Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0343

    2005/343/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ 11 ta’ April 2005 li tistabbilixxi kriterji ekoloġiċi [u r-rekwiżiti relatati ta’ evalwazzjoni u verifika] għall-għoti tal-ekotikketta Komunitarja għall-kompjuters personali Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 115, 4.5.2005, p. 35–41 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 319M, 29.11.2008, p. 230–236 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 06/06/2011; Imħassar b' 32011D0330

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/343/oj

    29.11.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    230


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    ta’ 11 ta’ April 2005

    li tistabbilixxi kriterji ekoloġiċi [u r-rekwiżiti relatati ta’ evalwazzjoni u verifika] għall-għoti tal-ekotikketta Komunitarja għall-kompjuters personali

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    (2005/343/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 dwar skema riveduta tal-għoti tal-ekotikketta Komunitarja (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkonsultat mal-Bord tal-Ekotikkettjar tal-Unjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Skont ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000, l-ekotikketta Komunitarja tista’ tingħata lil prodott li jkollu karatteristiċi li jippermettulu li jikkontribwixxi b’mod sinifikattiv għal titjib f’aspetti fundamentali tal-ambjent.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 jipprovdi li xi kriterji speċifiċi tal-ekotikketti, magħmulin fuq il-bażi tal-kriterji mfassla mill-Bord tal-Ekotikkettjar tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu stabbiliti skont il-kategoriji tal-prodotti.

    (3)

    Jipprovdi wkoll illi l-eżami tal-kriterji tal-ekotikkettjar, kif ukoll tar-rekwiżiti ta’ evalwazzjoni u verifika marbutin ma’ dawn il-kriterji, għandu jsir sew qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ validità tal-kriterji speċifikati għall-kategorija ta’ prodotti kkonċernata.

    (4)

    Huwa xieraq, sabiex jiġu riflessi l-iżviluppi fis-suq, illi ssir reviżjoni tal-kriterji ekoloġiċi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/687/KE tat-28 ta’ Awwissu 2001 li tistabbilixxi kriterji ekoloġiċi għall-għoti ta' l-eko tikketta tal-Komunità għall-kompjuters portabbli (2).

    (5)

    Barra minn hekk, sabiex jiġi speċifikat illi s-servers huma esklużi, jeħtieġ li tiġi mmodifikata d-definizzjoni tal-kategorija ta’ prodotti stipulata f’dik id-Deċiżjoni.

    (6)

    Fl-interess taċ-ċarezza, id-Deċiżjoni 2001/687/KE għandha għalhekk tiġi sostitwita.

    (7)

    Il-kriterji ekoloġiċi riveduti għandhom jibqgħu validi għal perjodu ta’ erba’ snin.

    (8)

    Huwa xieraq li jitħalla perjodu transitorju ta’ mhux aktar minn tnax-il xahar għall- produtturi li l-prodotti tagħhom ingħataw l-ekotikketta qabel id-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni jew li applikaw għal din il-għotja qabel dik id-data, sabiex ikollhom żmien biżżejjed biex jadattaw il-prodotti tagħhom għall-kriterji l-ġodda.

    (9)

    Il-miżuri li tipprovdi din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf bis-saħħa tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1980/2000,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Sabiex tingħata l-ekotikketta Komunitarja għall-kompjuters portabbli, skont ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000, l-apparat jeħtieġ li jkun jagħmel parti mill-kategorija ta’ prodotti “kompjuters personali” u jrid jikkonforma mal-kriterji ekoloġiċi stipulati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Din il-kategorija ta’ prodotti għandha tinkludi wkoll system units, tastieri u displays maħsubin għall-użu ma’ kompjuters personali.

    Dan il-kategorija ta’ prodotti m’għandhiex tinkludi s-servers.

    Artikolu 2

    Il-kategorija ta’ prodotti “kompjuters personali” għandha tinkludi l-kompjuters maħsubin għall-użu f’post fiss, bħalma huwa fuq skrivanija, u jikkonsistu f’system unit u display, f’case wieħed jew le, kif ukoll tastiera.

    Artikolu 3

    Il-kriterji ekoloġiċi għall-kategorija ta’ prodotti “kompjuters personali”, kif ukoll dawk marbutin mal-kriterji tal-evalwazzjoni u l-verifika, għandhom jibqgħu validi sal-30 ta’ April 2009.

    Artikolu 4

    Għal finijiet amministrattivi, in-numru tal-kodiċi assenjat lill-kategorija ta’ prodotti “kompjuters personali” se jkun “018”.

    Artikolu 5

    Id-Deċiżjoni 2001/687/KE hija revokata.

    Artikolu 6

    L-ekotikketti mogħtijin qabel id-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni fir-rigward ta’ prodotti li jagħmlu parti mill-kategorija ta’ prodotti “kompjuters personali” jistgħu jibqgħu jintużaw sal-31 ta’ Marzu 2006.

    Jekk ikun hemm applikazzjonijiet sottomessi qabel id-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni għall-għoti tal-ekotikketta għal prodotti li jagħmlu parti mill-kategorija ta’ prodotti “kompjuters personali”, dawk il-prodotti jistgħu jingħataw l-ekotikketta bil-kondizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni 2001/687/KE. F’dawk il-każijiet, l-ekotikketta tista’ tibqa’ tintuża sal-31 ta’ Marzu 2006.

    Artikolu 7

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, 11 ta’ April 2005.

    Għall-Kummissjoni

    Stavros DIMAS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 237, 21.9.2000, p. 1.

    (2)  ĠU L 242, 12.9.2001, p. 11.


    ANNESS

    QAFAS

    Sabiex jikkwalifika għall-ekotikketta, kompjuter portabbli (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-prodott”) irid ikun jagħmel parti mill-kategorija ta’ prodotti kif definita fl-Artikolu 2, u jrid jikkonforma mal-kriterji segwenti misjubin f’dan l-Anness billi jsiru t-testijiet kif indikat fil-kriterji malli ssir l-applikazzjoni. L-ittestjar għandu jsir minn laboratorji li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali mfissra fl-istandard EN ISO 17025. Fejn ikun meħtieġ, għandhom jintużaw metodi oħrajn ta’ ttestjar jekk l-ekwivalenza tagħhom tkun aċċettata mill-organu kompetenti li jkun qed jevalwa l-applikazzjoni. Meta ma jissemmew ebda testijiet, jew inkella jissemma li ser jintużaw waqt verifika jew monitoraġġ, l-organi kompetenti għandhom joqogħdu, kif meħtieġ, fuq id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni pprovduti mill-applikant u/jew minn verifiki indipendenti.

    L-organi kompetenti huma rakkomandati illi jikkunsidraw l-implimentazzjoni ta’ skemi approvati għall-immaniġġar tal-ambjent, bħalma huma l-EMAS jew l-ISO 14001, meta jevalwaw l-applikazzjonijiet u jimmonitorjaw l-osservanza tal-kriterji f’dan l-Anness. (Nota: ma huwiex meħtieġ li jiġu implimentati skemi ta’ mmaniġġjar bħal dawn.)

    KRITERJI EKOLOĠIĊI

    1.   Iffrankar tal-enerġija

    Il-kompjuter portabbli għandu jkun mgħammar bi swiċċ li jixgħel u jitfi li tista’ ssibu malajr.

    Il-kompjuter portabbli għandu jkollu sleep state ACPI (1) S3 (li jissospendi għar-RAM) biex jippermetti konsum minimu ta’ enerġija li ma jaqbiżx it-3 watts. Il-kompjuter għandu jkun jista’ “jqum” minn din il-mode b’rispons għal xi wieħed mill-kmandi li ġejjin:

    modem,

    tqabbid ma’ netwerk,

    azzjoni tat-tastiera jew tal-mouse.

    Il-ħin awtomatiku biex jibdel il-mode mill-operattività għall-isleep state ACPI S3 ma għandux ikun ta’ aktar minn 15-il minuta ta’ inattività. Il-manifattur għandu jattiva din il-karatteristika.

    Il-kompjuter portabbli għandu jkollu konsum massimu meta jkun f’off-mode ta’ mhux aktar minn 2 watts meta l-batterija tkun iċċarġjata għalkollox u jkun imqabbad mal-provvista tal-elettriku. F’dan il-kuntest, l-off-mode huwa l-istat mibdi bil-kmand biex jintefa l-kompjuter.

    Il-provvista tal-enerġija tal-kompjuter portabbli għandu jkollha konsum massimu ta’ mhux aktar minn 0,75 watt meta tkun imqabbda mal-provvista tal-elettriku iżda ma tkunx imqabbda mal-kompjuter innifsu.

    L-applikant għandu jipprovdi rapport li jiċċertifika illi l-livell ta’ konsum tal-elettriku kemm fil-mode ACPI S3 kif ukoll fl-off-mode tkejjel bl-użu tal-proċedura fil-memorandum ta’ ftehim kurrenti dwar kompjuters Energy Star  (2). Ir-rapport għandu jiddikjara l-konsum tal-elettriku mkejjel f’dawn iż-żewġ modes. L-applikant għandu jiddikjara l-konformità mar-rekwiżiti dwar il-provvista tal-enerġija.

    2.   Estensjoni taż-żmien ta’ użu

    Id-disponibilità ta’ batteriji u provvisti ta’ enerġija kompatibbli u tat-tastiera u l-partijiet tagħha għandha tkun ggarantita għal tliet snin minn mindu tispiċċa l-produzzjoni. Barra minn hekk, il-kompjuter portabbli għandu jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

    il-kompjuter għandu jiġi ddisinjat b’mod li jkun hemm aċċess ħafif għall-memorja, u li l-memorja tista’ tinbidel,

    il-kompjuter għandu jiġi ddisinjat tali mod li l-hard disk, u jekk ikun hemm jew is-CD drive jew inkella d-DVD drive, jistgħu kollha jinbidlu,

    L-applikant għandu jiddikjara li l-prodott jissodisfa dawn ir-rekwiżiti.

    3.   Il-kontenut ta’ merkurju fid-display

    Id-dawl ta’ wara tad-display b’pannell ċatt ma għandux ikollu medja ta’ aktar minn 3 mg ta’ merkurju għal kull bozza. Id-display ta’ personal data assistant (PDA) ma għandu jkollha l-ebda merkurju.

    L-applikant għandu jiddikjara li l-prodott jissodisfa dawn ir-rekwiżiti.

    4.   Ħoss

    Id-“declared A-weighted sound power level” (re lpW) tal-kompjuter portabbli, skont il-paragrafu 3.2.5 tal-ISO 9296, ma għandux jeċċedi:

    3,5 B(A) fl-idle operating mode (ekwivalenti għal 35 dB(A))

    4,0 B(A) matul l-aċċess għal hard-disk drive (ekwivalenti għal 40 dB(A)).

    L-applikant għandu jipprovdi rapport, imħejji minn laboratorju indipendenti tat-testijiet akkreditat bl-ISO 17025, li jiċċertifika li l-livelli ta’ emissjonijiet tal-ħoss tkejlu skont l-ISO 7779 u ġew iddikjarati skont l-ISO 9296. Ir-rapport għandu jiddikjara x’kienu l-livelli ta’ emissjonijiet tal-ħoss imkejla kemm fl-idle operating mode kif ukoll waqt l-aċċess għal disk drive, u għandu jkun iddikjarat skont il-paragrafu 3.2.5 tal-ISO 9296.

    5.   Emissjonijiet elettromanjetiċi

    Il-kompjuter portabbli għandu jissodisfa r-rekwiżiti msemmijin fl-EN50279, Kategorija A.

    L-applikant għandu jipprovdi rapport li l-emissjonijiet tal-prodott jissodisfaw dan ir-rekwiżit.

    6.   Take-back, riċiklaġġ u sustanzi perikolużi

    Il-manifattur għandu joffri, mingħajr ħlas, it-take-back għal kull refurbishment jew riċiklaġġ tal-prodott u għal kwalunkwe komponent li jinbidel, ħlief għall-oġġetti mniġġsin mill-utenti (eż. f’użu mediku jew nukleari). Barra minn hekk, il-prodott għandu jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

    (a)

    persuna kkwalifikata waħda biss għandha titħalla żżarmah;

    (b)

    il-manifattur għandu jivverifika ż-żarmar tal-unità u jipprovdi rapport dwar iż-żarmar lil terzi persuni jekk issirlu talba għal hekk. Fost l-oħrajn, ir-rapport għandu jikkonferma illi:

    il-konnessjonijiet jistgħu jinstabu faċilment u l-aċċess għalihom huwa faċli,

    il-konnessjonijiet huma standardizzati bl-aktar mod possibbli,

    l-aċċess għall-konnessjonijiet jista’ jsir b’għodod li ssibhom komunement,

    il-bozoz tad-dawl tal-isfond tal-monitors LCD huma faċilment separabbli;

    (c)

    il-materjali perikolużi huma separabbli;

    (d)

    90 % (bil-piż) tal-materjali tal-plastik u tal-metall fil-housing u fix-xażi huma teknikament riċiklabbli;

    (e)

    jekk ikunu meħtieġa t-tikketti, dawn jinqalgħu jew jeħlu faċilment;

    (f)

    il-partijiet tal-plastik:

    ma għandu jkollhom ebda ċomb jew kadmju miżjud apposta,

    għandhom ikunu ta’ polimeru wieħed jew polimeri kompatibbli, ħlief għall-għatu, li għandu jikkonsisti f’żewġ tipi jew aktar ta’ polimeri li jkunu separabbli,

    ma għandu jkun fihom l-ebda intarz tal-metall li ma jistax jiġi sseparat minn persuna waħidha u b’għodod sempliċi;

    (g)

    il-partijiet tal-plastik ma għandux ikollhom ritardanti tan-nirien tal-poly-brominated biphenyl (PBB) jew poly-brominated diphenyl ether (PBDE) kif elenkati fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/95/KE (3). Dan ir-rekwiżit għandu jqis l-addattamenti u l-emendi sussegwenti magħmulin għad-Direttiva dwar l-użu tad-Deca-BDE.

    Il-partijiet tal-plastik ma għandux ikollhom ritardanti tan-nirien bil-kloroparaffina bil-katina twila 10-17 atomi tal-karbonju u l-kontenut tal-kloru ma għandux ikun akbar minn 50 % bil-piż (CAS nru. 85535-84-8 u CAS nru. 85535-85-9).

    L-applikant għandu jiddikjara li l-prodott jissodisfa dan ir-rekwiżit.

    (h)

    Il-partijiet tal-plastik li jkunu itqal minn 25 gramma ma għandux ikollhom ritardanti tan-nirien b’sustanzi jew preparati li fil-mument tal-applikazzjoni tal-ekotikketti jingħataw xi waħda minn dawn il-frażijiet ta’ riskju:

     

    Perikoluża għas-saħħa:

     

    R45 (tista’ ġġib il-kankru)

     

    R46 (tista’ ġġib ħsara ġenetika li tintiret)

     

    R60 (tista’ tnaqqas il-fertilità)

     

    R61 (tista’ tagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twilditx)

     

    Perikoluża għall-ambjent:

     

    R50 (tossika ħafna għall-organiżmi tal-ilma)

     

    R50/R53 (tossika ħafna għall-organiżmi tal-ilma, tista’ tikkawża effetti ħżiena fit-tul fl-ambjent akkwatiku)

     

    R51/R53 (tossika għall-organiżmi tal-ilma, tista’ tikkawża effetti ħżiena fit-tul fl-ambjent akkwatiku)

     

    kif definiti fid-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE (4) kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 98/98/KEE.

    (i)

    il-partijiet tal-plastik għandu jkollhom għelm permanenti li jidentifika l-materjal, skont l-ISO 11469:2000. Esklużi minn dan il-kriterju huma materjali tal-plastik ħerġin ’il barra u l-light-guide tad-displays b’pannelli ċatti;

    (j)

    il-batteriji ma għandux ikollhom aktar minn 0,0001 % ta’ merkurju, 0,001 % ta’ kadmju jew 0,01 % ta’ ċomb skont il-piż tal-batterija.

    L-applikant għandu jiddikjara li l-prodott jissodisfa dawn ir-rekwiżiti. L-applikant għandu jforni lill-organu kompetenti li jkun qed jevalwa l-applikazzjoni kopja tar-rapport taż-żarmar.

    B’referenza għall-kriterju 6(h), ir-ritardanti tan-nirien li jintużaw, jekk ikun hemm, ma għandhomx ikunu assenjati xi waħda mill-frażijiet ta’ riskju msemmijin aktar ’il fuq u lanqas ma għandhom ikunu ssemmew fl-Anness I tad-Direttiva 67/548/KEE jew l-emendi sussegwenti għaliha dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi. Dan ir-rekwiżit ma japplikax ghal ritardanti tan-nirien li meta jintużaw ibiddlu n-natura kimika tagħhom b’mod li ma jkunx għadu meħtieġ li jiġu kklassifikati taħt xi waħda mill-frażijiet ta’ riskju msemmijin aktar ’il fuq, u fejn anqas minn 0,1 % tar-ritardanti tan-nirien fil-parti ttrattata tibqa’ fil-forma kif kienet qabel jintużaw. Kull ritardant tan-nirien li jintuża f’partijiet tal-plastik >25 g għandu jkun speċifikat fid-dokumentazzjoni tal-applikazzjoni, u għandu jingħata isimhom u n-numru tal-CAS.

    7.   Struzzjonijiet għall-utent

    Il-prodott għandu jinbiegħ bl-informazzjoni rilevanti għall-utent, li tagħti parir dwar l-użu ambjentali tajjeb u, b’mod partikolari tkun tinkludi:

    (a)

    rakkomandazzjonijiet dwar l-użu tal-karatteristiċi għall-immaniġġjar tal-enerġija, inkluża kull informazzjoni li jekk jitwaqqfu tali karatteristiċi milli jaħdmu jista’ jkun hemm żieda fil-konsum tal-enerġija u li dan jista’ jwassal għal spejjeż akbar biex jitħaddem il-kompjuter;

    (b)

    tagħrif li l-enerġija li tittieħed mill-provvista tal-elettriku tista’ titnaqqas għal żero kemm-il darba l-provvista tal-enerġija tinqala’ minn mal-plagg jew jekk il-plagg ta’ mal-ħajt jintefa;

    (c)

    tagħrif dwar il-garanzija u d-disponibilità tal-ispare parts. Meta l-konsumatur ikun jeħtieġ li jagħmel upgrade tal-komponenti jew jibdilhom, għandu jkun hemm tagħrif dwar il-proċeduri applikabbli;

    (d)

    tagħrif dwar il-fatt li l-prodott ġie ddisinjat biex jippermetti użu mill-ġdid xieraq tal-partijiet u r-riċiklaġġ u li ma għandux jintrema;

    (e)

    parir dwar kif il-konsumatur jista’ jagħmel użu mill-offerta take-back tal-manifattur;

    (f)

    tagħrif dwar kif jista’ jsir użu korrett tal-kards tal-WLAN biex b’hekk jitnaqqsu s-sogri għas-sigurtà;

    (g)

    tagħrif li l-prodott ingħata l-ekotikketta tal-UE bi spjegazzjoni qasira dwar din xi tfisser flimkien ma’ indikazzjoni li aktar tagħrif dwar l-ekotikketta jista’ jinstab fil-websajt bl-indirizz (http://europa.eu.int/ecolabel).

    L-applikant għandu jiddikjara li l-prodott jissodisfa dawn ir-rekwiżiti u għandu jipprovdi kopja tal-manwal tal-istruzzjonijiet lill-organu kompetenti li jkun qed jevalwa l-applikazzjoni.

    8.   L-Imballaġġ

    L-imballaġġ għandu jissodisfa dawn ir-rekwiżiti:

    (a)

    Il-komponenti kollha tal-imballaġġ għandhom ikunu faċilment separabbli bl-idejn b’mod illi jiżżarmaw f’materjali individwali biex jeħfief ir-riċiklaġġ.

    (b)

    Kull fejn jintuża imballaġġ tal-kartun, dan għandu jikkonsisti tal-anqas minn 80 % ta’ materjal riċiklat.

    Evalwazzjoni u verifika: L-applikant għandu jiddikjara li l-prodott jissodisfa dan ir-rekwiżit u għandu jforni kampjun(i) tal-imballaġġ lill-Organu Kompetenti għall-għoti tal-ekotikketta bħala parti mill-applikazzjoni.

    9.   Tagħrif li jkun jidher fuq l-ekotikketta

    Kaxxa 2 tal-ekotikketta għandha tinkludi l-kitba li ġejja:

    konsum anqas ta’ enerġija,

    iddisinjat biex jiffaċilita r-riċiklaġġ,

    livell anqas ta’ ħoss.

    L-applikant għandu jiddikjara li l-prodott jissodisfa dan ir-rekwiżit u għandu jipprovdi kopja tal-ekotikketta kif se tkun tidher fuq l-imballaġġ u/jew il-prodott u/jew id-dokumentazzjoni li takkumpanjah.


    (1)  Advanced configuration and power interface (ACPI).

    (2)  Kif definit mill-Aġenzija tal-US għall-Ħarsien tal-Ambjent, http://www.energystar.gov/index.cfm? c = computers.pr_crit_computers

    (3)  ĠU L 37, 13.2.2003, p. 19.

    (4)  ĠU L 196, 16.8.1967, p. 1.


    Top