Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005L0040

    Id-Direttiva 2005/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 77/541/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar iċ-ċintorini tas-sigurtà u s-sistemi ta' trażżin f'vetturi bil-mutur Test b’rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 255, 30.9.2005, p. 146–148 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/10/2014; Impliċitament imħassar minn 32009R0661

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2005/40/oj

    30.9.2005   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    146


    ID-DIRETTIVA 2005/40/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-7 ta' Settembru 2005

    li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 77/541/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar iċ-ċintorini tas-sigurtà u s-sistemi ta' trażżin f'vetturi bil-mutur

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (1),

    Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

    Billi:

    (1)

    Ir-riċerka wriet li l-użu ta' ċinturini tas-sigurtà u sistemi ta' trażżin jista' jikkontribwixxi għal tnaqqis sostanzjali fin-numru ta' mwiet u fil-gravità tal-korrimenti f'każ ta' inċident, anke dak ta' qlib ta' karozza. It-tagħmir bihom fil-kategoriji kollha ta' vetturi ikun żgur pass importanti 'l quddiem fis-sigurtà fit-toroq u għaldaqstant jiġu salvati aktar ħajjiet.

    (2)

    Jista' jinkiseb benefiċċju sostanzjali għas-soċjetà, li kieku l-vetturi kollha jkunu mgħammra b'ċinturini tas-sigurtà.

    (3)

    Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Frar 1986 dwar miżuri komuni biex jitnaqqsu l-inċidenti fit-toroq, bħala parti mill-programm tal-Komunità għas-sigurtà fit-toroq (3), il-Parlament Ewropew saħaq fuq il-ħtieġa li jsir obbligatorju għal kull passiġġier li jilbes iċ-ċinturin tas-sigurtà, inklużi t-tfal, ħlief f'vetturi ta' servizz pubbliku. Għaldaqstant, għandha ssir distinzjoni bejn karozzi tal-linja li jagħtu servizz pubbliku u vetturi oħra rigward l-istallazzjoni obbligatorja ta' ċinturini tas-sigurtà u/jew sistemi ta' trażżin.

    (4)

    Skond id-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x' jaqsmu ma' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (4), is-sistema Komunitarja ta' approvazzjoni tat-tip ġiet implimentata biss għall-vetturi ġodda kollha ta' kategorija M1 mill-1 ta' Jannar 1998. B'konsegwenza, dawn il-vetturi biss għandhom ikunu mgħammra b'ċinturini tas-sigurtà u/jew sistemi ta' trażżin li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 77/541/KEE (5).

    (5)

    Sakemm is-sistema Komunitarja ta' approvazzjoni tat-tip tiġi estiża għall-kategoriji kollha ta' vetturi, l-istallazzjoni ta' ċinturini tas-sigurtà u/jew sistemi ta' trażżin għandha tkun meħtieġa, fl-interess tas-sigurtà fit-toroq, f'vetturi li jaqgħu taħt kategoriji oħra minbarra M1.

    (6)

    Id-Direttiva 77/541/KEE diġà tipprovdi għad-dispożizzjonijiet tekniċi u amministrattivi kollha li jippermettu l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi ta' kategoriji oħra minbarra M1. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jeħtiġux l-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet ulterjuri.

    (7)

    Mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 96/36/KE tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 1996 li tadatta għall-progress tekniku d-Direttiva tal-Kunsill 77/541/KEE rigward iċ-ċinturini tas-sigurtà u s-sistemi tat-trażżin tal-vetturi bil-mutur (6), bosta Stati Membri diġà għamlu obbligatorji d-dispożizzjonijiet li hemm fiha fir-rigward ta' ċerti kategoriji oħra ta' vetturi minbarra M1. Għaldaqstant il-manifatturi u l-fornituri tagħhom żviluppaw teknoloġija xierqa.

    (8)

    Id-Direttiva 2001/85/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Novembru 2001 li tirrigwardja d-dispożizzjonijiet speċjali għal vetturi użati għat-trasport ta' pasiġġieri li jkollhom aktar minn tmien sedili b'żieda mas-sedil tas-sewwieq (7)tipprovdi dispożizzjonijiet għal aċċess aktar faċli għal persuni ta' mobilità limitata bħal persuni b'diżabilità f'vetturi wżati għat-trasport ta' passiġġieri li fihom iżjed minn tmien sedili. Jeħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jippermettu l-istallazzjoni ta' ċinturini tas-sigurtà u/jew sistemi ta' trażżin, li ma jikkonformawx ma' l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tad-Direttiva 77/541/KEE, iżda li ġew iddisinjati b'mod speċifiku għas-sigurtà ta' dawk il-persuni f'tali vetturi.

    (9)

    Id-Direttiva 77/541/KEE għandha tiġi hekk emendata.

    (10)

    Minħabba li l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri t-titjib tas-sigurtà fit-toroq bl-introduzzjoni tat-tagħmir obbligatorju b'ċinturini tas-sigurtà f'ċerti kategoriji ta' vetturi, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu, għalhekk, minħabba d-daqs ta' l-azzjoni, jintlaħqu aħjar fuq il-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalitá, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Emendi għad-Direttiva 77/541/KEE

    Id-Direttiva 77/541/KEE hija b'dan emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu li ġej għandu jiġi mdaħħal:

    “L-Artikolu 2a

    1.   L-Istati Membri jistgħu, skond il-liġi nazzjonali, jippermettu l-istallazzjoni ta' ċinturini tas-sigurtà jew sistemi ta' trażżin oħra minbarra dawk koperti minn din id-Direttiva kemm-il darba dawn ikunu intiżi għal persuni b'diżabilità.

    2.   L-Istati Membri jistgħu wkoll jeżentaw is-sistemi ta' trażżin maħluqa biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' l-Anness VII għad-Direttiva 2001/85/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Novembru 2001 li tirrigwardja d-dispożizzjonijiet speċjali għal vetturi wżati għat-trasport ta' pasiġġieri li jkollhom aktar minn tmien sedili b'żieda mas-sedil tas-sewwieq (*), mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

    3.   Il-ħtiġijiet ta' l-Anness I, punt 3.2.1. ta' din id-Direttiva m' għandhomx japplikaw għal ċinturini tas-sigurtà u sistemi ta' trażżin koperti mill-paragrafi 1 u 2.

    (*)  ĠU L 42, tat-13.2.2002, p. 1..”"

    (2)

    Fl-Artikolu 9, għandu jiġi miżjud il-paragrafu li ġej:

    “Vetturi tal-kategorija M2 u M3 għandhom jiġu suddiviżi fi klassijiet kif imfisser fis-sezzjoni 2 ta' l-Anness I għad-Direttiva 2001/85/KE.”.

    (3)

    L-Anness I għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    In-nota tal-qiegħ relatata mal-punt 3.1. għandha tiġi mħassra;

    (b)

    Il-punt 3.1.1. għandu jiġi sostitwit bis-segwenti:

    “3.1.1.

    Bl-eċċezzjoni ta' postijiet bilqiegħda intiżi biss għall-użu meta l-vettura tkun wieqfa, is-sedili ta' vetturi tal-kategorija M1, M2 (ta' klassi III jew B), M3 (ta' klassi III jew B), u N għandhom ikunu mgħammra b'ċinturini tas-sigurtà u/jew sistemi ta' trażżin li jikkonformaw mal-ħtiġijiet ta' din id-Direttiva.

    Vetturi ta' klassi I, II jew A tal-kategorija M2 jew M3 jistgħu jiġu mgħammra b'ċinturini tas-sigurtà u/jew sistemi ta' trażżin, sakemm jikkonformaw mal-ħtiġijiet ta' din id-Direttiva.”.

    Artikolu 2

    Miżuri previsti għal persuni b'diżabilità

    Mhux iżjed tard minn 20 ta' April ta' l-2008, il-Kummissjoni għandha teżamina proċeduri speċifiċi biex jiġu armonizzati l-ħtiġijiet għal ċinturini tas-sigurtà intiżi għal persuni b'diżabilità, ibbażati fuq standards internazzjonali eżistenti u ħtiġijiet legali nazzjonali, sabiex jagħtu lil din id-Direttiva livell ta' sigurtà ekwivalenti. Jekk xieraq, il-Kummissjoni għandha tippreżenta abbozz ta' miżuri. Emendi għal din id-Direttiva għandhom jiġu adottati f'konformità ma' l-Artikolu 13 tad-Direttiva 70/156/KEE.

    Artikolu 3

    Implimentazzjoni

    1.   Minn 20 ta' April 2006, fir-rigward ta' l-istallazzjoni ta' ċinturini tas-sigurtà u/jew l-istallazzjoni ta' sistemi ta' trażżin, li jikkonformaw mal-ħtiġijiet stabbiliti fid-Direttiva 77/541/KEE kif emendata b'din id-Direttiva, l-Istati Membri m'għandhomx:

    (a)

    jirrifjutaw li jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-KE, jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali, rigward tip ta' vettura;

    (b)

    jipprojbixxu r-reġistrazzjoni, bejgħ jew dħul fis-servizz ta' vetturi ġodda.

    2.   Minn 20 ta' Ottubru ta' l-2006, fir-rigward ta' l-istallazzjoni ta' ċinturini tas-sigurtà u/jew sistemi ta' trażżin, li ma jikkonformawx mal-ħtiġijiet stabbiliti fid-Direttiva 77/541/KEE kif emendata b'din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta' tip ġdid ta' vettura:

    (a)

    ma jibqgħux jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-KE;

    (b)

    jirrifjutaw li jagħtu approvazzjoni tat-tip nazzjonali.

    3.   Minn 20 ta' Ottubru ta' l-2007, fir-rigward ta' l-istallazzjoni ta' ċinturini tas-sigurtà u/jew sistemi ta' trażżin, li ma jikkonformawx mal-ħtiġijiet stabbiliti fid-Direttiva 77/541/KEE kif emendata b'din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom:

    (a)

    jikkunsidraw iċ-ċertifikati ta' konformità li jakkumpanjaw vetturi ġodda bħala li m' għadhomx validi għall-għan ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 70/156/KEE;

    (b)

    jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni, bejgħ jew dħul fis-servizz ta' vetturi ġodda, ħlief f'każijiet fejn jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 70/156/KEE.

    Artikolu 4

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel 20 ta' April ta' l-2006. Għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

    2.   Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jidħlu fis-seħħ f'21 ta' April 2006

    3.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'tali referenza meta jkunu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta' kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    4.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 5

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 6

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Strasburgu, nhar is-7 ta' Settembru 2005

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. CLARKE


    (1)  ĠU C 80, tat-30.3.2004, p. 10.

    (2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2003 (ĠU C 91 E, tal-15.4.2004, p. 491), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' l-24 ta' Jannar 2005 (ĠU C 111 E, tal-11.5.2005, p. 28), Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2005 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  ĠU C 68, ta' l-24.3.1986, p. 35.

    (4)  ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/78/KE (ĠU L 153, tat-30.4.2004, p. 103).

    (5)  ĠU L 220, tad-29.8.1977, p. 95. Direttiva kif emendata l-aħħar mill-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

    (6)  ĠU L 178, tas-17.7.1996, p. 15.

    (7)  ĠU L 42, tat-13.2.2002, p. 1.


    Top