Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R2109

    2109/2005/KE: Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2109/2005 tal- 21 ta' Diċembru 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 716/96 li jadotta miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq tal-laħam taċ-ċanga fir-Renju Unit

    ĠU L 337, 22.12.2005, p. 25–26 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 306M, 15.11.2008, p. 416–417 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/03/2014

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/2109/oj

    15.11.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    416


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 2109/2005

    tal-21 ta' Diċembru 2005

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 716/96 li jadotta miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq tal-laħam taċ-ċanga fir-Renju Unit

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-laħam taċ-ċanga u l-laħam tal-vitella (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 39 tiegħu,

    Billi,

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 716/96 (2) ipprovda għal skema Komunitarja kofinanzjata li tawtorizza lir-Renju Unit jixtri annimali tal-ifrat ta’ aktar minn 30 xahar u joqtolhom f’biċċeriji speċifikament magħżula.

    (2)

    Fl-opinjoni tiegħu tal-21 ta’ April 2004, il-Grupp ta’ Esperti Xjentifiku għar-riskji bijoloġiċi tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel, dwar ir-raġunijiet xjentifiċi li jiġġustifikaw l-emendi proposti fl-iskema tar-Renju Unit għall-Esportazzjoni fuq Bażi Kronoloġika (Date Based Export Scheme — DBES) u r-regola li tipprojbixxi d-dħul fil-katina tal-ikel ta’ annimali li l-età tagħhom hija ‘l fuq minn 30 xahar (Over Thirty Months rule — OTM) jikkonkludi li l-ifrat imwielda jew imrobbija fir-Renju Unit qabel l-1 ta’ Awwissu 1996 għandhom jitħallew barra mill-katina tal-ikel umana u minn dik tal-annimali, minħabba l-inċidenza akbar tal-enċefalopatija sponġiformi tal-ifrat (BSE) li ġiet irreġistrata f’dan il-grupp. Għall-ifrat li twieldu wara din id-data, l-opinjoni tikkonkludi li r-riskju tal-BSE għall-konsumaturi jinsab f’firxa komparabbli ma’ dik fi Stati Membri oħra.

    (3)

    Fil-kuntest ta’ din l-opinjoni, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/598/KE tat-2 ta’ Awwissu 2005 li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti dderivati minn annimali tal-ifrat imwielda jew imrobbija fir-Renju Unit qabel l-1 ta’ Awwissu 1996 għal kwalunkwe skop, u li teżenta dawn l-annimali minn ċerti miżuri ta’ kontrolli u qerda stipulati fir-Regolament (KE) Nru 999/2001 (3) tpoġġi projbizzjoni tas-suq fuq il-prodotti kollha magħmula minn jew li jinkorporaw materjali ġejjin minn annimali tal-ifrat imwielda jew imrobbija fir-Renju Unit qabel l-1 ta’ Awwissu 1996.

    (4)

    L-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 716/96 jistabbilixxu, rispettivament, il-prezz li għandu jitħallas għal kull kilogramm tal-annimali li jiddaħħlu fl-iskema prevista f’dan ir-Regolament, u r-rata għal kull annimal li biha l-Komunità għandha tikkofinanzja x-xiri tal-annimali. Fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2005/598/KE, jeħtieġ li jitrażżnu x-xiri u l-kofinanzjament Komunitarju previsti fir-Regolament (KE) Nru 716/96 fir-rigward tal-annimali mwielda jew imrobbija fir-Renju Unit qabel l-1 ta’ Awwissu 1996.

    (5)

    Bil-għan li tinkiseb simplifikazzjoni, għandha tiġi stabbilita rata fissa għall-prezz tax-xiri kull ras għal kwalunkwe annimal mixtri taħt din l-iskema. Sabiex tingħata inċentiva lill-produtturi biex ma jtawlux iż-żmien tal-qatla ta’ dawn l-annimali, il-prezz tax-xiri għandu jitnaqqas gradwalment matul is-snin sussegwenti.

    (6)

    Taħt l-iskema, il-Komunità għandha tikkofinanzja 50 % tax-xiri.

    (7)

    Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla problemi bejn l-iskema kurrenti ta’ aktar minn tletin xahar u l-iskema limitata għal annimali mwielda jew imrobbija fir-Renju Unit qabel l-1 ta’ Awwissu 1996, huwa meħtieġ li tiġi speċifikata d-data minn meta ser tibda tapplika din tal-aħħar.

    (8)

    Fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet tar-Renju Unit biex mill-1 ta’ Jannar 2005 japplikaw l-iskema tal-pagament uniku previst fit-Titolu III tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ għajnuna diretta taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (4), id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 716/96 issa huma skaduti u għaldaqstant għandhom jitħassru.

    (9)

    Ir-Regolament (KE) Nru 716/96 għandu jiġi emendat f’dan is-sens.

    (10)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għal-laħam taċ-Ċanga u l-Vitella,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 716/96 hu emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’li ġej:

    “1.   L-awtorità kompetenti tar-Renju Unit għandha tiġi awtorizzata tixtri kwalunkwe annimal tal-ifrat imwieled jew imrobbi fir-Renju Unit qabel l-1 ta’ Awwissu 1996, li ma juri l-ebda sintomu kliniku tal-BSE, ippreżentat lilha minn kwalunkwe produttur jew aġent tiegħu, li matul perjodu ta’ mill-inqas sitt xhur qabel ma nbiegħ kien f’azjenda li tinsab fit-territorju tar-Renju Unit.”

    (2)

    L-Artikolu 2 hu emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafu 1 hu ssostitwit b’li ġej:

    “1.   Il-prezz li jrid jitħallas lill-produtturi jew lill-aġenti tagħhom mill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit skont l-Artikolu 1(1) għandu jkun:

    360 EUR kull annimal għal xiri li jsir sal-31 ta’ Diċembru 2006;

    324 EUR kull annimal għal xiri li jsir matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2007;

    292 EUR kull annimal għal xiri li jsir matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2008.”

    (b)

    Il-paragrafu 2 għandu jitħassar.

    (c)

    L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 hu ssostitwit b’li ġej:

    “Għal kull annimal mixtri li jkun inqatel skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1, il-Komunità għandha tikkofinanzja l-ispejjeż imħallsa mir-Renju Unit għax-xiri msemmi taħt l-Artikolu 1(1) bir-rata ta’:

    180 EUR kull annimal għal xiri li jsir sal-31 ta’ Diċembru 2006,

    162 EUR kull annimal għal xiri li jsir matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2007,

    146 EUR kull annimal għal xiri li jsir matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2008.”

    (d)

    Il-paragrafu 4 għandu jiġi mħassar.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak li fih tidher il-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Ir-Regolament għandu japplika mit-23 ta’ Jannar 2006.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 21 ta' Diċembru 2005.

    Għall-Kummissjoni

    Mariann FISCHER BOEL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 160, 26.6.1999, p. 21. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1913/2005 (ĠU L 307, 25.11.2005, p. 2).

    (2)  ĠU L 99, 20.4.1996, p. 14. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 667/2003 (ĠU L 96, 12.4.2003, p. 13).

    (3)  ĠU L 204, 5.8.2005, p. 22.

    (4)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 118/2005 (ĠU L 24, 27.1.2005, p. 15).


    Top