EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R2115

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2115/2005 ta' l- 20 ta' Diċembru 2005 li jistabilixxi pjan ta’ rkupru tal-provvista tal-ħalibatt tal-Groenlandja fil-qafas ta’ l-Organizzazzjoni tas-Sajd ta' l-Atlantiku tal-Majjistral

ĠU L 340, 23.12.2005, p. 3–6 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 175M, 29.6.2006, p. 283–286 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 16/06/2019; Imħassar b' 32019R0833

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/2115/oj

29.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

283


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2115/2005

ta' l-20 ta' Diċembru 2005

li jistabilixxi pjan ta’ rkupru tal-provvista tal-ħalibatt tal-Groenlandja fil-qafas ta’ l-Organizzazzjoni tas-Sajd ta' l-Atlantiku tal-Majjistral

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3179/78 tat-28 ta’ Diċembru 1978 dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ekonomika Ewropea tal-Konvenzjoni dwar Kooperazzjoni Multilaterali Ġejjiena fil-Qasam tas-Sajd tal-Majjistral ta’ l-Atlantiku (2), dik il-Konvenzjoni (“il-Konvenzjoni NAFO”), kienet approvata mill-Komunità.

(2)

Il-Konvenzjoni NAFO tipprovdi qafas ta’ ħidma xieraq għall-kooperazzjoni multilaterali dwar il-konservazzjoni razzjonali u l-immaniġġjar tar-riżorsi tas-sajd fl-oqsma definiti minnha.

(3)

Fil-laqgħa tiegħu ta’ Ġunju 2003, il-Kunsill Xjentifiku tan-NAFO avża li l-provvista tal-ħalibatt tal-Groenlandja kienet qiegħda tonqos malajr ferm u rrakkomandat tnaqqis drastiku tal-livell tal-Qabda Totali Permessa (TAC).

(4)

Fil-25 Laqgħa Annwali tagħha mill-15 sad-19 ta’ Settembru 2003, l-Organizzazzjoni tas-Sajd ta' l-Atlantiku tal-Majjistral (“in-NAFO”) adottat pjan ta’ 15-il sena għall-bini mill-ġdid tal-provvista tal-ħalibatt tal-Groenalndja fis-Sub-żona 2 tan-NAFO u Diviżjonijiet 3KLMNO (“il-pjan ta’ bini mill-ġdid tan-NAFO”). Il-pjan ta’ bini mill-ġdid isegwi l-istess għanjiet bħall-pjanijiet ta’ rkupru previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd taħt il-Politika Komuni tas-Sajd (3).

(5)

Sabiex jibni mill-ġdid il-provvista, il-pjan ta’ bini mill-ġdid tan-NAFO jipprovdi għat-tnaqqis tal-livell tat-TAC sa l-2007 kif ukoll miżuri ta’ kontroll biex jiżguraw l-effettività ta' dak il-pjan.

(6)

Il-pjan ta’ bini mill-ġdid tan-NAFO kien implimentat fuq bażi proviżorja fir-Regolamenti 2287/2003 (4) u (KE) Nru 27/2005 (5) li jiffissaw rispettivament għall-2004 u għall-2005 l-opportunitajiet ta’ sajd u kundizzjonijiet assoċjati għal ċerti ħażniet ta’ ħut u gruppi ta’ ħażniet ta’ ħut, applikabbli fl-ibħra tal-Komunità u, għal bastimenti tal-Komunità, f’ibħra fejn il- limitazzjonijiet fuq il-qbid huma rikjesti, waqt li l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill għall-implimentazzjoni ta’ miżuri multiannwali għall-bini mill-ġdid tal-provvista tal-ħalibatt tal-Groenlandja hija pendenti.

(7)

Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi implimentat il-pjan ta’ bini mill-ġdid tan-NAFO fuq bażi permanenti permezz ta' pjan ta' rkupru kif previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002. Għal dan il-għan proċedura għandha tkun determinata għat-trasmissjoni tal-lista ta’ bastimenti li għalihom inħareġ permess speċjali ta’ sajd skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1627/94 tas-27 ta’ Ġunju 1994 li jistipola dispożizzjonijiet ġenerali dwar permessi għas-sajd speċjali (6).

(8)

Biex jiġu rispettati l-miżuri ta’ kontroll tal-pjan ta’ bini mill-ġdid tan-NAFO, l-obbligi għar-rappurtar għandhom ikunu imposti fuq il-kaptani tal-bastimenti Komunitarji, kif ukoll obbligu fuq l-Istati Membri sabiex jallokaw il-kwota tagħhom fost il-bastimenti awtorizzati minnha.

(9)

Miżuri addizzjonali ta’ kontroll huma meħtieġa sabiex jiżguraw implimentazzjoni effettiva fuq livell Komunitarju u sabiex jiżguraw koerenza ma’ pjanijiet ta’ rkupru adottati mill-Kunsill f’oqsma oħra. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu l-obbligu ta’ notifika minn qabel tad-dħul f’port stabbilit mill-Istati Membri u sabiex jiġu limitati marġini ta’ tolleranza.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni mill-Komunità ta’ pjan ta’ rkupru tal-provvista tal-ħalibatt tal-Groenlandja fis-Sub-żona 2 tan-NAFO u d-Diviżjonijiet 3KLMNO.

L-għan ta’ dan il-pjan ta’ rkupru huwa li jinkiseb livell ta’ biomassa utilizzabbli ta’ ħames snin u aktar ta’ medja ta’ 140 000 tunnellata li jħalli produzzjoni stabbli mal-medda taż-żmien fis-sajd tal-ħalibatt tal-Groenlandja.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanjiet ta’ din id-Direttiva, id-definizjonijiet li ġejjin ser japplikaw:

(1)

“Is-sub-żona 2 tan-NAFO” tfisser iż-żona ġeografika definita mill-Anness III 3a) tal-Konvenzjoni NAFO;

(2)

“Id-Diviżjonijiet 3KLMNO” tfisser iż-żona ġeografika definita mill-Anness III 4b) tal-Konvenzjoni NAFO;

Artikolu 3

Qbid Totali Permess (TACs)

It-TACs għall-provvista tal-ħalibatt tal-Groenlandja fis-Sub-żona tan-NAFO u d-Diviżjonijiet 3KLMNO ser ikunu li ġejjin:

18 500 tunnellata fl-2006; u

16 000 tunnellata fl-2007;

Madankollu, meta fil-qafas tan-NAFO il-livelli l-ġodda tat-TAC ikunu miftiehma, il-Kunsill, b’ maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jaġġusta it-TACs previsti fl-ewwel subparagrafu għaldaqstant.

Artikolu 4

Projbizzjoni dwar il-ħalibatt tal-Groenlandja

Ser ikun projbit għal bastimenti tas-sajd tal-Komunità li jistadu għall-ħalibut tal-Groenlandja fis-Sub-żona 2 tan-NAFO u Diviżjonijiet 3KLMNNO u li jżommu abbord, li jittrasbordaw jew iħottu ħalibatt tal-Groenlandja maqbud f’dik iż-żona jekk dawn ma jġorrux permess speċjali tas-sajd maħruġ mill-Istat Membru tal-bandiera.

Artikolu 5

Permessi speċjali għas-sajd tal-provvista tal-ħalibatt tal-Groenlandja

1.   Stat Membru jrid jiżgura li bastimenti li għalihom inħareġ il-permess speċjali għas-sajd kif imsemmi fl-Artikolu 4 huma inklużi f’lista li fiha isimhom u n-numru tar-Reġistru tal-Flotta tal-Komunita' (CFR) kif definit fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 26/2004 tat-30 ta' Diċembru 2003 dwar ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Komunita' (7). L-Istati Membri għandhom joħorġu il-permess speċjali biss meta il-bastiment ikun daħal fir-reġistru tal-bastimenti tan-NAFO.

2.   Kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni l-lista msemmija f’paragrafu 1 u l-emendi sussegwenti kollha f’ forma li tinqara’ mill-kompjuter.

3.   Emendi għal-lista msemmija f’paragrafu 1 għandhom jiġu trasmessi lill-Kummissjoni għall-inqas ħamest ijiem qabel id-data li fiha l-bastiment li għadu kemm ġie inkluż fil-lista jidħol fis-Sub-żoni 2 u d-Diviżjonijiet 3KLMNO. Il-Kummissjoni għandha tibgħat mill-ewwel l-emendi lis-Segretarjat tan-NAFO.

4.   Kull Stat Membru għandu jalloka l-kwota għal ħalibatt tal-Groenlandja fost il-bastimenti nklużi fil-lista msemmija f’paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-allokazzjoni tal-kwoti mhux aktar tard mill-15 ta’ Jannar ta’ kull sena.

Artikolu 6

Rapporti

1.   Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 5(1) għandhom jittrasmettu lill-Istat Membru tal-bandiera r-rapporti li ġejjin dwar:

(a)

il-kwantità tal-ħalibatt tal-Groenlandja miżmuma abbord meta l-bastiment tal-Komunità jidħol fis-Sub-żona 2 u Diviżjonijiet 3KLMNO. Dan ir-rapport għandu jiġi trasmess mhux qabel 12-il siegħa u mhux aktar tard minn 6 sigħat minn qabel kull dħul tal-bastiment f’dik iż-żona;

(b)

il-kwantitajiet ta’ ħalibatt tal-Groenlandja kull ġimgħa. Dan ir-rapport għandu jiġi trasmess għall-ewwel darba mhux aktar tard mill-aħħar tas-seba’ ġurnata wara d-data tad-dħul tal-bastiment fis-Sub-żona 2 u d-Diviżjonijiet 3KLMNO, jew, meta s-sajd jieħu aktar minn sebat ijiem, l-aktar tard nhar ta’ Tnejn għal qabdiet li ttieħdu fis-Sub-żona 2 u d-Diviżjonijiet 3KLMNO matul il-ġimgħa ta’ qabel li ntemmet f’nofs il-lejl il-Ħadd;

(ċ)

il-kwantitajiet ta’ ħalibatt tal-Groenlandja miżmuma abbord meta l-bastiment tal-Komunità jitlaq mis-Sub-żona 2 u d-Diviżjonijiet 3KLMNO dan ir-rapport ser jiġi trasmess mhux qabel 12-il siegħa u mhux aktar tard minn 6 siegħat minn qabel kull tluq tal-bastiment minn dik iż-żona u ser jinkludi n-numru ta’ ġranet ta’ sajd u t-total tal-qabdiet f’dik iż-żona;

(d)

il-kwantitajiet mgħobbija u mħotta għal kull trasbord ta’ ħalibatt tal-Groenlandja matul il-perjodu li fih il-bastiment joqgħod fis-Sub-żona 2 u d-Diviżjonijiet 3KLMNO. Dawk ir-rapporti għandhom jiġu trasmessi mhux aktar tard minn 24 siegħa wara t-tlestija tat-trasbord.

2.   Stati Membri ser, malli jirċevuhom, jittrasmettu r-rapporti provduti għal punt (a), (c) u (d) ta’ paragrafu 1 lill-Kummissjoni.

3.   Meta l-qabdiet ta’ ħalibatt tal-Groenlandja notifikati fi qbil mal-paragrafu 2 huma meqjusa li spiċċaw 70 % ta' l-allokazzjoni tal-kwota ta’ l-Istati Membri, il-kaptani ser jittrasmettu ir-rapporti msemmija fil-punt (b) ta' paragrafu 1 fuq bażi ta' tlett' ijiem.

Artikolu 7

Marġni ta’ tolleranza fl-estimi ta’ kwantitajiet irrappurtati fil-ġurnal tal-bastiment

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2807/83 (8) tat-22 ta' Settembru 1983 li jistabbilixxi regoli dettaljati għar-reġistrar ta' informazzjoni dwar il-qbid tal-ħut fl-Istati Membri u Artikolu 9(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2868/88 (9) tas-16 ta' Settembru 1988 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Iskema ta' l-Ispezzjoni Organizzattiva Konġunta adottata mill-Organizzazzjoni tas-sajd ta' l-Atlantiku tal-Majjistral, il-marġni ta’ tolleranza permess, fl-estimi tal-kwantitajiet ta' ħalibatt tal-Groenlandja maqbud fis-sub-żona NAFO 2 u Diviżjonijiet 3KLMNO f' Kilogrammi għandu jkun ta’ 8 %.

Artikolu 8

Portijiet magħżula

1.   Ikun projbit li jinħatt minn bastimenti msemmija fl-Artikolu 5(1) kull kwantità ta’ ħalibatt tal-Groenlandja maqbud fis-sub-żona NAFO 2 u Diviżjonijiet 3KLMNO fi kwalunkwe post barra portijiet magħżula mill-partijiet kontraenti NAFO. Il-ħatt ta' ħalibatt tal-Groenlandja f' portijiet ta' partijiet mhux kontraenti jkun projbit.

2.   Stati Membri ser jiddeżinjaw portijiet f’liema ħatt ta’ ħalibatt tal-Groenlandja jista’ jseħħ u ser jiddeterminaw l-ispezzjonijiet assoċjati u l-proċeduri ta’ sorveljanza, inkluż t-termini u l-kundizzjonijiet għall-irrekordjar u rappurtar tal-kwantitajiet ta’ ħalibatt tal-Groenlandja ma’ kull żbark.

3.   Stati Membri ser jittrasmettu lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-15 ta’ Jannar ta’ kull sena lista ta’ portijiet magħżuli u, sal-31 ta' Jannar l-ispezzjoni assoċjata u l-proċeduri ta’ sorveljanza msemmija f' paragrafu 2. Il-Kummissjoni ser tibgħat mill-ewwel l-informazzjoni lis-Segretarjat tan-NAFO.

4.   Il-Kummissjoni ser tittrasmetti lista ta’ portijiet magħżuli kif previst f’paragrafu 2 u l-portijiet magħżuli minn Partijiet Kontrajenti tan-NAFO lill-Istati Membri kollha.

Artikolu 9

Notifikazzjoni minn qabel

Il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 5(1) jew ir-rappreżentanti tagħhom, qabel kull daħla f’port magħżul għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati membri li l-portijiet tagħhom ikunu jixtiequ jużaw, għall- inqas 72 siegħa qabel il-ħin stmat li fih għandhomjaslu fil-port, bl-informazzjoni li ġejja:

1)

il-ħin tal-wasla fil-port magħżul;

2)

kopja tal-permess speċjali ta’ sajd imsemmi fl-Artikolu 4;

3)

kwantitajiet f’kilogrammi tal-piż ta’ ħalibatt tal-Groenlandja ħaj miżmum abbord,

4)

iż-żona jew żoni fiż-żona tan-NAFO fejn seħħet il-qabda.

Artikolu 10

Spezzjoni fil-port

1.   Stati Membri ser jiżguraw li l-bastimenti kollha msemmija fl-Artikolu 5(1) li jidħlu fi port magħżul biex jiżbarkaw u/jew għat-trasbord ta’ ħalibatt tal-Groenlandja maqbud fis-Sub-żona 2 u d-Diviżjonijiet 3KLMNO huma ppreżentanti għal spezzjoni fil-port fi qbil ma’ l-iskema ta’ spezzjoni fil-port tan-NAFO.

2.   Il-ħatt u/jew it-trasbord tal-qabdiet mill-bastimenti msemmija f’paragrafu 1 huwa projbit sakemm l-ispetturi ma’ jkunux preżenti.

3.   Kull kwantità mħotta għandha tintiżen skond l-ispeċi qabel ma’ tiġi trasportata fi friża għall-ħażna jew destinazzjoni oħra.

4.   L-Istati Membri għandhom jittrasmettu fil-pront ir-rapport tal-port ta’ spezzjoni korrispondenti lis-Segretarjat tan-NAFO, b’ kopja għall-Kummissjoni, fi żmien erbatax il-jum ta’ xogħol mid-data li fiha ntemmet l-ispezzjoni.

Artikolu 11

Projbizzjoni ta’ żbark u trasbord għal bastimenti ta’ Partijiet mhux-Kontraenti

L-iżbarki u t-trasbordi ta’ ħalibatt tal-Groenlandja minn jew lejn bastimenti ta’ Partijiet mhux Kontraenti li ħadu sehem f’attivitajiet ta’ sajd fiż-Żona ta’ Regolamentazzjoni tan-NAFO għandhom ikunu projbiti.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Ser japplika mill-1 ta’ Jannar 2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, nhar il-20 ta' Diċembru 2005.

Ghall-Kunsill

Il-President

M. BECKETT


(1)  Opinjoni mogħtija fit-23 ta' Ġunju 2005 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 378, 30.12.1978, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 653/80 (ĠU L 74, 20.3.1980, p. 1).

(3)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

(4)  ĠU L 344, 31.12.2003, p. 1.

(5)  ĠU L 12, 14.1.2005, p. 1.

(6)  ĠU L 171, 6.7.1994, p. 7.

(7)  ĠU L 5, 9.1.2004, p. 25.

(8)  ĠU L 276, ta’ l-10.10.1983, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1804/2005 (ĠU L 290, 4.11.2005, p. 10).

(9)  ĠU L 257, 17.9.1988, p. 20. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 494/1997 (ĠU L 77, 19.3.1997, p. 5).


Top