Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R1161

Ir-Regolament (KE) Nru 1161/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2005 dwar il-kumpilazzjoni ta' kontijiet trimestrali mhux finanzjarji skond is-settur istituzzjonali

ĠU L 191, 22.7.2005, pp. 22–28 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2024; Imħassar b' 32023R0734

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/1161/oj

22.7.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

22


IR-REGOLAMENT (KE) Nru 1161/2005 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta' Lulju 2005

dwar il-kumpilazzjoni ta' kontijiet trimestrali mhux finanzjarji skond is-settur istituzzjonali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 285(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Il-Pjan ta' Azzjoni dwar ir-Rekwiżiti Statistiċi ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (EMU) approvat mill-Kunsill ta' l-Ecofin f'Settembru tas-sena 2000 jispeċifika li grupp limitat ta' kontijiet settorjali trimestrali huwa meħtieġ b'mod urġenti, u li dawn iridu jkunu disponibbli fi żmien 90 jum mit-tmiem tat-trimestru konċernat.

(2)

Ir-Rapport Konġunt tal-Kunsill ta' l-Ecofin u tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew dwar statistiċi u indikaturi taż-żona tal-euro, kif adottat mill-Kunsill ta' l-Ecofin fit-18 ta' Frar 2003, jenfasizza li azzjonijiet bi prijorità għolja f'bosta oqsma, inklużi l-kontijiet nazzjonali trimestrali skond is-settur istituzzjonali, għandhom jiġu implimentati kompletament sa l-2005.

(3)

L-analiżi ta' movimenti ċikliċi fl-ekonomija ta' l-Unjoni Ewropea u t-twettiq tal-politika monetarja fi ħdan l-EMU jeħtieġu statistiċi makroekonomiċi dwar l-imġieba ekonomika u l-interrelazzjoni ta' setturi istituzzjonali individwali li jkunu impossibbli li jiġu identifikati f'data kkumpilata fil-livell ta' l-ekonomija in ġenerali. Hemm għalhekk il-ħtieġa li jsiru kontijiet trimestrali skond is-settur istituzzjonali, kemm għall-Unjoni Ewropea in ġenerali kif ukoll għaż-żona ta' l-euro.

(4)

Il-produzzjoni ta' dawn il-kontijiet hi parti mill-għan globali li tiġi kkumpilata sistema ta' kontijiet kull sena u kull trimestru għall-Unjoni Ewropea u għaż-żona ta' l-euro. Din is-sistema tiġbor fiha l-aggregati makroekonomiċi ewlenin u l-kontijiet finanzjarji u mhux finanzjarji skond is-settur istituzzjonali. L-għan hu li tinkiseb konsistenza f'dawn il-kontijiet kollha u, fir-rigward tal-bqija tal-kontijiet dinjija, bejn il-bilanċ ta' pagamenti u d-data tal-kontijiet nazzjonali.

(5)

Il-kumpilazzjoni ta' kontijiet Ewropej skond is-settur istituzzjonali, skond il-prinċipji tas-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità kif stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 (3), teħtieġ it-trasmissjoni mill-Istati Membri tal-kontijiet nazzjonali trimestrali skond is-settur istituzzjonali. Madankollu, il-kontijiet Ewropej iridu jirriflettu l-ekonomija taż-żona Ewropea u jistgħ jkunu differenti mis-sempliċi aggregazzjoni tal-kontijiet ta' l-Istati Membri. B'mod partikolari, l-għan hu li jittieħed kont tat-transazzjonijiet ta' l-Istituzzjonijiet u l-korpi ta' l-Unjoni Ewropea fil-kontijiet tal-qasam konċernat (l-Unjoni Ewropea jew iż-żona tal-euro, skond liema jkun applikabbli).

(6)

Il-produzzjoni ta' statistiċi Komunitarji speċifiċi ssegwi r-regoli stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 322/97 tas-17 ta' Frar 1997 dwar l-istatistika komunitarja (4).

(7)

Peress li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-kumpilazzjoni ta' kontijiet trimestrali mhux finanzjarji skond is-settur istituzzjonali għall-Unjoni Ewropea u ż-żona tal-euro, ma jistgħux jintlaħqu b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta' l-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak il-għan. B'mod partikolari, fejn Stati Membri jagħmlu kontribut negliġibbli għat-totali Ewropej, m'għandhomx ikunu meħtieġa jirrapportaw id-dettalji kollha tad-data.

(8)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (5).

(9)

Il-Kumitat tal-Programm ta' l-Istatistika stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom (6) u l-Kumitat dwar l-Istatistika Monetarja, Finanzjarja u tal-Bilanċi ta' Pagament stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/115/KEE (7) ġew ikkonsultati,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Għan

Dan ir-Regolament jipprovdi qafas komuni għall-kontributi ta' l-Istati Membri għall-kumpilazzjoni ta' kontijiet Ewropej trimestrali mhux finanzjarji skond is-settur istituzzjonali.

Artikolu 2

Trasmissjoni ta' Kontijiet Trimestrali Mhux Finanzjati Skond is-Settur Istituzzjonali

1.   L-Istati Membri għandhom jittrasmettu lill-Kummissjoni l-kontijiet trimestrali mhux finanzjati skond is-settur istituzzjonali, kif speċifikat fl-Anness, ħlief, għall-ewwel, il-punti P.1, P.2, D.42, D.43, D.44, D.45 u B.4G.

2.   Għandha tiġi adottata skeda ta' żmien għat-trasmissjoni tal-punti P.1, P.2, D.42, D.43, D.44, D.45 u B.4G, rispettivament, u kwalunkwe deċiżjoni dwar il-ħtieġa ta' tqassim tat-transazzjonijiet elenkati fl-Anness skond is-settur kontroparti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 8(2). Kwalunkwe deċiżjoni tali m'għandhiex tiġi adottata qabel ma l-Kummissjoni tkun irrapportat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament skond l-Artikolu 9.

3.   Id-data trimestrali msemmija fil-paragrafu 1 għandha titwassal lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn 90 jum kalendarju wara li jintemm it-trimestru li għalih tirreferi d-data. Matul perjodu transitorju ta' tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament id-data trimestrali msemmija fil-paragrafu 1 għandha titwassal lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn 95 jum kalendarju wara t-tmiem tat-trimestru li għalih tirreferi d-data. Kwalunkwe reviżjoni tad-data tat-trimestri preċedenti għandha tiġi trasmessa fl-istess ħin.

4.   Il-ħin tat-trasmissjoni speċifikat fil-paragrafu 3 jista' jiġi aġġustat, b'massimu ta' ħamest ijiem, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 8(2).

5.   L-ewwel trasmissjoni ta' data trimestrali għandha tkun tad-data tat-tielet trimestru ta' l-2005. L-Istati Membri għandhom iwasslu din id-data mhux aktar tard mit-3 ta' Jannar 2006. L-ewwel trasmissjoni għandha tinkludi data b'lura għall-perjodi mill-ewwel trimestru ta' l-1999.

Artikolu 3

Obbligi ta' Rappurtaġġ

1.   L-Istati Membri kollha għandhom jittrasmettu d-data deskritta fl-Anness, fir-rigward tal-bqija tas-settur dinji (S.2) u s-settur tal-gvern ġenerali (S.13). Stat Membru li għalih il-prodott gross domestiku skond prezzijiet kurrenti normalment jirrappreżenta aktar minn 1 % tat-total Komunitarju korrispondenti għandu jittrasmetti d-data deskritta fl-Anness għas-setturi istituzzjonali kollha.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-persentaġġ tat-total tal-prodott gross domestiku Komunitarju skond il-prezzijiet attwali li normalment jirrappreżenta l-prodott gross domestiku ta' Stat Membru, kif speċifikat fil-paragrafu 1, abbażi tal-medja aritmetika tad-data annwali ta' l-aħħar tliet snin trasmessa mill-Istati Membri.

3.   Il-proporzjon (1 %) tat-total Komunitarju msemmi fil-paragrafu 1 jista' jiġi aġġustat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 8(2).

4.   Derogi minn dan ir-Regolament jistgħu jiġu aċċettati mill-Kummissjoni jekk is-sistemi ta' statistika nazzjonali jkunu jeħtieġu adattazzjoni maġġuri. Tali derogi m'għandhomx idumu aktar minn tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jew tal-miżuri implimentattivi adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 8(2).

Artikolu 4

Definizzjonijiet u Standards

L-istandards, id-definizzjonijiet, il-klassifikazzjonijiet u r-regoli tal-kontabilità għal data trasmessa għall-fini ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu dawk stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru. 2223/96 (minn issa 'l quddiem imsejjaħ ir-“Regolament ESA”).

Artikolu 5

Sorsi tad-data u ħtiġiet ta' konsistenza

1.   L-Istati Membri għandhom jimlew l-informazzjoni mitluba f'dan ir-Regolament billi jużaw is-sorsi kollha li jikkunsidraw rilevanti, filwaqt li jagħtu prijorità għal informazzjoni diretta bħal sorsi amministrattivi jew sondaġġi ta' intrapriżi u ta' nukleji familjari.

Meta tali informazzjoni diretta ma tistax tinġabar, b'mod partikolari fir-rigward tad-data b'lura meħtieġa taħt l-Artikolu 2(5), jistgħu jiġu trasmessi l-aħjar estimi.

2.   Id-data trasmessa minn Stati Membri għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandha tkun konsistenti mal-kontijiet trimestrali mhux finanzjarji tal-gvern ġenerali u l-aggregati ewlenin trimestrali ta' l-ekonomija totali, trasmessa lill-Kummissjoni taħt il-programm ta' trasmissjoni ta' data tar-Regolament ESA.

3.   Id-data trimestrali trasmessa mill-Istati Membri għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandha tiġi allinjata mad-data annwali korrispondenti trasmessa taħt il-programm ta' trasmissjoni ta' data tar-Regolament ESA.

Artikolu 6

Standards ta' kwalità u rapporti

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li l-kwalità tad-data trasmessa titjieb maż-żmien sabiex tilħaq l-istandards tal-kwalità komuni li għandhom jiġu definiti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 8(2).

2.   L-Istati Membri għandhom ifornu lill-Kummissjoni b'deskrizzjoni aġġornata tas-sorsi, l-metodi u t-trattamenti ta' l-istatistika użati fi żmien sena mill-ewwel trasmissjoni ta' data tagħhom.

3.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'bidliet maġġuri ta' metodoloġija jew bidliet oħrajn li jaffettwaw id-data trasmessa sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara li tali bidla jkollha effett.

Artikolu 7

Miżuri ta' implimentazzjoni

Il-miżuri ta' implimentazzjoni għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 8(2). Tali miżuri għandhom jinkludu:

(a)

li tiġi stabbilita l-iskeda ta' żmien għat-trasmissjoni tal-punti P.1, P.2, D.42, D.43, D.44, D.45 u B.4G skond l-Artikolu 2(2);

(b)

li jsir rekwiżit li t-transazzjonijiet li jidhru fl-Anness jiġu maqsuma skond is-settur kontroparti skond l-Artikolu 2(2);

(ċ)

li tiġi riveduta l-iskeda ta' żmien tat-trasmissjonijiet trimestrali skond l-Artikolu 2(4);

(d)

li jiġi aġġustat il-proporzjon (1 %) tat-total Komunitarju sabiex jiġi determinat l-obbligu li tiġi trasmessa data għas-setturi istituzzjonali kollha skond l-Artikolu 3(3);

(e)

li jiġu definiti l-istandards ta' kwalità tad-data skond l-Artikolu 6(1).

Artikolu 8

Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat tal-Programm ta' l-Istatistika.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jittiehed kont tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu msemmi fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 9

Rapport dwar l-Implimentazzjoni

Fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tiegħu.

B'mod partikolari r-rapport għandu:

(a)

jipprovdi informazzjoni dwar il-kwalità ta' l-istatistika li tkun saret;

(b)

jistma l-benefiċċji favur il-Komunità, l-Istati Membri, il-fornituri u l-utenti ta' informazzjoni l-istatistiċi li jkunu saru meta mqabbla ma' l-ispiża tagħhom;

(ċ)

jidentifika oqsma għal titjib potenzjali u emendi li huma kkunsidrati meħtieġa fid-dawl tar-riżultati miksuba.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 6 ta' Lulju 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

J. STRAW


(1)   ĠU C 42, tat-18.2.2004, p. 23.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Marzu 2004 (ĠU C 103 E, tad-29.4.2004, p. 141), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-8 ta' Marzu 2005) (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2005 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)   ĠU L 310, tat-30.11.1996, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1267/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 180, tat-18.7.2003, p. 1).

(4)   ĠU L 52, tat-22.2.1997, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

(5)   ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

(6)   ĠU L 181, tat-28.6.1989, p. 47.

(7)   ĠU L 59, tas-6.3.1991, p. 19.


L-ANNESS

Trasmissjoni ta' data

Image 1

Test ta 'immaġni

Image 2

Test ta 'immaġni

Image 3

Test ta 'immaġni

Top