EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005L0057

Direttiva tal-Kummissjoni 2005/57/KE tal- 21 ta’ Settembru 2005 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni ta’ l-MCPA u l- MCPB bħala sustanzi attivi Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 246, 22.9.2005, p. 14–16 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 287M, 18.10.2006, p. 347–349 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/06/2011

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2005/57/oj

18.10.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

347


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2005/57/KE

tal-21 ta’ Settembru 2005

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni ta’ l-MCPA u l- MCPB bħala sustanzi attivi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jipproteġu l-pjanti (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 tal-11 ta’ Diċembru 1992 li jistipola regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ l-ewwel stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jipproteġu l-pjanti (2) jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu evalwati, sabiex jiġu possibilment inklużi fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE. Din il-lista tinkludi l-MCPA u l-MCPB.

(2)

Għal dawk is-sustanzi attivi, l-effetti fuq saħħet il-bniedem u fuq l-ambjent ġew meqjusa skond id-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolament (KEE) Nru 3600/92 għal firxa ta' użi proposti min-notifikaturi. Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 933/94 tas-27 ta' April ta' l-1994 li jistipola s-sustanzi attivi għall-prodotti li jipproteġu l-pjanti u li jinnomina l-Istat Membru Rapporteur għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 (3), l-Italja ġiet innominata bħala Stat Membru Rapporteur. Nhar il-5 ta' April ta' l-2001 u nhar id-19 ta’ Diċembru 2001, l-Italja ssottomettiet ir-rapporti evalwattivi u r-rakkomandazzjonijiet relevanti lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92.

(3)

Ir-rapporti evalwattivi ġew riveduti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali. Ir-reviżjonijiet ġew iffinalizzati nhar il-15 ta' April 2005 fil-format ta’ rapporti ta' reviżjoni tal-Kummissjoni għall-MCPA u l-MCPB.

(4)

Ir-reviżjonijiet ta’ l-MCPA u l-MCPB ma wrewx il-ħtieġa li tiġi indirizzata xi mistoqsija miftuħa mill-Kumitat Xjentifiku dwar il-Pjanti jew mill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) li ħadet f’idejha r-rwol ta' dan ta' l-aħħar.

(5)

Minn eżamijiet varji li saru deher li l-prodotti li jipproteġu l-pjanti li fihom l-MCPA jew l-MCPB jistgħu jkunu mistennija li jissodisfaw, b'mod ġenerali, il-ħtiġijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-użi li ġew eżaminati u mniżżla fir-rapporti ta' reviżjoni tal-Kummissjoni. Huwa għalhekk xieraq li jiġu inklużi dawn is-sustanzi attivi fl-Anness I, sabiex ikun żgurat li fl-Istati Membri kollha, l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti li jipproteġu l-pjanti li fihom dawn is-sustanzi attivi, ikunu jistgħu jingħataw skond id-dispożizzjonijiet ta' dik id-Direttiva.

(6)

Għandu jitħalla jiskadi perjodu raġonevoli qabel ma sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I sabiex l-Istati Membri u partijiet oħra interessati jkunu jistgħu jippreparaw ruħhom biex jissodisfaw il-ħtiġijiet il-ġodda li jirriżultaw mill-inklużjoni.

(7)

Bla preġudizzju għall-obbligazzjonijiet definiti bid-Direttiva 91/414 bħala konsegwenza li tiġi inkluża sustanza attiva fl-Anness I, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu ta’ sitt xhur wara l-inklużjoni sabiex jirrevedu l-awtorizzazzjonijiet eżistenti tal-prodotti li jipproteġu l-pjanti li fihom l-MCPA jew l-MCPB biex jiżguraw li l-ħtiġijiet stabbiliti bid-Direttiva 91/414/KEE, b’mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha u l-kundizzjonijiet rilevanti stipulati fl-Anness I ikunu ssodisfati. L-Istati Membri għandhom ivarjaw, jibdlu jew jirtiraw, kif jixraq, l-awtorizzazzjonijiet eżistenti, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/KEE. B’deroga mill-iskadenza ta’ hawn fuq, għandu jingħata perjodu itwal għall-preżentazzjoni u l-evalwazzjoni tad-dossier sħiħ ta’ l-Anness III għal kull prodott li jipproteġi l-pjanti għal kull użu maħsub skond il-prinċipji uniformi stabbiliti fid-Direttiva 91/414/KEE.

(8)

L-esperjenza miksuba minn inklużjonijiet preċedenti fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE ta’ sustanzi attivi evalwati fil-qafas tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92 uriet li jistgħu jinqalgħu xi diffikultajiet fl-interpretazzjoni tad-dmirijiet tad-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti dwar l-aċċess għad-data. Sabiex jiġu evitati iżjed diffikultajiet, għalhekk, jidher li huwa meħtieġ li d-dmirijiet ta’ l-Istati Membri jiġu ċċarati, speċjalment id-dmir li jivverifikaw li d-detentur ta’ awtorizzazzjoni juri aċċess għal dossier li jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ l-Anness II għal dik id-Direttiva. Madankollu, din il-kjarifika ma timponix xi obbligi ġodda fuq l-Istati Membri jew id-detenturi ta’ l-awtorizzazzjonijiet meta mqabbla mad-direttivi li ġew adottati s’issa li jemendaw l-Anness I.

(9)

Huwa għalhekk xieraq li tkun emendata d-Direttiva 91/414/KEE skond dan.

(10)

Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jaddottaw u jippubblikaw sa mhux iktar tard mill-31 ta' Ottubru 2006 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella li turi l-korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw it-tali dispożizzjonijiet mill-1 ta' Novembru 2006.

Meta l-Istati Membri jadottaw it-tali dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'referenza simili meta dawn jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri, fejn meħtieġ, u fi qbil mad-Direttiva 91/414/KEE, għandhom jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għal prodotti li jipproteġu l-pjanti, li fihom l-MCPA jew l-MCPB bħala sustanza attiva sal-31 ta’ Ottubru 2006. Sa dik id-data, dawn, b’mod partikolari, għandhom jivverifikaw li l-kundizzjonijiet fl-Anness I għal dik id-Direttiva dwar l-MCPA u l-MCPB jiġu ssodisfati, minbarra dawk identifikati fil-Parti B ta’ l-annotazzjoni dwar l-istess sustanzi attivi, u li d-detentur ta’ l-awtorizzazzjoni jkollu, jew ikollu aċċess għal, dossier li jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ l-Anness II għal dik id-Direttiva fi qbil mal-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13.

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, għal kull prodott awtorizzat li jipproteġi l-pjanti li fih l-MCPA jew l-MCPB sew bħala l-unika sustanza attiva jew bħala waħda minn diversi sustanzi attivi li kollha kemm huma jkunu ġew elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE sa mhux aktar tard mit-30 ta' April 2006, l-Istati Membri għandhom jerġgħu jevalwaw mill-ġdid il-prodott skond il-prinċipji uniformi previsti fl-Anness VI għad-Direttiva 91/414/KEE, fuq il-bażi ta' dossier li jissodisfa l-kondizzjonijiet ta' l-Anness III għal dik id-Direttiva u billi titqies il-parti B ta’ l-annotazzjoni fl-Anness III għat-tali Direttiva dwar l-MCPA u l-MCPB rispettivament. Abbażi ta' dik l-evalwazzjoni, għandhom jiddeterminaw jekk il-prodott jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b), (c), (d) u (e) tad-Direttiva 91/414/KEE.

Wara dik id-determinazzjoni, l-Stati Membri għandhom:

(a)

fil-każ ta' prodott li jkun fih l-MCPA jew l-MCPB bħala l-unika sustanza attiva, fejn meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta' April 2010; jew

(b)

fil-każ ta' prodott li jkun fih l-MCPA jew l-MCPB bħala wieħed minn diversi sustanzi attivi, fejn hu meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sat-30 ta' April 2010 jew sad-data ffissata għal tali emenda jew irtirar fid-Direttiva jew Direttivi rispettivi li żiedet/u s-sustanza jew sustanzi relevanti fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE, skond liema waħda hi l-aktar riċenti.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ nhar l-1 ta' Mejju 2006.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, nhar il-21 ta’ Settembru 2005.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).

(2)  ĠU L 366, 15.12.1992, p. 10. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2266/2000 (ĠU L 259, 13.10.200, p. 10).

(3)  ĠU L 107, 28.4.1994, p. 8. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2230/95 (ĠU L 225, 22.9.1995, p. 1).


ANNESS

Dan li ġej għandu jiġi miżjud fl-aħħar tat-tabella fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KE.

Nru

Isem Komuni, Numri ta' identifikazzjoni,

L-Isem ta' l-IUPAC

Purità (1)

Dħul fis-seħħ

Skadenza ta' żmien ġħall-inklużjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“108

MCPA

Nru tas-SAK 94-74-6

CIPAC No 2

4-chloro-o-tolyloxyacetic acid

≥ 930 g/kg

1 ta' Mejju 2006

30 ta' April 2016

PARTI A

L-użu bħala erbiċida biss jista' jkun awtorizzat.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi ta' l-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' evalwazzjoni dwar l-MCPA u b'mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzati mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali fil-15 ta' April 2005.

L-Istati Membri għandhom joqgħodu attenti b’mod partikolari għall-possibilità ta’ kontaminazzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art, meta s-sustanza attiva tiġi applikata f'reġjuni b'ħamrija u/jew kundizzjonijiet klimatiċi vulnerabbli. Kundizzjonijiet ta' awtorizzazzjoni għandhom jinkludu miżuri għat-tnaqqis tar-riskju, fejn jixraq.

L-Istati Membri għandhom joqgħodu attenti b’mod partikolari għall-protezzjoni ta’ l-organiżmi akwatiċi u għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet ta’ l-awtorizzazzjoni jinkludu miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskji, fejn jixraq, bħal pereżempju permezz ta’buffer zones.

109

MCPB

Nru tas-SAK 94-81-5

CIPAC No 50

4-chloro-o-tolyloxyacetic acid

≥ 920 g/kg

1 ta' Mejju 2006

30 ta' April 2016

PARTI A

L-użu bħala erbiċida biss jista' jkun awtorizzat.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi ta' l-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' evalwazzjoni dwar l-MCPB u b'mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzati mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali fil-15 ta' April 2005.

L-Istati Membri għandhom joqogħdu attenti b’mod partikolari għall-possibilità ta’ kontaminazzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art, meta s-sustanza attiva tiġi applikata f'reġjuni b'ħamrija u/jew kundizzjonijiet klimatiċi vulnerabbli. Kundizzjonijiet ta' awtorizzazzjoni għandhom jinkludu miżuri għat-tnaqqis tar-riskji, fejn jixraq.

L-Istati Membri għandhom joqgħodu attenti b’mod partikolari għall-protezzjoni ta’ l-organiżmi akwatiċi u għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet ta’ l-awtorizzazzjoni jinkludu miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskji, fejn jixraq, bħal pereżempju permezz ta’ buffer zones.


(1)  Dettalji iktar fil-fond dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva huma pprovduti fir-rapport ta' evalwazzjoni.”


Top