Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0213

    Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l- 24 ta’ Jannar 2005 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll li jistabbilixxi, għall-perjodu mill- 1 ta’ Lulju 2004 sat- 30 ta’ Ġunju 2007 , il-possibbilitajiet ta’ sajd u l-kontribut finanzjarju previst mill-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta ta’ l-Avorju dwar is-sajd ’il barra mill-Kosta ta’ l-Avorju

    ĠU L 76, 22.3.2005, p. 1–2 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 159M, 13.6.2006, p. 254–255 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2007

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/213/oj

    Related international agreement
    Related international agreement

    32005D0213

    Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l- 24 ta’ Jannar 2005 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll li jistabbilixxi, għall-perjodu mill- 1 ta’ Lulju 2004 sat- 30 ta’ Ġunju 2007 , il-possibbilitajiet ta’ sajd u l-kontribut finanzjarju previst mill-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta ta’ l-Avorju dwar is-sajd ’il barra mill-Kosta ta’ l-Avorju

    Official Journal L 076 , 22/03/2005 P. 0001 - 0002
    Official Journal L 159 , 13/06/2006 P. 0254 - 0255


    Deċiżjoni tal-Kunsill

    ta' l- 24 ta’ Jannar 2005

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll li jistabbilixxi, għall-perjodu mill- 1 ta’ Lulju 2004 sat- 30 ta’ Ġunju 2007, il-possibbilitajiet ta’ sajd u l-kontribut finanzjarju previst mill-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta ta’ l-Avorju dwar is-sajd ’il barra mill-Kosta ta’ l-Avorju

    (2005/213/KE)

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37, flimkien ma’ l-Artikolu 300(2), l-ewwel inċiż tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    Billi:

    (1) Bi qbil mal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta ta’ l-Avorju dwar is-sajd ’il barra mill-Kosta ta’ l-Avorju [1], qabel l-iskadenza ta’ l-perjodu ta' validità tal-Protokoll anness mal-Ftehim, il-Partijiet involuti fil-kuntratt għandhom jinegozjaw sabiex jiddeterminaw bi qbil komuni l-kontenut tal-Protokoll għall-perjodu li jmiss u, l-emendi jew iż-żidiet li għandhom isiru għall-Anness.

    (2) Iż-żewġ Partijiet innegozjaw Protokoll ġdid li jistabbilixxi l-possibbilitajiet ta’ sajd u l-kontribut finanzjarju, bejn id- 9 u t- 13 ta’ Novembru 2003 f’Abidjan. Dan il-Protokoll għall-perjodu mill- 1 ta’ Lulju 2004 sat- 30 ta’ Ġunju 2007 ġie ffirmat fit- 3 ta’ Marzu 2004 fi Brussel.

    (3) Skond il-Protokoll, is-sajjieda tal-Komunità għandhom possibbilitajiet ta’ sajd fl-ibħra li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tal-Kosta ta’ l-Avorju għall-perjodu mill- 1 ta’ Lulju 2004 sat- 30 ta’ Ġunju 2007.

    (4) Sabiex ikun evitat li l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Komunità jkunu interrotti, hu meħtieġ li l-Protokoll il-ġdid ikun applikat fl-iqsar żmien possibbli. Għal dan il-għan, iż-żewġ Partijiet inizjalaw Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri li jipprevedi l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll inizjalat mill-għada tad-data ta' l-iskadenza tal-Protokoll fis-seħħ.

    (5) Il-metodu tat-tqassim tal-possibbilitajiet ta’ sajd bejn l-Istati Membri għandu jkun definit fuq il-bażi tat-tqassim tradizzjonali tal-possibbilitajiet ta’ sajd skond il-Ftehim dwar is-Sajd.

    (6) Il-Ftehim għandu jkun approvat fil-forma ta' Skambju ta' Ittri, taħt riserva tal-konklużjoni definittiva tiegħu mill-Kunsill,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri fir-rigward ta’ l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll li jistabbilixxi, għall-perjodu mill- 1 ta’ Lulju 2004 sat- 30 ta’ Ġunju 2007, il-possibbilitajiet ta’ sajd u l-kontribut finanzjarju previst mill-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta ta’ l-Avorju dwar is-sajd ’il barra mill-Kosta ta’ l-Avorju, hu b'dan approvat f’isem il-Komunità.

    It-test tal-Ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri u tal-Protokoll huma annessi ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    1. Il-possibbilitajiet ta’ sajd stabbiliti fil-Protokoll għandhom jitqassmu bejn l-Istati Membri skond l-iskema li ġejja:

    a) sajd ta' ħut f'qiegħ il-baħar:

    Spanja: 1300 GT (gross tonnage - tunnellati gross) fix-xahar, b’medja annwali;

    b) sajd għat-tonn:

    i) tunnara li jistadu bit-tartarun

    - Franza: 17-il bastiment

    - Spanja: 17-il bastiment

    ii) skejjen li jistadu bil-konz tal-wiċċ

    - Spanja: 6 bastimenti

    - Portugall: 5 bastimenti

    iii) tunnara li jistadu bil-konz

    - Franza: 3 bastimenti

    2. Jekk l-applikazzjonijiet għal-liċenzji minn dawn l-Istati Membri ma jeħdux il-possibbilitajiet kollha ta’ sajd stabbiliti bil-Protokoll, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra applikazzjonijiet għal-liċenzji minn kull Stat Membru ieħor.

    Artikolu 3

    L-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom jistadu fil-qafas ta’ dan il-Ftehim għandhom javżaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet ta’ kull qabda li jkunu għamlu fiż-żona tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju, skond ir-Regolament (KE) Nru 500/2001 tal-Kummissjoni ta' l- 14 ta' Marzu 2001 dwar l-istabbiliment tal-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru. 2347/93 tal-Kummissjoni dwar il-kontrolli tal-qabdiet ta' bastimenti tas-sajd tal-Komunità fl-ibħra ta' pajjiżi terzi 'il barra mill-Kosta [2].

    Artikolu 4

    Il-President tal-Kunsill hu b'dan awtorizzat jaħtar il-persuni awtorizzati biex jiffirmaw il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri sabiex jorbot lill-Komunità.

    Magħmula fi Brussel, nhar il- 24 ta’ Jannar 2005.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. Boden

    [1] ĠU L 379 l-31.12.1990, p. 3. Ftehim kif emendat l-aħħar mill-Protokoll li jistabbilixxi, għall-perjodu mill- 1 ta’ Lulju 2000 sat- 30 ta’ Ġunju 2003, il-possibbilitajiet ta’ sajd u l-kontribut finanzjarju previst mill-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta ta’ l-Avorju dwar is-sajd ’il barra mill-Kosta ta’ l-Avorju (ĠU L 102, 12.4.2001, p. 3).

    [2] ĠU L 73, 15.3.2001, p. 8.

    --------------------------------------------------

    Top