Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005F0667

    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/667/ĠAI tat-12 ta' Lulju 2005 għat-tisħiħ tal-qafas tal-liġi kriminali għall-infurzar tal-liġi kontra t-tniġġis minn bastimenti

    ĠU L 255, 30.9.2005, p. 164–167 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2005/667/oj

    30.9.2005   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    164


    ID-DEĊIŻJONI KWADRU TAL-KUNSILL 2005/667/ĠAI

    tat-12 ta' Lulju 2005

    għat-tisħiħ tal-qafas tal-liġi kriminali għall-infurzar tal-liġi kontra t-tniġġis minn bastimenti

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(1)(e) u l-Artikoli 34(2)(b) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-aħjar mod li bih għandhom jiġu implimentati d-disposizzjonijiet tat-Trattat ta' Amsterdam dwar żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (2) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Tampere tal-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, u partikolarment il-punt 48 tagħhom, isejħu għal proposti għal leġislazzjoni sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità ambjentali, partikolarment l-introduzzjoni ta' pieni komuni u ta' garanziji proċedurali komparabbli.

    (2)

    Il-ġlieda kontra t-tniġġiż minn bastimenti, kemm jekk bil-ħsieb kif ukoll jekk b'nuqqas serju ta' diliġenza, tikkostitwixxi waħda mil-prijoritajiet ta' l-Unjoni. Il-punti 32 sa 34 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Copenhagen tat-12 u t-13 ta' Diċembru 2002 u d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-ĠAI tad-19 ta' Diċembru 2002 wara n-nawfraġju tat-tanker Prestige, b'mod partikolari, jesprimu d-determinazzjoni ta' l-Unjoni li tadotta l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiġu evitati rikorrenzi ta' tali ħsara.

    (3)

    Għal dan il-għan, kif iddikjarat il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-titjib tas-sigurtà fuq il-baħar b'risposta għall-aċċident tal-Prestige, il-liġijiet ta' l-Istati Membri għandhom jiġu approssimati.

    (4)

    L-għan tad-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar it-tniġġiż minn bastimenti u dwar l-introduzzjoni ta' pieni għall-ksur (3) u l-għan ta' din id-Deċiżjoni Kwadru, li tissuplimenta d-Direttiva 2005/35/KE b'regoli dettaljati f'materji kriminali, huwa li jwettqu din l-approssimazzjoni.

    (5)

    Din id-Deċiżjoni Kwadru, ibbażata fuq l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, hija l-istrument adatt sabiex jiġi impost fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprovdu għal pieni kriminali.

    (6)

    Minħabba n-natura speċifika tal-kondotta indirizzata, għandhom jiġu introdotti penali komuni fir-rigward ta' persuni ġuridiċi.

    (7)

    Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata mill-Istati Membri kollha ta' l-Unjoni u mill-Komunità Ewropea bħala Parti, hija partikolarment importanti fil-kuntest tal-koperazzjoni.

    (8)

    Għandha tiġi organizzata l-aqwa koperazzjoni possibbli bejn l-Istati Membri sabiex tiġi żgurata t-trasmissjoni rapida ta' informazzjoni minn Stat Membru għall-ieħor. Għandhom jiġu nominati u identifikati punti ta' kuntatt.

    (9)

    Billi l-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni Kwadru ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri separatament u għalhekk jistgħu, minħabba n-natura transkonfinali tal-ħsara li tista' tiġi kawżata mill-kondotta konċernata, jintlaħqu aħjar fil-livell ta' l-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Konformement mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni Kwadru ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex tikseb dawk l-għanijiet.

    (10)

    Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

    (11)

    Din id-Deċiżjoni Kwadru ma fihiex obbligu espliċitu għall-Istati Membri li jikkonfinaw ma' istretti wżati għan-navigazzjoni internazzjonali suġġetti għar-reġim ta' passaġġ ta' transitu, kif stabbilit fil-Parti III, Taqsima 2 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar, li jistabbilixxu ġurisdizzjoni fir-rigward ta' reati kommessi f'tali stretti. Il-ġurisdizzjoni fir-rigward ta' reati għandha tiġi stabbilita skond il-liġi internazzjonali u b'mod partikolari skond l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar.

    (12)

    L-applikazzjoni prattika tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tkun verifikata mill-Kummissjoni li għandha, fi żmien ħames snin mid-data ta' l-implementazzjoni ta' din id-Deċiżjoni Kwadru, tippreżenta rapport lill-Kunsill. Dan ir-rapport jista' jinkludi proposti adatti.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI KWADRU:

    Artikolu 1

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni Kwadru, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/35/KE.

    Artikolu 2

    Reati kriminali

    1.   Suġġett għall-Artikolu 4(2) ta' din id-Deċiżjoni Kwadru, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi żgurat li ksur fis-sens ta' l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2005/35/KE jitqies bħala reat kriminali.

    2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal membri ta' ekwipaġġi fir-rigward ta' ksur li jseħħ fi stretti wżati għan-navigazzjoni internazzjonali, f'żoni ekonomiċi esklussivi u fl-ibħra internazzjonali fejn ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I, Regolament 11(b) jew fl-Anness II, Regolament 6(b), tal-MARPOL 73/78.

    Artikolu 3

    Għajnuna, kompliċità u inċitament

    Kull Stat Membru għandu, skond il-liġi nazzjonali, jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-għajnuna jew il-kompliċità jew l-inċitament ta' reat imsemmi fl-Artikolu 2 ikunu punibbli.

    Artikolu 4

    Pieni

    1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li r-reati msemmija fl-Artikolu 2 u 3 ikunu punibbli b'pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi li għandhom jinkludu, almenu għall-każijiet serji, pieni kriminali ta' massimu ta' mill-inqas bejn sena u tliet snin priġunerija.

    2.   F'każijiet minuri, fejn l-att kommess ma jikkawżax deterjorazzjoni tal-kwalità ta' l-ilma, Stat Membru jista' jipprevedi pieni ta' tip differenti minn dawk stabbiliti fil-paragrafu 1.

    3.   Il-pieni kriminali previsti fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu akkumpanjati b'pieni jew miżuri oħra, b'mod partikolari multi, jew bl-iskwalifika ta' persuna fiżika mill-eżerċizzju ta' attività li tirrikjedi awtorizzazzjoni jew approvazzjoni uffiċjali, jew milli twaqqaf, tamministra jew tmexxi kumpannija jew fundazzjoni, fejn il-fatti li wasslu għall-kundanna tiegħu/tagħha juru riskju ovvju li jista' jerġa' jiġi segwit l-istess tip ta' attività krminali.

    4.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li r-reat kommess bil-ħsieb imsemmi fl-Artikolu 2 ikun punibbli b'massimu ta' mill-inqas bejn ħames u għaxar snin priġunerija fejn ir-reat ikkawża ħsara sinifikattiva u estiża għall-kwalità ta' l-ilma, għal speċi ta' annimali jew ta' pjanti jew għal partijiet minnhom kif ukoll il-mewt jew korriment serju ta' persuni.

    5.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li r-reat kommess bil-ħsieb imsemmi fl-Artikolu 2 ikun punibbli b'massimu ta' mill-inqas bejn sentejn u ħames snin priġunerija fejn:

    (a)

    ir-reat ikkawża ħsara sinifikattiva u estiża għall-kwalità ta' l-ilma, għal speċi ta' annimali jew ta' pjanti jew għal partijiet minnhom; jew

    (b)

    ir-reat kien kommess fi ħdan il-qafas ta' organizzazzjoni kriminali fis-sens ta' l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 98/733/ĠAI tal-21 ta' Diċembru 1998 dwar il-kriminalizzazzjoni tal-parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea (4), irrispettivament mil-livell tal-piena msemmija f'dik l-Azzjoni Konġunta.

    6.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li r-reat imsemmi fl-Artikolu 2, meta kommess b'nuqqas serju ta' diliġenza, ikun punibbli b'massimu ta' mill-inqas bejn sentejn u ħames snin priġunerija fejn ir-reat ikkawża ħsara sinifikattiva u estiża għall-kwalità ta' l-ilma, għal speċi ta' annimali jew ta' pjanti jew għal partijiet minnhom u l-mewt jew korriment serju ta' persuni.

    7.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li r-reat imsemmi fl-Artikolu 2, meta kommess b'nuqqas serju ta' diliġenza, ikun punibbli b'massimu ta' mill-inqas bejn sena u tliet snin priġunerija fejn ir-reat ikkawża ħsara sinifikattiva u estiża għall-kwalità ta' l-ilma, għal speċi ta' annimali jew ta' pjanti jew għal partijiet minnhom.

    8.   Fir-rigward ta' pieni detentivi, dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-liġi internazzjonali u b'mod partikolari għall-Artikolu 230 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar.

    Artikolu 5

    Responsabbiltà ta' persuni ġuridiċi

    1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għar-reati imsemmija fl-Artikoli 2 u 3, kommessi għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna, kemm jekk taġixxi waħedha jew bħala parti minn organu tal-persuna ġuridika, li jkollha posizzjoni ta' tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika, ibbażata fuq:

    (a)

    setgħa ta' rappreżentanza tal-persuna ġuridika, jew

    (b)

    awtorità li tieħu deċiżjonijiet f'isem il-persuna ġuridika, jew

    (ċ)

    awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

    2.   Minbarra l-każijiet previsti fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li persuna ġuridika tista' tinżamm responsabbli fejn nuqqas ta' sorveljanza jew ta' kontroll minn persuna msemmija fil-paragrafu 1 għamlet possibbli t-twettiq tar-reat imsemmi fl-Artikolu 2 għall-benefiċċju tal-persuna ġuridika minn persuna taħt l-awtorità tagħha.

    3.   Ir-responsabbiltà ta' persuna ġuridika taħt il-paragrafi 1 u 2 ma għandhiex teskludi proċedimenti kriminali kontra persuni fiżiċi li jkunu involuti bħala l-awturi, istigaturi jew kompliċi fir-reati msemmija fl-Artikoli 2 u 3.

    Artikolu 6

    Pieni kontra persuni ġuridiċi

    1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li persuna ġuridika miżmuma responsabbli skond l-Artikolu 5(1) tkun punibbli b'penali effettivi, proporzjonati u dissważivi. Il-penali:

    (a)

    għandhom jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali, li, mill-inqas fil-każijiet fejn il-persuna ġuridika tinżamm responsabbli għar-reati msemmija fl-Artikolu 2, ikunu:

    (i)

    ta' massimu ta' mill-inqas bejn EUR 150 000 u EUR 300 000 ;

    (ii)

    ta' massimu ta' mill-inqas bejn EUR 750 000 u EUR 1 500 000 fil-każijiet l-iżjed serji, inklużi almenu r-reati kommessi bil-ħsieb koperti bl-Artikolu 4(4) u (5).

    (b)

    jistgħu, għall-każijiet kollha, jinkludu penali differenti minn multi, bħal:

    (i)

    l-esklużjoni mid-dritt għal benefiċċji pubbliċi jew għajnuna pubblika;

    (ii)

    l-iskwalifika temporanja jew permanenti mill-eżerċizzju ta' attivitajiet kummerċjali;

    (iii)

    it-tqegħid taħt is-sorveljanza tal-qorti;

    (iv)

    l-ordni ġudizzjarja ta' stralċ;

    (v)

    l-obbligu ta' l-adozzjoni ta' miżuri speċifiċi sabiex jiġu eliminati l-konsegwenzi tar-reat li wassal għar-responsabbiltà tal-persuna ġuridika.

    2.   Għall-finijiet ta' l-implementazzjoni tal-paragrafu 1, il-punt (a), u mingħajr preġudizzju għall-ewwel sentenza tal-paragrafu 1, l-Istati Membri li fihom ma ġiex adottat l-Euro, għandhom japplikaw ir-rata tal-kambju bejn l-Euro u l-munita tagħhom kif pubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Lulju 2005.

    3.   Stat Membru jista' jimplementa l-paragrafu 1(a) billi japplika sistema li permezz tagħha l-multa tkun proporzjonata għat-ternover tal-persuna ġuridika, għall-vantaġġ finanzjarju miksub jew prospettat mit-twettiq tar-reat, jew ma' kwalunkwe valur ieħor li jindika s-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuna ġuridika, sakemm tali sistema tippermetti multi massimi, li jkunu almenu ekwivalenti għall-minimu fir-rigward tal-multi massimi stabbiliti fil-paragrafu 1(a).

    4.   Stat Membru li jimplementa d-Deċiżjoni Kwadru skond il-paragrafu 3 għandu jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni li huwa jkun bi ħsiebu jagħmel dan.

    5.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li persuna ġuridika miżmuma responsabbli skond l-Artikolu 5(2) tkun punibbli b'penali jew miżuri effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    Artikolu 7

    Ġurisdizzjoni

    1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu, sakemm ikun permess mil-liġi internazzjonali, fir-rigward tar-reati imsemmija fl-Artikoli 2 u 3 fejn ir-reat ġie kommess:

    (a)

    għal kollox jew in parti fit-territorju tiegħu;

    (b)

    fiż-żona ekonomika esklussiva tiegħu jew f'żona ekwivalenti stabbilita skond il-liġi internazzjonali;

    (ċ)

    abbord bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu;

    (d)

    minn wieħed miċ-ċittadini tiegħu jekk ir-reat ikun punibbli taħt il-liġi kriminali fejn ġie kommess jew jekk il-post fejn ġie kommess ma jaqa' taħt l-ebda ġurisdizzjoni territorjali;

    (e)

    għall-benefiċċju ta' persuna ġuridika li jkollha uffiċċju reġistrat fit-territorju tiegħu;

    (f)

    barra mit-territorju tiegħu iżda r-reat ikkawża jew x'aktarx jikkawża tniġġiż fit-territorju tiegħu jew fiż-żona ekonomika tiegħu, u l-bastiment qiegħed volontarjament f'port jew f' offshore terminal ta' l-Istat Membru; jew

    (g)

    f'ibħra mhux territorjali, u l-bastiment qiegħed volontarjament f'port jew f' offshore terminal ta' l-Istat Membru.

    2.   Kull Stat Membru jista' jiddeċiedi li ma japplikax, jew li japplika biss f'każijiet jew ċirkostanzi speċifiċi, ir-regoli ġurisdizzjonali disposti:

    (a)

    fil-paragrafu 1(d);

    (b)

    fil-paragrafu 1(e).

    3.   L-Istati Membri għandhom jinformaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill skond kif ikun meħtieġ fejn jiddeċiedu li japplikaw il-paragrafu 2, fejn ikun il-każ b'indikazzjoni tal-każijiet jew ċirkostanzi speċifiċi li fihom tapplika d-deċiżjoni.

    4.   Meta reat ikun suġġett għall-ġurisdizzjoni ta' iżjed minn Stat Membru wieħed, l-Istat Membri interessati għandhom jagħmlu dak li jistgħu sabiex jikkordinaw l-azzjonijiet tagħhom adegwatament, b'mod partikolari fir-rigward tal-kondizzjonijiet għall-prosekuzzjoni u ta' l-arranġamenti dettaljati għall-assistenza reċiproka.

    5.   Għandu jittieħed kont tal-fatturi ta' konnessjoni li ġejjin:

    (a)

    l-Istat Membru li fit-territorju, żona ekonomika esklussiva jew żona ekwivalenti tiegħu ġie kommess ir-reat;

    (b)

    l-Istat Membru li fit-territorju, żona ekonomika esklussiva jew żona ekwivalenti tiegħu jinħassu l-effetti tar-reat;

    (ċ)

    l-Istat Membru li fit-territorju, żona ekonomika esklussiva jew żona ekwivalenti tiegħu jinsab fi transitu bastiment li minnu ġie kommess ir-reat;

    (d)

    l-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin jew resident l-awtur tar-reat;

    (e)

    l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-persuna ġuridika li f'isimha ġie kommess ir-reat għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha;

    (f)

    l-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment li minnu ġie kommess ir-reat.

    6.   Għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, it-territorju jinkludi ż-żona msemmija fl-Artikolu 3(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2005/35/KE.

    Artikolu 8

    Notifika ta' informazzjoni

    1.   Fejn Stat Membru jiġi informat dwar it-twettiq ta' reat li għalih japplika l-Artikolu 2 jew dwar ir-riskju tat-twettiq ta' tali reat li jikkawża jew x'aktarx jikkawża tniġġiż imminenti, dan għandu jinforma minnufih lil dawk l-Istati Membri l-oħra li probabbilment ikunu esposti għal din il-ħsara, u lill-Kummissjoni.

    2.   Fejn Stat Membru jiġi informat dwar it-twettiq ta' reat li għalih japplika l-Artikolu 2 jew dwar ir-riskju tat-twettiq ta' tali reat li probabbilment jaqa' fil-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru, dan għandu jinforma minnufih lil dak l-Istat Membru l-ieħor.

    3.   L-Istati Membri għandhom mingħajr dewmien jinnotifikaw lill-Istat tal-bandiera jew lil kwalunkwe Stat ieħor konċernat dwar il-miżuri meħuda skond din id-Deċiżjoni Kwadru, u b'mod partikolari skond l-Artikolu 7.

    Artikolu 9

    Nominazzjoni ta' punti ta' kuntatt

    1.   Kull Stat Membru għandu jinnomina punti ta' kuntatt eżistenti, jew, jekk meħtieġ, jistitwixxi punti ta' kuntatt ġodda, b'mod partikolari għall-iskambju ta' informazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 8.

    2.   Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni liema mid-dipartmenti tiegħu jaġixxi jew jaġixxu bħala punti ta' kuntatt skond il-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri l-oħra dwar dawn il-punti ta' kuntatt.

    Artikolu 10

    Ambitu ta' applikazzjoni territorjali

    Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha jkollha l-istess ambitu ta' applikazzjoni territorjali bħad-Direttiva 2005/35/KE.

    Artikolu 11

    Implementazzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw mad-disposizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni Kwadru sat-12 ta' Jannar 2007.

    2.   Sat-12 ta' Jannar 2007, l-Istati Membri għandhom jittrasmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-testi tad-disposizzjonijiet li jittrasponu fil-liġijiet nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom minn din id-Deċiżjoni Kwadru. Abbażi ta' dik l-informazzjoni u ta' rapport bil-miktub mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu, sa mhux aktar tard mit-12 ta' Jannar 2009, jikkunsidra safejn l-Istati Membri ikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni Kwadru.

    3.   Sat-12 ta' Jannar 2012, il-Kummissjoni għandha, abbażi ta' l-informazzjoni fornita mill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni prattika tad-disposizzjonijiet li jimplementaw din id-Deċiżjoni Kwadru, tippreżenta rapport lill-Kunsill u tagħmel kwalunkwe proposti li tqis opportuni, li jistgħu jinkludu proposti li l-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta' reati kommessi fil-baħar territorjali tagħhom jew fiż-żona ekonomika esklussiva jew żona ekwivalenti tagħhom, jikkunsidraw bastiment li jtajjar bandiera ta' Stat Membru ieħor bħala bastiment li ma jkunx barrani skond it-tifsira ta' l-Artikolu 230 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar.

    Artikolu 12

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, tat-12 ta' Lulju 2005.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. BROWN


    (1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Jannar 2004 (ĠU C 92, tas-16 ta' April 2004, p. 19).

    (2)  ĠU C 19, tat-23.1.1999, p. 1.

    (3)  Ara p. 11 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (4)  ĠU L 351, tad-29.12.1998, p. 1.


    Top