Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0395

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/395/PESK ta' l- 10 ta' Mejju 2005 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/80/PESK dwar l-istabbiliment tal-Persunal Militari ta' l-Unjoni Ewropea

    ĠU L 132, 26.5.2005, p. 17–24 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 56–63 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/395/oj

    16.6.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    56


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2005/395/PESK

    ta' l-10 ta' Mejju 2005

    li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/80/PESK dwar l-istabbiliment tal-Persunal Militari ta' l-Unjoni Ewropea

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-organizzazzjoni u l-istruttura attwali tal-Persunal Militari ta' l-Unjoni Ewropea (EUMS) ma jieħdux kont ta' uħud mill-kompiti ġodda tagħha.

    (2)

    Barra minn hekk, fir-rigward tat-tmexxija ta' operazzjonijiet militari awtonomi, f'ċerti ċirkostanzi l-Kunsill jista' jiddeċiedi, fuq il-parir tal-Kumitat Militari ta' l-UE, li jagħmel użu mill-kapaċità kollettiva tal-EUMS, partikolarment fejn rispons ċivil militari konġunt huwa meħtieġ u fejn mhu identifikat l-ebda Kwartier nazzjonali.

    (3)

    Bħala riżultat, hu meħtieġ li jiġu emendati l-mandat u l-organizzazzjoni tal-EUMS.

    (4)

    Fit-12 ta' April 2005 il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà rrakkomanda li l-mandat u organizzazzjoni tal-EUMS jiġu emendati.

    (5)

    Għaldaqstant, id-Deċiżjoni 2001/80/PESK (1) għandha tiġi emendata,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2001/80/PESK hi emendata kif ġej:

    1.

    L-Artikolu 2 huwa mibdul b’dan li ġej:

    “Artikolu 2

    Il-mandat u l-organizzazzjoni tal-Persunal Militari ta' l-Unjoni Ewropea huma definiti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.”

    .

    2.

    L-Artikolu 4 huwa mibdul b’dan li ġej:

    “Artikolu 4

    Membri tal-Persunal Militari ta' l-Unjoni Ewropea għandhom ikunu soġġetti għal regoli stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/479/KE tas-16 ta' Ġunju 2003 dwar ir-regoli applikabbli għal esperti nazzjonali u persunal militari sekondat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (*).

    (*)  ĠU L 160, 28.6.2003, p. 72”."

    3.

    L-Anness għad-Deċiżjoni 2001/80/PESK hu mibdul bit-test fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussel, il-10 ta' Mejju 2005.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. KRECKÉ


    (1)  ĠU L 27, 30.1.2001, p. 7.


    ANNESS

    MANDAT U ORGANIZZAZZJONI TAL-PERSUNAL MILITARI TA' L-UNJONI EWROPEA (EUMS)

    1.   Introduzzjoni

    F'Helsinki, l-Istati Membri ta' l-UE ddeċidew li jistabbilixxu fi ħdan il-Kunsill, korpi militari u politiċi ġodda u permanenti, li jippermettu lill-UE tassumi r-responsabbiltajiet tagħha għall-medda sħiħa ta' prevenzjoni ta' konflitti u kompiti ta' maniġġar ta' kriżijiet kif definiti fit-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea (TUE). Kif previst fir-rapport ta' Helsinki, l-EUMS, “fi ħdan l-istrutturi tal-Kunsill tipprovdi kompetenza militari u appoġġ lis-CESDP, inkluża t-tmexxija ta' operazzjonijiet militari tal-maniġġar ta' kriżijiet immexxija mill-UE”.

    Waqt il-laqgħa tiegħu tat-12 u t-13 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew laqa' d-dokument intitolat “Difiża Ewropea, konsultazzjonijiet NATO/UE, ippjanar u operazzjonijiet”. Fis-16 u s-17 ta' Diċembru 2004 l-Kunsill Ewropew approva l-proposti dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dan id-dokument. Il-mandat tal-EUMS huwa definit kif ġej:

    2.   Missjoni

    Il-Persunal Militari għandu jwettaq twissija minn kmieni, valutazzjoni tas-sitwazzjoni u pjanar strateġiku għall-missjonijiet u l-kompiti previsti taħt l-Artikolu 17.2 tat-TUE, inklużi dawk identifikati fl-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà. Din tinkludi wkoll l-identifikazzjoni tal-forzi nazzjonali u multinazzjonali Ewropej u sabiex jiġu implimentati l-politika u d-deċiżjonijiet kif imfassla mill-Kumitat Militari ta' l-Unjoni Ewropea (EUMC).

    3.   Rwol

    Huwa l-fonti tal-kompetenza militari ta' l-UE;

    Huwa jassigura l-konnessjoni bejn l-EUMC min-naħa l-waħda u r-riżorsi militari disponibbli għall-UE min-naħa l-oħra, u jipprovdi kompetenza militari lill-korpi ta' l-UE skond id-direttivi mill-EUMC;

    Huwa jwettaq tliet funzjonijiet operattivi prinċipali: twissija minn kmieni, valutazzjoni tas-sitwazzjoni u pjanar strateġiku;

    Huwa jipprovdi kapaċità ta' twissija minn kmieni. Huwa jippjana, jivvaluta u jagħmel rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-kunċett ta' maniġġar ta' kriżijiet u l-istrateġija militari ġenerali u jimplimenta d-deċiżjonijiet u d-direttivi ta' l-EUMC;

    Huwa jagħti appoġġ lill-EUMC fir-rigward tal-valutazzjoni tas-sitwazzjoni u l-aspetti militari ta' l-ippjanar strateġiku (1), fuq il-medda kollha ta' missjonijiet u kompiti previsti fl-Artikolu 17.2 tat-TUE, inklużi dawk identifikati fl-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà, għall-każijiet kollha ta' operazzjonijiet immexxija mill-UE, kemm jekk l-UE tieħu mill-assi u l-kapaċitajiet tan-NATO u wkoll jekk le.

    Huwa jagħti appoġġ (fuq talba tal-SĠ/RG jew tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurta' (PSC)) lil missjonijiet temporanji għal pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, sabiex jipprovdi kif meħtieġ konsulenza u assistenza dwar aspetti militari tal-prevenzjoni ta' konflitti, maniġġar ta' kriżijiet u stabbilizzazzjoni wara l-kunflitt;

    Huwa jikkontribwixxi għall-proċess ta' elaborazzjoni, valutazzjoni u reviżjoni ta' miri ta' kapaċità li b'kont meħud tal-ħtieġa, għal dawk l-Istati Membri konċernati, li tiġi żgurata koerenza mal-Proċess ta' Pjanar għad-Difiża (DPP) tan-NATO u l-Proċess ta' Pjanar u Reviżjoni (PARP) tas-Sħubija għall-Paċi (PfP) skond proċeduri miftiehma.

    Huwa jaħdem f'kordinazzjoni mill-qrib ma' l-Aġenzija tad-Difiża Ewropea;

    Huwa għandu r-responsabbiltà li jagħmel monitoraġġ, jivvaluta u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar il-forzi u l-kapaċitajiet magħmula disponibbli għall-UE mill-Istati Membri, dwar taħriġ, eżerċizzji u interoperabbiltà;

    Huwa jżomm il-kapaċità biex jirrinforza l-HQ nazzjonali magħżul biex imexxi operazzjoni awtonoma ta' l-UE, primarjament permezz ta' Ċellula Ċiv/Mil;

    Huwa għandu r-responsabbiltà permezz taċ-Ċellula Ċiv/Mil, li jiġġenera l-kapaċità li jippjana u jmexxi operazzjoni militari awtonoma ta' l-UE, u jżomm il-kapaċità fi ħdan l-EUMS, li jistabbilixxi malajr ċentru ta' operazzjoni għal operazzjonijiet speċifika, partikolarment fejn rispons ċivil/militari konġunt huwa meħtieġ u fejn mhu identifikat l-ebda kwartier nazzjonali, ladarba deċiżjoni dwar tali operazzjoni ittieħdet mill-Kunsill, fuq parir ta' l-EUMC.

    4.   Kompiti

    Huwa jipprovdi kompeteza militari lis-Segretarju-Ġenerali/Rappreżentant Għoli u lill-korpi tal-UE, taħt id-direzzjoni ta' l-EUMC;

    Huwa jagħmel monitoraġġ tal-kriżijiet potenzjali billi jafda fuq kapaċitajiet ta' tagħrif sigriet nazzjonali u multinazzjonali xierqa;

    Huwa jforni ċ-Ċentru tas-Sitwazzjoni b' informazzjoni militari u jirċievi l-kontribut tiegħu;

    Huwa jwettaq l-aspetti militari ta' pjanar strateġiku bil-quddiem;

    Huwa jidentifika u jelenka l-forzi nazzjonali u multinazzjonali Ewropej għal operazzjonijiet immexxija mill-UE kordinati man-NATO;

    Huwa jikkontribwixxi għall-iżvilupp u t-tħejjija (inklużi taħriġ u eżerċizzji) ta' forzi nazzjonali u multinazzjonali magħmula disponibbli mill-Istati Membri lill-UE. Il-modalitajiet tar-relazzjoni man-NATO huma definiti fid-dokumenti rilevanti;

    Huwa jorganizza u jikkoordina l-proċeduri ma' HQs nazzjonali u multinazzjonali inklużi dawk l-HQs tan-NATO disponibbli għall-UE, biex tiġi żgurata, safejn possibbli, il-kompatibbilità mal-proċeduri tan-NATO;

    Huwa jikkontribwixxi lejn l-aspetti militari tad-dimensjoni tal-PESD tal-ġlieda kontra t-terroriżmu;

    Huwa jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' kunċetti, duttrina, pjanijiet u proċeduri għall-użu ta' assi u kapaċitajiet militari għal operazzjonijiet ta' maniġġar ta' konsegwenzi ta' diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem;

    Huwa jipprogramma, jippjana, imexxi u jivvaluta l-aspetti militari tal-proċeduri ta' maniġġar ta' kriżijiet ta' l-UE, inkluż l-eżerċizzju tal-proċeduri UE/NATO;

    Huwa jipparteċipa fl-estimi finanzjarji ta' operazzjonijiet u eżerċizzji;

    Huwa jagħmel kollegament ma' l-HQs nazzjonali u l-HQs multinazzjonali tal-forzi multinazzjonali;

    Huwa jistabbilixxi relazzjonijiet permanenti man-NATO skond l-“Arranġamenti permanenti UE/NATO”;

    Huwa jospita Grupp ta' Kollegament man-NATO fl-EUMS u jżomm Ċellola ta' l-UE f' SHAPE skond ir-Rapport tal-Presidenza dwar l-ESDP adottat mill-Kunsill fit-13 ta' Diċembru 2004;

    Huwa jistabbilixxi relazzjonijiet adatti ma' korrispondenti identifikati fin-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, inklużi l-OSCE u l-AU, soġġett għal qbil minn dawn l-organizzazzjonijiet;

    Huwa jikkontribwixxi għall-proċess meħtieġ ta' tagħlim miksub mill-esperjenza;

    Kompiti mwettqa permezz taċ-Ċellula Ċiv/Mil:

    Iwettaq ippjanar strateġiku ta' kontinġenza fuq l-inizzjattiva tal-SĠ/RGH jew il-PSC;

    Jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' korp ta' duttrina/kunċetti, permezz ta' tagħlim miksub minn operazzjonijiet u eżerċizzji ċivili/militari;

    Jipprepara kunċetti u proċeduri għaċ-Ċentru Operattiv ta' l-UE u jiżgura d-disponibbilità u l-prontezza tal-persunal, il-faċilitajiet u t-tagħmir taċ-ċentru operattiv għal operazzjonijiet, eżerċizzji u taħriġ;

    Iwettaq manutenzjoni, jaġġorna u jissostitwixxi t-tagħmir taċ-Ċentru Operattiv ta' l-UE u jwettaq manutensjoni tal-bini.

    a)   Kompiti addizjonali f'sitwazzjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet

    Huwa jitlob u jipproċessa informazzjoni speċifika mill-organizzazzjonijiet ta' tagħrif sigriet u informazzjoni rilevanti oħra mis-sorsi kollha disponibbli;

    Huwa jappoġġa lill-EUMC fil-kontributi tiegħu għal Gwida dwar Ippjanar Inizzjali u Direttivi ta' Pjanar tal-PSC;

    Huwa jiżviluppa u jagħti l-prijoritajiet ta' l-għażliet strateġiċi militari bħala l-bażi għall- konsulenza militari ta' l-EUMC lill-PSC permezz ta':

    definizzjoni ta' għażliet inizjali ġenerali;

    użu kif xieraq ta' l-appoġġ għall-ippjanar minn sorsi esterni li janalizzaw u jiżviluppaw iktar dawn l-għażliet f'iktar dettall;

    valutazzjoni tar-riżultati ta' dan ix-xogħol iktar dettaljat u l-kummissjoni ta' xogħol ieħor li jista' jkun meħtieġ;

    preżentazzjoni ta' stima ġenerali, b'indikazzjoni ta' prijoritajiet u rakkomadazzjonijiet kif meħtieġ, lill-EUMC;

    Huwa jidentifika f' kordinazzjoni ma' persunal ta' pjanar nazzjonali u, skond il-ħtieġa, in-NATO, il-forzi li jistgħu jipparteċipaw f'operazzjonijiet possibbli mmexxija mill-UE;

    Huwa jassisti lill-kmandant ta' l-operazzjoni fi skambji tekniċi ma' pajjiżi terzi li joffru kontributi militari lil operazzjoni mmexxija mill-UE, u fit-tħejjija tal-konferenza tal-ġenerazzjoni ta' forza;

    Huwa jkompli jagħmel monitoraġġ ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi;

    Kompiti mwettqa permezz taċ-Ċellula Ċiv/Mil:

    Fuq talba mid-DGE lid-DGEUMS, jipprovdi assistenza lill-ippjanar strateġiku politiku-militari ta' rispons għal kriżijiet immwettaq taħt ir-responsabbiltà tad-DGE (tħejjija ta' CMC, azzjoni konġunta…);

    Jikkontribwixxi għall-ippjanar strateġiku ta' rispons għal kriżi għal operazzjonijiet ċivili/militari konġunti permezz ta' żvilupp ta' għażliet strateġiċi kif previsti fi proċeduri ta' mmaniġġar ta' kriżijiet. Dan l-ippjanar jaqa' taħt ir-responsabbiltà diretta tad-DGEUMS u d-DGE u l-awtorità ġenerali tas-SĠ/RGħ;

    Fuq talba mid-DGE lid-DGEUMS, jipprovdi assistenza, lill-ippjanar strateġiku ċivili ta' rispons għal kriżijiet mwettaq taħt ir-responsabbiltà tad-DGE (tħejjija ta' PSO, CSO, eċċ.).

    b)   Kompiti addizzjonali tul l-operazzjonijiet

    L-EUMS, li jaġixxi taħt id-direzzjoni ta' l-EUMS, jagħmel monitoraġġ kontinwu ta' l-aspetti militari kollha ta' l-operazzjonijiet. Huwa jmexxi analiżi strateġika f'kollegament mal-kmandant ta' l-operazzjoni magħżul sabiex jingħata appoġġ lill-EUMC fir-rwol konsultattiv tiegħu lill-PSC inkarigat mid-direzzjoni strateġika;

    Fid-dawl ta' żviluppi politiċi u operattivi, huwa jipprovdi għażliet ġodda għall-EUMC bħala bażi għall-konsulenza militari ta' l-EUMC lill-PSC;

    Huwa jikkontribwixxi għan-nukleu ċentrali rinforzat, u għal żieda ulterjuri, kif meħtieġ, taċ-Ċentru Operattiv ta' l-UE;

    Kompiti mwettqa taċ-Ċellula Ċiv/Mil:

    Jipprovdi n-nukleu ċentrali permanenti taċ-Ċentru Operattiv ta' l-UE;

    Huwa jassisti fil-koordinazzjoni ta' operazzjonijiet ċivili. Tali operazzjonijiet huma mwettqa taħt l-awtorità tad-DGE. Jjassisti fl-ippjanar, appoġġ (inkluż l-użu possibbli ta' mezzi militari) u t-tmexxija ta' operazzjonijiet ċivili (il-livell strateġiku jibqa' mad-DGE).

    5.   Organizzazzjoni

    L-EUMS taħdem taħt id-direzzjoni militari ta' l-EUMC, li lilu jirrapporta;

    L-EUMS hu dipartiment tas-Segretarjat tal-Kunsill marbut direttament mas-SĠ/RGħ u jaħdem f'kooperazzjoni stretta ma' dipartimenti oħrajn tas-Segretarjat tal-Kunsill;

    L-EUMS hu mmexxi mid-DGEUMS, uffiċjal ta' l-ammirall ta' 3-stilel;

    Huwa magħmul minn persunal sekondat mill-Istati Membri li jaġixxu f'kapaċità internazzjonali, skond ir-regoli applikabbli għall-esperti nazzjonali u l-persunal militari sekondat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, kif ukoll ħaddiema taċ-ċivil sekondati mil-SĊK u mill-Kummissjoni. Bil-għan li jitjieb il-proċess selettiv ta' l-EUMS, l-Istati Membri huma mħeġġa li jippreżentaw iktar minn kandidat wieħed għal kull post li qed japplikaw għalih.

    Sabiex ikun jista' jlaħħaq mal-firxa kollha ta' missjonijiet u kompiti l-EUMS hu organizzat kif imniżżel fl-Appendiċi;

    F'sitwazzjonijiet jew eżerċizzju ta' maniġġar ta' kriżijiet, l-EUMS tista' tistabbilixxi Gruppi ta' Azzjoni fi Kriżi (CAT) li jużaw mill-kompetenza, il-persunal u l-infrastruttura tiegħu. Barra minn dan, huwa jista', jekk meħtieġ, jitlob permezz ta' l-EUMC persunal għal żieda temporanja mill-Istati Membri ta' l-UE.

    Il-missjoni, il-funzjoni u l-organizzazzjoni taċ-Ċellula Ċiv/Mil, kif ukoll il-konfigurazzjoni taċ-ċentru operattiv ġew approvati mill-Kunsill fit-13 ta' Diċembru u approvati mill-Kunsill Ewropew fis-16 - 17 ta' Diċembru 2004. L-EUMC jipprovdi gwida permezz tad-DGEUMS, dwar l-attivitajiet militari mwettqa permezz taċ-Ċellula Ċiv/Mil. Kontributi permezz taċ-Ċellula għal aspetti ċivili dwar maniġġar ta' kriżijiet jibqgħu taħt ir-responsabbiltà funzjonali tad-DGE. Rappurtar dwar dawn l-attivitajiet lis-CIVCOM isiru skond proċeduri stabbiliti dwar l-aspetti ċivili ta' maniġġar ta' kriżijiet.

    6.   Relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi

    Ir-relazzjonijiet bejn l-EUMS, u l-membri Ewropej tan-NATO li mhumiex fl-UE, stati terzi oħrajn, il-kandidati għall-adeżjoni fl-UE, huma definiti fid-dokumenti rilevanti dwar ir-relazzjonijiet ta' l-UE ma' pajjiżi terzi.


    (1)  Definizzjonijiet preliminari:

    Ippjanar strateġiku

    :

    attivitajiet ta' ppjanar li jibdew malli titfaċċa kriżi u jintemmu meta l-awtoritajiet politiċi ta' l-UE japprovaw għażla strateġika militari jew sett ta' għażliet strateġiċi militari. Il-proċess strateġiku jinkludi valutazzjoni tas-sitwazzjoni militari, definizzjoni ta' qafas POL/MIL u żvilupp ta' għażliet strateġiċi militari.

    Għażla strateġika militari

    :

    azzjoni militari possibbli mfassla biex jinkisbu l-objettivi POL/MIL imfissra fil-qafas POL/MIL. Għażla strateġika militari tiddeskrivi b'mod ġenerali s-soluzzjoni militari, ir-riżors meħtieġ u l-limitazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet dwar l-għażla tal-kmandant ta' l-operazzjonijiet u l-OHQ.

    APPENDIĊI

    ORGANIZZAZZJONI ĠENERALI TA' L-EUMS

    Image

    ABBREVJAZZJONIJIET

    A

    ACOS

    Assistent tal-Kap tal-Persunal

    ADMIN

    Fergħa ta' l-Amministrazzjoni

    C

    CEUMC

    President tal-Kumitat Militari ta' l-Unjoni Ewropea

    CIS

    Diviżjoni tas-Sistemi ta' Komunikazzjoni u Informazzjoni

    CIV/MIL

    Ċellula Ċivili/Militari

    CIVCOM

    Kumitat għal Aspetti Ċivili fil-Maniġġar ta' Kriżijiet

    CMC SPT

    Appoġġ lill-President tal-Kumitat Militari ta' l-Unjoni Ewropea

    CMSP

    Fergħa ta' l-Ippjanar Strateġiku Ċivili/Militari

    CONOPS

    Kunċett ta' Operazzjonijiet

    CRP/COP

    Pjanar ta' Rispons għal Kriżi/Fergħa ta' Operazzjonijiet Attwali

    D

    DDG/COS

    Deputat Direttur Ġenerali u Kap tal-Persunal tal-Persunal Militari ta' l-Unjoni Ewropea

    DGEUMS

    Direttur Ġenerali tal-Persunal Militari ta' l-Unjoni Ewropea

    DOC/CON

    Fergħa tad-Duttrina u l-Kunċetti

    E

    EUMC

    Kumitat Militari ta' l-Unjoni Ewropea

    EUMS

    Persunal Militari ta' l-Unjoni Ewropea

    EXE/TRG/ANL

    Fergħa ta' l-Eżerċizzji, it-Taħriġ u l-Analiżi

    EX OFFICE

    Uffiċċju Eżekuttiv

    F

    FOR/CAP

    Fergħa ta' l-Iżvilupp tal-Forza u l-Kapaċità

    I

    INT

    Diviżjoni tat-Tagħrif Sigriet

    INT POL

    Fergħa tal-Politika tat-Tagħrif Sigriet

    ITS

    Fergħa tat-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u s-Sigurtà

    L

    LEGAL

    Konsulent Legali

    LOG

    Fergħa tal-Loġistika

    LOG/RES

    Diviżjoni tal-Loġistika u r-Riżorsi

    O

    OCPS

    Persunal Permanenti taċ-Ċentru ta' l-Operazzjonijiet

    OHQ

    Kwartieri Ġenerali ta' l-Operazzjonijiet

    OPLAN

    Pjan ta' l-Operazzjonijiet

    OPSCEN

    Ċentre ta' l-Operazzjonijiet

    OPS/EXE

    Diviżjoni ta' l-Operazzjonijiet u l-Eżerċizzji

    P

    PERS

    Persunal Personali

    POL

    Fergħa tal-Politika

    POL/PLS

    Diviżjoni tal-Politika u l-Pjanijiet

    POL/REQ

    Fergħa tal-Politika u l-Ħtiġijiet

    PRD

    Fergħa tal-Produzzjoni

    R

    REQ

    Fergħa tal-Ħtiġijiet

    RES/SPT

    Fergħa ta' Appoġġ tar-Riżorsi

    U

    UN MLO

    Uffiċjal ta' Kollegament Militari tan-Nazzjonijiet Uniti


    Top