat b'kurrent ta' fwar jew b'xi metodu ieħor li jiżgura li ma jibqa' l-ebda patoġenu;

    d)

    prodotti derivati minn tjur jew għasafar oħra miżmuma mill-bniedem skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja, mhumiex suġġetti għall-ebda kundizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali jew li mhumiex suġġetti għall-ebda projbizzjoni jew restrizzjoni għal raġunijiet ta' saħħa ta' l-annimali, inkluż il-prodotti msemmija fil-Kapitolu VII(A)(1)(a) ta' l-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002.

    2.   Il-Greċja għandha tiżgura li l-prodotti msemmija fil-paragrafu 1(b) u (c) ikollhom magħhom dokument kummerċjali, skond il-Kapitolu X ta' l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, li fil-punt 6.1 ta' dak id-dokument jistqarr li dawk il-prodotti jkunu ġew trattati iegħu b'kurrent ta' fwar jew b'xi metodu ieħor li jiżgura li ma jibqa' l-ebda patoġenu.

    Madankollu, dak id-dokument kummerċjali ma għandux ikun rekwiżit għar-rix dekorattiv ipproċessat, ir-rix ipproċessat li jġorruh il-vjaġġaturi għall-użu personali tagħhom jew il-konsenji ta' rix ipproċessat mibgħuta lill-individwi privati għal finijiet mhux industrijali.

    Artikolu 10

    Il-kundizzjonijiet għall-movimenti

    1.   Fejn il-movimenti ta' l-annimali jew prodotti tagħhom kopert minn din id-Deċiżjoni huwa awtorizzat skond l-Artikoli 6 sa 9, għandhom jittieħdu l-miżuri kollha xierqa ta' bijosigurtà sabiex jiġi evitat it-tixrid ta' l-influwenza tat-tjur.

    2.   Fejn il-bgħit, iċ-ċaqliq jew it-trasport tal-prodotti, li jirreferi għalihom il-paragrafu 1 huma awtorizzati skond l-Artikoli 7, 8 u 9, dawn għandhom jinkisbu, jiġu mmaniġġjati, jinħażnu u jiġu ttrasportati separatament minn prodotti oħra li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tas-saħħa ta' l-annimali għall-kummerċ, it-tqegħid fis-suq jew l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

    Artikolu 11

    Il-konformità

    Il-Greċja għandha minnufih tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ma' din id-Deċiżjoni, u tippubblika dawk il-miżuri. Għandha tgħarraf lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

    Artikolu 12

    Id-destinatarju

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

    Magħmula fi Brussell, l-10 Frar 2006.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/41/KE (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 33).

    (2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/33/KE (ĠU L 315, 19.11.2002, p. 14).

    (3)  ĠU L 146, 13.6.2003, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 18/2006 (ĠU L 4, 7.1.2006, p. 3).

    (4)  ĠU L 167, 22.6.1992, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 806/2003.

    (5)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

    (6)  ĠU L 303, 31.10.1990, p. 6. Direttiva kif emendata l-aħħar mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

    (7)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206; il-verżjoni kkoreġuta fil-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 83. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2076/2005 (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 83).

    (8)  ĠU L 146, 13.6.2003, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 18/2006 (ĠU L 4, 7.1.2006, p. 3).

    (9)  ĠU L 274, 20.10.2005, p. 105. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2005/855/KE (ĠU L 316, 2.12.2005, p. 21).

    (10)  ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 416/2005 (ĠU L 66, 12.3.2005, p. 10).

    (11)  ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/68/KE (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 321).

    (12)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55; il-verżjoni kkoreġuta fil-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 22). Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2076/2005 (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 83).

    (13)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.


    Top