Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R2035

    2035/2005/KE: Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2035/2005 tat- 12 ta’ Diċembru 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1681/94 dwar irregolaritajiet u l-ħlas lura ta’ ammonti mħallsa ħażin in konnessjoni mal-finanzjament tal-politika strutturali u l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ informazzjoni f’dan il-qasam

    ĠU L 328, 15.12.2005, p. 8–12 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 321M, 21.11.2006, p. 345–349 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/01/2007; Impliċitament imħassar minn 32006R1828

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/2035/oj

    21.11.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    345


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 2035/2005

    tat-12 ta’ Diċembru 2005

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1681/94 dwar irregolaritajiet u l-ħlas lura ta’ ammonti mħallsa ħażin in konnessjoni mal-finanzjament tal-politika strutturali u l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ informazzjoni f’dan il-qasam

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistipula dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (1) u partikolarment l-Artikolu 53 paragrafu 2 tiegħu,

    Wara konsultazzjoni mal-kumitat stabbilit skond l-Artikolu 147 tat-Trattat, mal-Kumitat ta’ Tmexxija ta’ l-Istrutturi Agrikoli u ta’ l-Iżvilupp Rurali u mal-Kumitat ta’ Tmexxija Permanenti ta’ l-Istrutturi tas-Sajd,

    Billi:

    (1)

    Skond l-Artikolu 54 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88 tad-19 ta’ Diċembru 1988 li jistipula dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2052/88 f’dak li jirrigwarda l-koordinazzjoni bejn l-attivitajiet tal-Fondi Strutturali varji minn naħa, u bejn dawn l-attivitajiet u l-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-istrumenti finanzjarji l-oħra eżistenti (2) minn naħa oħra, għandu jiġi mħassar.

    (2)

    L-Artikolu 54 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 jistipula li r-referenzi għar-Regolament (KEE) Nru 4253/88 irrevokat għandhom jitqiesu bħala referenzi għar-Regolament (KE) Nru 1260/1999; għalhekk, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1681/94 (3) japplika għall-miżuri adottati taħt ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999.

    (3)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1681/94 jeħtieġ li jiġi aġġornat sabiex titjieb l-effikaċja tas-sistema ta’ rappurtar ta’ l-irregolaritajiet.

    (4)

    Għal raġunijiet ta’ sigurtà ġuridika, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat b’mod espliċitu li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1681/94 huma applikabbli wkoll għall-forom kollha ta’ għajnuna finanzjarja stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 kif deskritt fir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1783/1999 tat-12 ta’ Lulju 1999 dwar il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali (4), fir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1784/1999 tat-12 ta’ Lulju 1999, dwar il-Fond Soċjali Ewropew (5), fir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1263/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999 dwar l-istrument finanzjarju għall-Gwida tas-Sajd (6), u fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u l-Garanzija (FAEGG) li jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (7).

    (5)

    Huwa meħtieġ li jiġi ċċarat sa fejn Stat Membru li jipparteċipa fil-kooperazzjoni bejn il-fruntieri transnazzjonali u inter-reġjonali, kif stipulata fl-Artikolu 20 paragrafu 1 punt a tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 u magħrufa bħala l-Programmi Interreġ kif ukoll għal kull programm transnazzjonali ieħor, irid jinnotifika l-irregolaritajiet;.

    (6)

    Hija meħtieġa definizzjoni tal-kunċett ta' “irregolarità” għall-fini tar-Regolament (KE) Nru 1681/94 imsejsa fuq l-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (8).

    (7)

    Huwa meħtieġ li jiġi definit it-terminu “suspett ta’ frodi” fl-isfond tad-definizzjoni ta’ frodi fil-Konvenzjoni tas-26 ta’ Lulju 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (9).

    (8)

    Huwa meħtieġ li jiġi speċifikat li d-definizzjoni ta’ “Sejba primarja amministrattiva jew ġudizzjarja” hija dik stipulata fl-Artikolu 35 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (10).

    (9)

    Huwa meħtieġ ukoll li jiġi definit il-kunċett ta’ “falliment” u dak ta’ “operatur ekonomiku”.

    (10)

    Sabiex jissaħħaħ il-valur miżjud tas-sistema ta’ komunikazzjoni, l-informazzjoni obbligatorja u l-obbligu li jiġu rrappurtati każijiet ta’ suspett ta’ frodi għandhom jiġu speċifikati sabiex ir-riskju jkun jista’ jiġi analizzat. Għal dan il-għan, il-kwalità ta’ l-informazzjoni mibgħuta għandha tkun garantita.

    (11)

    Għandu jiġi speċifikat li r-Regolament (KE) Nru 1681/94 għandu jibqa’ applikabbli għall-każijiet ta’ irregolaritajiet ta’ inqas minn €10 000 diġà rrappurtati.

    (12)

    Huwa meħtieġ li tiġi ċċarata l-kwistjoni ta’ kif jiġu trattati l-ammonti mhux imħallsa lura fir-rigward tal-forom ta’ intervent irregolat mir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 u li tkun speċifikata l-informazzjoni meħtieġa biex każijiet bħal dawn jiġu proċessati.

    (13)

    Sabiex jitnaqqas il-piż li jġorru l-Istati Membri li jirriżulta mill-komunikazzjoni u t-titjieb fl-effiċjenza, huwa meħtieġ li jiżdied il-livell minimu li minnu għandhom jiġu rrappurtati l-każijiet ta’ irregolarità mill-Istati Membri u li jkunu speċifikati l-każijiet fejn l-obbligu tar-rappurtar mhux applikabbli.

    (14)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1681/94 għandu japplika mingħajr preġudizzju lejn l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 438/2001 tat-2 ta’ Marzu 2001 li jistabbilixxi l-metodi ta’ implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 fir-rigward ta’ sistemi ta’ ġestjoni u kontroll ta’ l-assistenza mogħtija bil-Fondi Strutturali (11).

    (15)

    Għandhom jiġu kkunsidrati l-obbligi li ġejjin mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 45/2001 tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data  (12) u mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 95/45/KE ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dan id-data  (13).

    (16)

    Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti r-rati ta’ kambju għall-Istati Membri li ma jipparteċipawx fiż-żona ta’ l-euro.

    (17)

    Għaldaqstant għandu jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 1681/94.

    (18)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv għall-Iżvilupp u l-Konverżjoni tar-Reġjuni,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1681/94 huwa emendat kif ġej:

    1)

    L-Artikolu 1 huwa emendat bit-test li ġej:

    “Artikolu 1

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi li ġejjin direttament mill-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 23 tar-Regolament (KEE) Nru 4253/88 u ta’ l-Artikolu 38 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999, dan ir-Regolament għandu jikkonċerna l-forom kollha ta’ intervenzjoni finanzjarja stipulati fir-Regolamenti (KEE) Nru 4254/88, (KEE) Nru 4255/88, (KEE) Nru 4256/88, (KE) Nru 2080/93 u fir-Regolamenti (KE) Nru 1783/1999, (KE) Nru 1784/1999 u (KE) Nru 1263/1999. Dan ir-Regolament għandu jkun applikabbli wkoll għall-miżuri ffinanzjati skond il-paragrafu 2 tal-Artikolu 35, tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999 (Taqsima Gwida).

    2.   L-irregolaritajiet li għandhom x’jaqsmu mal-Programmi Interreġ stipulati fl-Artikolu 20 paragrafu 1 punt a tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 kif ukoll ma’ kull programm ieħor ta’ natura transnazzjonali, għandhom jiġu kkomunikati mill-Istat Membru li fih tkun saret in-nefqa. L-Istat Membru fl-istess ħin għandu jinforma bil-programm lill-awtorità ta’ tmexxija u l-awtorità inkarigata mill-ħlas għal dak il-programm kif ukoll lill-persuna jew l-uffiċċju inkarigati mill-ħruġ tad-dikjarazzjonijiet fl-għeluq ta’ l-intervent, fl-ambitu tat-tifsira ta’ l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 438/2001”

    2)

    L-Artikolu 1a li ġej huwa miżjud:

    “Artikolu 1a

    Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, dawn id-definizzjonijiet għandhom japplikaw:

    1.

    ‘irregolarità’: kull ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn għemil jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku li għandu, jew jista' jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Komunitajiet bl-impożizzjoni ta’ xi nfiq mhux iġġustifikat fuq il-baġit tal-Komunità;

    2.

    ‘operatur ekonomiku’: kull persuna fiżika jew legali, kif ukoll kull entità oħra li jieħdu sehem fl-implimentazzjoni ta’ assistenza mill-Fondi, bl-eċċezzjoni ta’ l-Istati Membri, li jaġixxu fl-ambitu tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika;

    3.

    ‘sejba primarja amministrattiva jew ġudizzjarja’: l-ewwel valutazzjoni bil-miktub minn awtorità kompetenti, amministrattiva jew ġudizzjarja, li tikkonkludi, fuq il-bażi ta’ fatti konkreti, dwar l-eżistenza ta’ irregolarità mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li din il-konklużjoni tista’ tiġi sussegwentement riveduta jew irtirata wara żviluppi li jinqalgħu matul il-proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja;

    4.

    ‘suspett ta’ frodi’: irregolarità li twassal għall-bidu ta’ proċeduri amministrattivi u/jew ġudizzjarji fuq livell nazzjonali sabiex ikun determinat jekk l-irregolarità kinitx intenzjonata, u partikolarment kinitx frodi kif imsemmi fl-Artikolu 1(1)(a) tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej;

    5.

    ‘falliment’: proċeduri ta’ insolvenza fl-ambitu tat-tifsira ta’ l-Artikolu 2(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 (*);

    (*)  ĠU L 160, 30.6.2000, p. 1.”"

    3)

    L-Artikolu 2 ġie mħassar.

    4)

    Fl-Artikolu 3, paragrafu 1 ġie mibdul bit-test li ġej:

    “1.   Matul ix-xahrejn ta’ wara t-tmiem ta’ kull kwart tas-sena, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni kull irregolarità li wasslet għal sejba primarja amministrattiva u/jew ġudizzjarja. Għal dan il-għan, ikun xi jkun il-każ, l-Istati Membri għandhom jissottomettu dettalji li jikkonċernaw:

    a)

    il-Fond(i) Strutturali jew l-istrument finanzjarju kkonċernati, l-għan, l-identifikazzjoni tal-forma ta’ għajnuna u l-operazzjoni kkonċernata u n-numri ARINCO jew CCI (kodiċi komuni ta’ identifikazzjoni);

    b)

    id-dispożizzjoni li nkisret;

    c)

    id-data u s-sors ta’ l-ewwel informazzjoni li twassal għal suspett ta' l-eżistenza ta' irregolarità;

    d)

    il-prattiċi użati fit-twettiq ta’ l-irregolarità;

    e)

    fejn xieraq, jekk il-prattika twassalx għal suspett ta' frodi;

    f)

    il-mod kif l-irregolarità ġiet skoperta;

    g)

    fejn xieraq, l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi kkonċernati;

    h)

    il-mument li fih jew il-perjodu li matulu twettqet l-irregolarità;

    i)

    is-servizzi jew l-entitajiet nazzjonali li fasslu r-rapport uffiċjali dwar l-irregolarità u l-awtoritajiet responsabbli għas-segwitu amministrattiv u/jew ġudizzjarju;

    j)

    id-data ta’ l-ewwel sejba primarja amministrattiva jew ġudizzjarja ta’ l-irregolarità;

    k)

    l-identità tal-persuni fiżiċi u/jew legali implikati jew ta’ kull entità oħra li parteċipanti, ħlief meta din l-informazzjoni mhix utli għall-għan tal-ġlieda kontra l-irregolaritajiet, minħabba n-natura ta' l-irregolarità fil-kwistjoni;

    l)

    l-ammont totali tal-baġit approvat għall-operazzjoni u d-distribuzzjoni tal-finanzjament konġunt tiegħu bejn il-kontribuzzjonijiet Komunitarji, nazzjonali, privati u oħrajn;

    m)

    l-ammont affettwat mill-irregolarità u d-distribuzzjoni tiegħu bejn il-kontribuzzjonijiet Komunitarji, nazzjonali, privati u oħrajn; fil-każ li l-ebda ħlas tal-kontribuzzjoni pubblika ma jkun sar lill-persuni jew lil entitajiet oħrajn identifikati fil-punt k), l-ammonti li kienu jitħallsu ħażin kieku l-irregolarità ma kinitx identifikata;

    n)

    l-eventwalità tas-sospensjoni tal-ħlas, fejn xieraq, u l-possibilitajiet tal-ħlas lura;

    o)

    in-natura tan-nefqa irregolari.

    Bħala deroga mill-ewwel paragrafu, il-każijiet li ġejjin m’għandhomx għalfejn jiġu rrappurtati:

    il-każijiet fejn l-uniku aspett rilevanti ta’ irregolarità jkun in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni parzjali jew totali ta’ operazzjoni ffinanzjata b’mod konġunt mill-baġit tal-Komunità minħabba l-insolvenza tal-benefiċjarju finali u/jew mir-reċipjent finali. Madankollu, irregolaritajiet li jsiru qabel insolvenza u kull suspett ta’ frodi għandhom jiġu komunikati;

    il-każijiet imressqa quddiem l-awtorità amministrattiva mill-benefiċjarju finali jew mir-reċipjent finali b’mod spontanju jew qabel ma l-awtorità kompetenti tiskoprihom, kemm qabel kif ukoll wara li jingħata l-kontribut pubbliku;

    il-każijiet fejn l-awtorità amministrattiva tosserva żball rigward l-eliġibilità tal-proġett -finanzjat u tirranġa l-iżball qabel ma jsir il-ħlas tal-kontribut pubbliku.”

    5)

    L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Fil-paragrafu 1, it-tieni nċiż huwa mibdul b'dan il ġej:

    “L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjonijiet amministrattivi jew ġudizzjarji, jew dwar l-elementi essenzjali ta’ dawn, li għandhom x’jaqsmu ma’ l-għeluq tal-proċeduri u jindikaw partikolarment jekk l-elementi nnutati humiex ġejjin minn suspett ta’ frodi jew le.”

    (b)

    Il-paragrafu 2 huwa mibdul bit-test li ġej:

    “2.   Stat Membru li jqis li ammont ma jistax jiġi mħallas lura totalment, jew mhux mistenni li jiġi mħallas lura totalment, għandu javża lill-Kummissjoni, b’rapport speċjali, bl-ammont mhux imħallas lura u r-raġunijiet għaliex l-ammont għandu, fl-opinjoni tiegħu, jinġarr mill-Komunità jew mill-Istat Membru.

    Din l-informazzjoni għandha tkun dettaljata biżżejjed biex tippermetti lill-Kummissjoni li tiddeċiedi kemm jista’ jkun malajr, wara li tikkonsulta lill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru kkonċernat, dwar min għandu jġorr:

    il-konsegwenzi finanzjari fis-sens tas-sinifikat fit-tielet inċiż ta' l-Artikolu 23 (1) tar-Regolament (KEE) Nru 4253/88;

    l-ammonti involuti fir-rigward tal-forom ta’ interventi li għalihom japplika r-Regolament (KE) Nru 1260/1999.

    L-informazzjoni għandha tinkludi għall-inqas dan li ġej:

    a)

    kopja tad-deċiżjoni mogħtija;

    b)

    id-data ta’ l-aħħar pagament lill-benefiċjarju finali jew lir-reċipjent finali;

    c)

    kopja ta’ l-ordni ta’ rkupru;

    d)

    fejn xieraq, kopja tad-dokument li jagħti xhieda ta’ l-insolvenza tal-benefiċjarju finali jew tar-reċipjent finali;

    e)

    deskrizzjoni sommarja tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru, flimkiem mad-dati marbutin magħhom, biex jitħallsu lura l-ammonti konċernati.”

    6)

    L-Artikolu 6a li ġej huwa miżjud:

    “Artikolu 6a

    L-informazzjoni meħtieġa mill-Artikoli 3 u 4 u mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 5, titwassal b’mezzi elettroniċi, permezz ta’ l-użu tal-modulu pprovdut mill-Kummissjoni għal dan l-għan, u ta’ konnessjoni sigurizzata, ħlief jekk ma jkunx sar ftehim mod ieħor minn qabel bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat.”

    7)

    L-Artikolu 8a li ġej huwa miżjud:

    “Artikolu 8a

    Il-Kummissjoni tista’ tuża’ l-informazzjoni kollha ta’ natura ġenerali jew operattiva kkomunikata mill-Istati Membri skond dan ir-Regolament biex twettaq analiżi tar-riskji permezz ta’ mezzi tat-teknoloġija ta’ l-informatika xierqa, u fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni tipproduċi rapporti u tiżviluppa sistemi ta’ twissijiet sabiex ikun hemm għarfien aħjar tar-riskji identifikati.”

    8)

    It-tieni sentenza fl-Artikolu 9 hija mibdula b’dan li ġej:

    “Il-kumitati msemmija fl-Artikoli 48, 49, 50 u 51 tar-Regolament (KEE) Nru 1260/1999 għandhom jiġu infurmati wkoll.”

    9)

    L-Artikolu 10(3) huwa mibdul b’dan li ġej:

    “3)   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-ipproċessar ta’ data personali skond dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet Komunitarji u nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali, partikolarment dawk stipulati mid-Direttiva 95/46/KE, u, fejn applikabbli, mir-Regolament (KE) Nru 45/2001, ikunu mħarsa.”

    10)

    L-Artikolu 12 huwa mibdul bit-test li ġej:

    “Artikolu 12

    1.   Meta l-irregolaritajiet jikkonċernaw ammonti ta’ inqas minn €10 000 li għandhom jitħallsu mill-baġit tal-Komunità, l-Istati Membri m’għandhomx jibagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni stipulata mill-Artikoli 3 u 5 ħlief jekk din ma tintalabx mill-Kummissjoni b’mod speċifiku.

    2.   L-Istati Membri li ma adottawx l-euro bħala l-munita tagħhom sad-data meta s-seħħ ta’ l-irregolarità jkun stabbilit għandhom jaqilbu l-ammont ta’ l-ispejjeż ikkonċernati mill-munita nazzjonali għal euro. Dan l-ammont għandu jinqaleb f’euro billi tintuża r-rata ta’ kontabilità mensili tal-Kummissjoni fis-seħħ matul ix-xahar li fih in-nefqa ddaħħlet jew setgħet iddaħħlet fil-kontijiet mill-awtorità tal-ħlas responsabbli mill-programm operattiv konċernat. Din ir-rata hija ppubblikata elettronikament kull xahar mill-Kummissjoni.”

    Artikolu 2

    L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) 1681/94 jibqa’ japplika safejn hu applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għall-każijiet b’ammonti ta’ inqas minn 10 000 euro notifikati qabel it-28 ta’ Frar 2006.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2006.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, nhar it-12 ta’ Diċembru 2005.

    Għall-Kummissjoni

    Siim KALLAS

    Viċi-President


    (1)  ĠU L 161, 26.6.1999, p. 1. Regolament emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 173/2005 (ĠU L 29, 2.2.2005, p. 3).

    (2)  ĠU L 374, 31.12.1988, p. 1.

    (3)  ĠU L 178, 12.7.1994, p. 43.

    (4)  ĠU L 213, 13.8.1999, p. 1.

    (5)  ĠU L 213, 13.8.1999, p. 5.

    (6)  ĠU L 161, 26.6.1999, p. 54.

    (7)  ĠU L 160, 26.6.1999, p. 80. Regolament emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2223/2004 (ĠU L 379, 24.12.2004, p. 1).

    (8)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

    (9)  ĠU C 316, 27.11.1995, p. 49.

    (10)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

    (11)  ĠU L 63, 3.3.2001, p. 21. Regolament emendat bir-Regolament (KE) Nru 2355/2002 (ĠU L 351, 28.12.2002 p. 42).

    (12)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

    (13)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Direttiva emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).


    Top