Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R0179

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 179/2005 tat- 2 ta' Frar 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1917/2000 dwar it-trasmissjoni ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni

    ĠU L 275M, 6.10.2006, p. 126–126 (MT)
    ĠU L 30, 3.2.2005, p. 6–6 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 27/11/2005; Imħassar b' 32005R2098

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/179/oj

    6.10.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    126


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 179/2005

    tat-2 ta' Frar 2005

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1917/2000 dwar it-trasmissjoni ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95 tat-22 ta’ Mejju 1995 dwar l-istatistiċi dwar il-kummerċ ta’ merkanzija tal-Komunità u l-Istati Membri tagħha ma’ pajjiżi li mhumiex membri (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 11 u 13 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 638/2004 tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar l-istatistiċi tal-Komunità dwar il-kummerċ ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91 (2), li japplika mill-1 ta’ Jannar 2005, jistabbilixxi qafas komuni għall-produzzjoni sistematika ta' statistiċi tal-Komunità dwar il-kummerċ ta' merkanzija bejn l-Istati Membri.

    (2)

    Sabiex il-perijodu għat-trasmissjoni għal kummerċ estern jiġi jaqbel mal-perijodu ta' trasmissjoni għall-informazzjoni aggregata dwar il-kummerċ fi ħdan il-Komunità, ta' l-ewwel għandu jitnaqqas minn 6 ġimgħat għal 40 jum.

    (3)

    Kif ingħad b’mod regolari mill-Kunsill, il-monitoraġġ ta’ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja teħtieġ li l-istatistiċi dwar il-kummerċ jitwasslu b’mod mgħaġġel.

    (4)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1917/2000 tas-7 ta’ Settembru 2000 li jqiegħed ċerti dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95 dwar l-istatistiċi dwar il-kummerċ estern (3) għandu għalhekk ikun emendat.

    (5)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma fi qbil mal-fehma tal-Kumitat dwar l-istatistiċi dwar il-kummerċ tal-merkanzija ma’ pajjiżi terzi,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 1917/2000 jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 32

    1.   L-Istati Membri għandhom jiġbru:

    (a)

    riżultati aggregati definiti, għal kull influss, bħala l-valur totali tal-kummerċ ma’ pajjiżi li mhumiex membri u l-lista maqsuma skond il-prodotti skond it-Taqsimiet ta’ l-Istandard Internazzjonali għall-Klassifikazzjoni tal-Kummerċ, Reviżjoni 3;

    (b)

    riżultati dettaljati li għalihom hemm referenza fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament bażiku.

    2.   L-Istati Membri għandhom jgħaddu l-informazzjoni lill-Kummissjoni mingħajr dewmien, kif ġej:

    (a)

    fi qbil mal-paragrafu 1(a), mhux aktar tard minn 40 jum wara l-aħħar tal-perijodu ta’ referenza

    (b)

    fi qbil mal-paragrafu 1(b), mhux aktar tard minn 42 jum wara l-aħħar tal-perijodu ta’ referenza”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Marzu 2005.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, nhar it-2 ta' Frar 2005.

    Għall-Kummissjoni

    Joaquin ALMUNIA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 118, 25.5.1995, p. 10. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

    (2)  ĠU L 102, 7.4.2004, p. 1.

    (3)  ĠU L 229, 9.9.2000, p. 14. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1669/2001 (ĠU L 224, 21.8.2001, p. 3).


    Top