Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0729

    Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 7 ta' Ġunju 2005 li tabroga d-Deċiżjoni 2005/136/KE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fl-Olanda

    ĠU L 274, 20.10.2005, p. 89–90 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 173M, 27.6.2006, p. 26–27 (MT)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/729/oj

    27.6.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    26


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tas-7 ta' Ġunju 2005

    li tabroga d-Deċiżjoni 2005/136/KE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fl-Olanda

    (2005/729/KE)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 104(12) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

    (1)

    Permezz tad-Deċiżjoni 2005/136/KE (1) wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 104(6) tat-Trattat, il-Kunsill iddeċieda li kien jeżisti defiċit eċċessiv fl-Olanda.

    (2)

    Skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat, il-Kunsill għamel Rakkomandazzjoni fit-2 ta' Ġunju 2004 indirizzata lill-Olanda bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv. Din ir-Rakkomandazzjoni, flimkien ma’ l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tħaffif u l-iċċarar ta’ l-implimentazzjoni tal-proċedura tad-defiċit eċċessiv (2), stabbilixxiet l-2005 bħala skadenza biex jiġi korrett id-defiċit eċċessiv.

    (3)

    Skond l-Artikolu 104(12) tat-Trattat, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandha tiġi abrogata meta fil-fehma tal-Kunsill id-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru konċernat ikun ġie korrett.

    (4)

    Id-definizzjonijiet ta’ “gvern” u “defiċit” huma stabbiliti fil-Protokoll dwar il-proċedura tad-defiċit eċċessiv b’referenza għas-Sistema Ewropea ta' Kontabbiltà Ekonomika Integrata, it-tieni edizzjoni. Id-data għall-proċedura tad-defiċit eċċessiv hija provduta mill-Kummissjoni.

    (5)

    Abbażi tad-data provduta mill-Kummissjoni wara rappurtar mill-Olanda qabel l-1 ta’ Marzu 2004 skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 3605/93 tat-22 ta’ Novembru 1993 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tad-defiċit eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (3), dwar ir-rappurtar ulterjuri tal-kontijiet ġenerali riveduti tal-gvern lill-Eurostat fil-31 ta' Marzu 2005, u fuq it-tbassir tar-Rebbiegħa 2005 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġustifikati:

    Id-defiċit ġenerali tal-gvern huwa stmat għal 2,3 % tal-GDP fl-2004, imqabbel ma’ 3.2 % fl-2003. Ir-riżultat għall-2004 huwa konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill maħruġa taħt l-Artikolu 104(7) tat-Trattat, b’mod partikolari fir-rigward tat-tnaqqis tad-defiċit tal-gvern taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-GDP sa mhux aktar tard mill-2005. Fl-2004 sar aġġustament fiskali fil-forma ta' miżuri sostanzjali tat-tfaddil, parzjalment fil-budget ta' l-2004 u parzjalment deċiż fil-pakkett addizzjonali ta' konsolidazzjoni fl-14 ta'April 2004. Barra dan, rċevuti tat-taxxa aħjar milli mistenni u dħul ulterjuri mill-bejgħ ta' gas naturali b' kawża ta' l-għoli tal-prezzijiet taż-żejt għen biex jitnaqqas id-defiċit.

    Il-miżuri tal-budget meħuda kienu mmirati lejn riassigurazzjoni ta' żvilupp dejjiemi fil-bilanċ ġenerali tal-gvern. Għall-2005, it-tbassir tar-Rebbiegħa tal-2005 tas-Servizzi tal-Kummissjoni jipprevedi tnaqqis fid-defiċit ġenerali tal-gvern għal 2,0 % tal-GDP, l-iktar minħabba miżuri ta' tfaddil, il-parti l-kbira tagħhom ta' natura strutturali, li jammontaw għal 0,5 % tal-GDP. Dan hu konformi mal-mira uffiċjali ta' defiċit ta' 2,1 % tal-GDP. Għall-2006, it-tbassir għar-Rebbiegħa tal-2005 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprevedi, abbażi tal-linji politiċi attwalment magħrufa, tnaqqis ieħor fid-defiċit għal 1,6 % tal-GDP, immirata lejn korrezzjoni dejjiema tad-defiċit tal-budget.

    Il-konsolidazzjoni tal-budget tkun sostnuta permezz ta' tnaqqis fid-defiċit aġġustat ċiklikament li hu mistenni jilħaq qrib il-bilanċ wara li d-defiċit eċċessiv ikun ġie korrett. Fl-2004, id-defiċit ċiklikament aġġustat waqa' notevolment għal 1,2 % tal-GDP, meta mqabbel ma' 2,0 % tal-GDP fl-2003. It-tbassir tar-Rebbiegħa tal-2005 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprevedi li d-defiċit eċċessiv aġġustat ikompli jonqos għal 0,8 % oħra tal-GDP fl-2005, għal 0,4 % tal-GDP li hu qrib tal-bilanċ, u li jaqa' għal 0,0 % tal-GDP fl-2006.

    Skond in-notifika tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv f'Marzu 2005, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern inżamm taħt il-valur referenzjali ta' 60 % tal-GDP fl-2004. It-tbassir tar-Rebbiegħa 2004 tas-servizzi tal-Kummissjoni jippreveduh li jibqa' taħt dan il-livell fl-2005 u l-2006.

    (6)

    Id-Deċiżjoni 2005/136/KE għandha għalhekk tiġi abrogata,

    ADOTTA DIN ID-DECIZJONI:

    Artikolu 1

    Minn valutazzjoni ġenerali jirriżulta li l-korrezzjoni tas-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv fl-Olanda ġiet kompletata fl-2004, taħt it-termini tar-rakkomandazzjoni indirizzata lill-Olanda fit-2 ta’ Ġunju 2004 skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat.

    Artikolu 2

    Id-Deċiżjoni 2005/136/KE hija b'dan abrogata.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ l-Olanda.

    Magħmula fil-Lussemburgu, 7 ta' Ġunju 2005.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J.-C. JUNCKER


    (1)  ĠU L 47, 18.2.2005, p.26.

    (2)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

    (3)  ĠU L 332, 31.12.1993, p. 7. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 351/2002 (ĠU L 55, 26.2.2002, p. 23).


    Top