EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R2074

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2074/2004 tad- 29 ta' Novembru 2004 li jimponi dazju definittiv kontra d- dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti mekkaniżmi tal- binders biċ-ċrieki li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

ĠU L 359, 4.12.2004, p. 11–22 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 231–242 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 05/12/2008

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/2074/oj

7.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

231


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2074/2004

tad-29 ta' Novembru 2004

li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti mekkaniżmi tal-binders biċ-ċrieki li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni mill-importazzjoni ta' prodotti ddampjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

F’Jannar ta' l-1997, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 119/97 (2) impona dazju definittiv kontra d-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti mekkaniżmi tal-binders biċ-ċrieki (ring binder mechanisms[RBM]) li joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (RPĊ jew “il-pajjiż ikkonċernat”). Ir-rata tad-dazju definittiv applikabbli fuq il-prezz nett, u liberu fil-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju, kienet ta’ 32,5 % għall-World Wide Stationeray Mfg (“WWS”), kumpannija li ngħatat trattament individwali, u 39,4 % għall-kumpanniji l-oħra kollha fir-RPĊ. Dawn ir-rati ta’ dazju kienu applikabbli fuq l-RBM li ma għandhomx 17 jew 23 ċirku (Kodiċi TARIC 8305100011, 8305100012 u 8305100019), waqt li l-RBM bi 17 u 23 ċirku (Kodiċi TARIC 8305100021, 8305100022 u 8305100029) kien soġġetti għal dazju ugwali għad-differenza bejn il-prezz minimu ta’ importazzjoni (“PMI”) ta’ EUR 325 għal kull 1000 biċċa u l-prezz liberu fil-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju, kull meta dan ta’ l-aħħar kien ikun anqas mill-PMI.

(2)

F’Settembru ta' l-2000, wara talba għal reviżjoni ta’ l-effikaċja tal-miżuri, hawn fuq imsemmija, kontra l-assorbiment, preżentata skond l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku, ir-rati ta’ dazju applikabbli fuq l-RBM li ma għandhomx 17 jew 23 ċirku (Kodiċi TARIC 8305100011, 8305100012 u 8305100019) ġew miżjuda bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2100/2000 (3) għal 51,2 % għall-WWS u għal 78,8 % għall-kumpanniji l-oħra kollha fir-RPĊ.

(3)

Miżuri kontra d-dumping u kompensattivi ilhom fis-seħħ minn Ġunju tas-sena 2002 fuq l-importazzjonijiet tal-RBM li joriġinaw mill-Indonesja. Dawn il-miżuri, li mhumiex soġġetti għar-reviżjoni attwali, ġew imposti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 976/2002 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 977/2002 ta’ l-4 ta’ Ġunju 2002 (4) rispettivament.

(4)

Wara investigazzjoni dwar l-allegata evażjoni tal-miżuri kontra d-dumping imposti bir-Regolament tal-Kunsull (KE) Nru. 119/97 mill-importazzjonijiet ta’ RBM ikkunsinnati mill-Vjetnam, il-miżuri ġew estiżi, bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1208/2004 (5), għall-importazzjonijiet ikkunsinnati mill-Vjetnam.

(5)

Investigazzjoni dwar l-allegata evażjoni mill-miżuri kontra d-dumping imposti bir-Regolament tal-Kunsull (KE) Nru. 119/97 mill-importazzjoni ta’ RBM ikkunsinnati mit-Tajlandja, kemm jekk dikjarati li oriġinaw fit-Tajlandja jew le, tnidiet f’April ta' l-2004 (6).

(6)

Iż-żewġ investigazzjonijiet imsemmija fiż-żewġ premessi preċedenti kienu indipendenti mir-riżultati ta’ l-investigazzjoni attwali.

2.   Talba għal reviżjoni

(7)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż dwar l-iskadenza imminenti tal-miżuri kontra d-dumping fis-seħħ kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti RBM li joriġinaw fir-RPĊ (7), il-Kummissjoni rċeviet, fit-23 ta’ Ottubru 2001, talba għar-reviżjoni ta’ dawn il-miżuri skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

(8)

It-talba ġiet sottomessa minn żewġ produtturi Komunitarji, Koloman Handler AG u Krause Ringbuchtechnik GmbH (“l-applikanti”), li jirrappreżentaw sehem sostanzjali tal-produzzjoni totali Komunitarja tal-RBM. Il-bażi tat-talba kienet li l-iskadenza tal-miżuri probabbilment tirriżulta f’volumi akbar ta’ prodotti ddampjati u dannużi li joriġinaw mir-RPĊ.

(9)

Wara li ddeterminat, wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv, li kien hemm prova suffiċjenti għat-tnedija ta’ reviżjoni skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni nidiet reviżjoni (8).

3.   Investigazzjoni

(a)   Proċedura

(10)

Il-Kummissjoni avżat, b’mod formali, lill-produtturi li jesportaw, lill-importaturi u lill-utenti magħrufa bħala kkonċernati, lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur, lill-produtturi Komunitarji applikanti u lill-produttur Komunitarju l-ieħor magħruf dwar it-tnedija tar-reviżjoni ta' l-iskadenza. Il-partijiet interessati ingħataw l-opportunità li jagħtu l-veduti tagħhom bil-miktub u li jitolbu udjenza fit-termini ta’ żmien speċifikati fl-avviż dwar it-tnedija.

(11)

Il-partijiet kollha li talbu dan fit-termini taż-żmien u li urew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ingħataw udjenza.

(12)

Intbagħtu kwestjonarji lill-partijiet kollha li ġew avżati b’mod uffiċjali bit-tnedija tar-reviżjoni u lil dawk li talbu li jirċievu kwestjonarju fit-termini ta’ żmien speċifikati fl-avviż dwar it-tnedija. Barra minn hekk, produttur wieħed fl-Indja (pajjiż analogu) ġie kkuntattjat u rċieva kwestjonarju.

(13)

Ġew riċevuti risposti għall-kwestjonarji miż-żewġ produtturi Komunitarji applikanti u minn produttur esportatur wieħed fil-pajjiż ikkonċernat, kif ukoll minn produttur wieħed fil-pajjiż analogu u minn żewġ importaturi mhux relatati fil-Komunità.

(14)

Il-partijiet kollha kkonċernati ġew infurmati dwar il-fatti essenzjali u l-konsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom kien intiż li ssir rakkomandazzjoni għall-impożizzjoni ta’ dazju definittiv kontra d-dumping. Ingħataw perjodu ta’ żmien li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet sussegwentement għall-esposizzjoni tal-fatti. Il-kummenti tal-partijiet ġew ikkunsidrati u, fejn kien xieraq, il-konklużjonijiet ġew modifikati kif meħtieġ.

(b)   Partijiet interessati u viżiti ta’ verifikazzjoni

(15)

Ġiet miksuba u vverifikata l-informazzjoni kollha meqjusa meħtieġa għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dumping u d-dannu u ta' l-interessi tal-Komunità nkisbet u ġiet verifikata. Saru żjarat ta’ verifikazzjoni fil-bini fejn joperaw il-kumpanniji li ġejjin:

(i)

Produtturi Komunitarji applikanti

Krause Ringbuchtechnik GmbH, Espelkamp, il-Ġermanja

SX Bürowaren Produktions- und Handels GmbH (sa Novembru 2001 l-RBM kienu manifatturati minn Koloman Handler AG), Vjenna, l-Awstrija (ara l-premessa (50)),

(ii)

Produttur fil-pajjiż esportatur

World Wide Stationery Mfg, Hong Kong, RPĊ

(iii)

Produttur fil-pajjiż analogu

Tocheunglee Stationery Manufacturing Co, Chennai, l-Indja

(iv)

Importatur mhux relatat fil-Komunità

Bensons International Systems B.V., Utrecht, l-Olanda

(ċ)   Perjodu ta’ investigazzjoni

(16)

L-investigazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dumping damet tul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2001 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew “PI”) L-eżami tax-xejriet relevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu damet tul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sat-tmien tal-PI (“il-perjodu kkunsidrat”).

B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

1.   Il-prodott ikkonċernat

(17)

Il-prodott ikkonċernat huwa l-istess bħal fl-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri ċerti mekkaniżmi tal-binders biċ-ċrieki magħmula minn żewġ folji jew wires ta’ l-azzar rettangolari b’mill-anqas erba’ nofs-ċrieki ta’ l-azzar imwaħħla magħhom u miżmumin flimkien permezz ta’ għata ta’ l-azzar. Jistgħu jinfetħu jew billi jinġibdu n-nofs ċrieki jew permezz ta’ mekkaniżmu ta’ l-azzar f'forma ta’ grillu żgħir imwaħħal ma’ l-RBM. Iċ-ċrieki jista’ jkollhom forom differenti; l-aktar komuni huma tondi jew f'forma ta’ “D”. L-RBM, fil-preżent, huma kklassifikati fil-Kodiċi NM ex 8305 10 00 (Kodiċi TARIC 8305100011, 8305100012 u 8305100019 għal mekkaniżmi mingħajr 17 jew 23 ċirku u Kodiċi TARIC 8305100021, 8305100022 u 8305100029 għall-mekkaniżmi bi 17 u 23 ċirku). Il-mekkaniżmi tat-tip lever-arch (“LAM”) ikklassifikati taħt l-istess kodiċi NM ma ġewx inklużi fl-ambitu ta’ din l-investigazzjoni.

(18)

L-RBM jintużaw sabiex isiru files ta’ l-uffiċċju tal-karti, tal-kartun jew miksijin bil-plastik, u files oħra ta’ preżentazzjoni jew illegati.

(19)

Matul il-PI inbiegħet fil-Komunità kwantità kbira ta’ tipi differenti ta’ RBM. Id-differenzi bejn dawn it-tipi kienu jikkonsistu fil-wisa’ tal-bażi, fit-tip tal-mekkaniżmu, fin-numru taċ-ċrieki, fis-sistema ta’ ftuħ, fil-kapaċità nominali ta’ kemm jieħdu karti, fid-dijametru taċ-ċrieki, fil-forma taċ-ċrieki, fit-tul u fl-ispazju bejn iċ-ċrieki. Billi t-tipi kollha għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi u, f’ċerti limiti, huma interkambjabbli, ġie stabbilit li l-RBM kollha jikkonsistu fi prodott wieħed għall-finijiet tal-proċediment attwali.

2.   Prodott simili

(20)

Instab li l-RBM prodotti u mibjugħa fis-suq domestiku fil-pajjiż analogu (l-Indja) u dawk esportati lejn il-Komunità mir-RPĊ kellhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi u l-istess użu.

(21)

Instab ukoll li ma kien hemm l-ebda differenza fil-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi u fl-użu bejn l-RBM impurtati mir-RPĊ fil-Komunità u l-RBM prodotti mill-industrija Komunitarja u mibjugħa fis-suq Komunitarju.

(22)

Għalhekk ġie konkluż li l-RBM prodotti u mibjugħa fis-suq domestiku fil-pajjiż analogu, l-RBM li joriġinaw mir-RPĊ u jiġu esportati lejn il-Komunità u l-RBM prodotti u mibjugħa mill-industrija Komunitarja u mibjugħa fis-suq Komunitarju huma kollha prodotti simili fis-sens ta’ l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

Ċ.   PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI JEW RIKORRENZA TAD-DUMPING

(23)

Skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, ġiet eżaminata s-sitwazzjoni għall-probabbiltà li t-tmien tal-miżuri attwali jwassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dumping.

1.   Rimarki preliminari

(24)

Mit-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi msemmija fl-ilment, kienet biss il-WWS, li kienet ingħatat trattament individwali kemm fl-investigazzjonijiet oriġinali kif ukoll f’dawk anti absorption, li kkoperat. Iż-żewġ kumpanniji esportaturi l-oħra ddikjaraw li huma ma kinux esportaw il-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità matul il-PI. Madankollu, waħda minn dawn il-kumpanniji tidher involuta fi prattiċi ta’ evażjoni via t-Tajlandja, li kienu ġew investigati mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ara l-premessi (42) u (43)).

2.   Kontinwazzjoni tad-dumping

(25)

Il-volum tal-bejgħ tal-prodott esportat mill-unika kumpannija li kkoperat irrappreżenta l-importazzjoni kollha li oriġinat mir-RPĊ waqt il-PI, skond l-Eurostat. Dan il-volum kien jirrappreżenta 1,9 % tal-konsum totali tal-Komunità matul il-PI tal-investigazzjoni attwali, kkomparat ma’ 45 % tal-konsum totali tal-Komunità matul il-PI ta’ l-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri mill-1 ta’ Ottubru 1994 sat-30 ta’ Settembru 1995.

(a)   Metodoloġija

(26)

Imqabbel ma’ l-investigazzjoni oriġinali, l-unika bidla kienet l-għażla tal-pajjiż analogu, mill-bqija l-metodoloġija għall-kalkolu tal-marġni tad-dumping baqgħet l-istess.

(b)   Pajjiż analogu

(27)

Billi l-RPĊ hija ekonomija fi stat ta’ transizzjoni, il-valur normali ġie ddeterminat fuq il-bażi ta’ tagħrif miksub f’pajjiż terz adattat b’ekonomija tas-suq (il-“pajjiż analogu”) magħżul skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

(28)

Fl-investigazzjoni oriġinali, il-Malasja kienet intgħażlet bħala l-pajjiż analogu. Minħabba l-fatt li l-produzzjoni fil-Malasja waqfet u ġiet trasferita, inter alia, fl-Indja, kellu jingħażel pajjiż rappreżentattiv ieħor. Fit-talba għar-reviżjoni ta' l-iskadenza, l-Indja ġiet issuġġerita bħala pajjiż analogu għall-iskop li jiġi stabbilit valur normali. Din l-għażla ma ġietx ikkontestata. Instab ukoll li r-raġunijiet li wasslu għall-għażla ta’ l-Indja, jiġifieri d-daqs tas-suq domestiku tagħha, in-natura miftuħa tas-suq tagħha u l-grad ta’ aċċess li għandha għall-materja prima, jiżguraw kondizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Il-produttur Indjan, li ġie kkuntattjat, qabel li jikkopera u kellu bejgħ domestiku rappreżentattiv. Din il-kumpannija kienet relatata mal-produttur esportatur Ċiniż li kkopera, iżda ma nstabux raġunijiet biex wieħed jikkonsidra li dan seta' jkollhu effett fuq id-determinazzjoni tal-valur normali. Għalhekk, skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, l-Indja kienet ikkunsidrata bħala pajjiż analogu adattat sabiex jiġi stabbilit il-valur normali.

(ċ)   Valur normali

(29)

Il-bejgħ domestiku tal-prodott simili fil-pajjiż analogu nstab li jħalli l-qligħ u huwa rappreżentattiv waqt il-PI. Għalhekk, il-valur normali ġie bbażat fuq il-prezz imħallas, jew pagabbli, matul negozju normali minn klijenti indipendenti fil-pajjiż analogu, jiġifieri l-Indja.

(d)   Prezz ta’ esportazzjoni

(30)

Ladarba l-prodott ikkonċernat ġie esportat lil klijenti indipendenti fil-Komunità, il-prezz ta’ esportazzjoni ġie stabbilit skond l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fuq il-bażi tal-prezz ta’ esportazzjoni attwalment imħallas jew pagabbli.

(e)   Paragun

(31)

Għall-finijiet ta’ paragun ġust, u skond l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, ingħatat kunsiderazzjoni xierqa, f’forma ta’ aġġustamenti, lid-differenzi fir-rigward tal-prezz tat-trasport intern, ta' skontijiet u ta' tnaqqis diferit, ta' spejjeż ta' ġarr u tagħbija, ta' spejjeż tat-trasport u ta' kreditu, ta' kommissjonijiet u assikurazzjoni li kellhom effett fuq il-prezzijiet u fuq il-komparabbiltà tal-prezzijiet.

(32)

F'dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat, madankollu, li, wara l-impożizzjoni ta’ miżuri kontra d-dumping, il-volum u l-varjetà tat-tipi tal-RBM esportati lejn il-Komunità naqsu drastikament. Għalhekk, it-tipi tal-prodott simili mibjugħa fis-suq domestiku tal-pajjiż analogu matul il-PI kienu paragunabbli biss ma’ 10 % tat-tipi esportati direttament mir-RPĊ mill-uniku produttur esportatur li kkopera. Waqt li, fl-investigazzjoni oriġinali l-paragun kien ibbażat fuq 75 % tal-volum totali ta’ bejgħ. Tabilħaqq, il-biċċa l-kbira ta’ l-esportazzjoni diretta mir-RPĊ matul il-PI ta’ l-investigazzjoni attwali koprew “setturi niċeċ” bħalma huma l-RBM bi 17 u 23 ċirku soġġetti għall-PMI.

(f)   Marġni ta’ dumping

(33)

Skond l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-valur normali medju aġġustat ġie pparagunat mal-prezz medju ta’ esportazzjoni aġġustat, fl-istess livell ta’ kummerċ. Il-paragun wera’ li ma kienx hemm dumping.

(g)   Konklużjoni dwar id-dumping

(34)

Fir-rigward ta' prattiċi tad-dumping, ma nstab l-ebda dumping min-naħa tal-WWS, il-produttur esportatur Ċiniż li kkopera. Madankollu, il-volum ta’ bejgħ tal-prodotti esportati mill-WWS dirett lejn il-Komunità matul il-PI ta' l-investigazzjoni attwali kien anqas, b’mod apprezzabbli, minn dak identifikat fl-investigazzjoni oriġinali. L-esportazzjonijiet diretti mir-RPĊ min-naħa tal-WWS kienu, barra minn hekk, iċċentrati fin-naħa ta’ fuq tal-gamma tal-RBM, b’mod partikolari l-mudelli bi 17 u 23 ċirku soġġetti għal dazju f’forma ta’ PMI (ara l-premessa (32) hawn fuq). Dan ifisser, effettivament, li ma tħallas kważi l-ebda dazju anti-dumping fuq dawn l-importazzjonijiet. Dan ir-riżultat ma jistax jiġi pparagunat mal-marġni tad-dumping ikkalkulat fl-investigazzjoni oriġinali għaliex ma kienx possibbli li jiġi kkalkulat il-marġini tad-dumping għall-mudelli tal-RBM soġġetti għad-dazju kontra d-dumping, li kienu l-mudelli l-aktar mibjugħa fis-suq Komunitarju u li ma kinux esportati direttament mir-RPĊ matul il-PI ta’ l-investigazzjoni attwali. Barra minn hekk, f’termini ta’ volum ta’ bejgħ, seta’ jsir biss paragun bejn il-bejgħ tal-prodott simili mibjugħ fis-suq domestiku tal-pajjiż analogu u l-mudelli li ffurmaw 10 % tal-bejgħ mir-RPĊ lill-Komunità. Fid-dawl ta’ dan kollu, ġie meqjus li ma kienx possibbli li tintlaħaq konklużjoni ċara dwar il-kontinwazzjoni tad-dumping.

3.   Rikorrenza tad-dumping

(35)

Fin-nuqqas ta’ konklużjoni ċara dwar il-kontinwazzjoni tad-dumping, ġiet investigata l-kwistjoni tal-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dumping.

(36)

F’dan ir-rigward, l-elementi li ġejjin ġew analizzati: (a) il-kapacità produttiva inutilizzata u l-investimenti tal-produtturi esportaturi Ċiniżi; (b) l-imġiba tal-produttur esportatur Ċiniż, li kkopera, fis-swieq ta’ pajjiżi terzi; (ċ) l-istruttura, bħala volum u prezzijiet, ta’ l-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat, lejn pajjiżi terzi mill-kumpanniji li ma kkoperawx

(a)   Kapaċità produttiva inutilizzata u investimenti

(37)

Ta’ min jiftakar li, fl-assenza ta' koperazzjoni min-naħa tal-produtturi esportaturi barra l-WWS, ma kienet disponibbli l-ebda informazzjoni dwar il-produzzjoni fir-RPĊ, il-kapaċità produttiva inutilizzata u l-bejgħ fis-suq Ċiniż, ħlief dwar il-produttur li kkopera.

(38)

Il-kapaċità ta’ produzzjoni tal-kumpannija li kkoperat baqgħet stabbli mill-1999 sal-PI. Madankollu, ladarba l-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat naqset bi 28 % bejn l-1999 u l-PI, huwa probabbli li l-produttur esportatur li kkopera għandu kapaċità ta’ produzzjoni mhux użata apprezzabbli, jiġifieri terz tal-kapaċità totali tiegħu. Konsegwentament, dan il-produttur jista’ malajr iżid il-produzzjoni u jiddiriġiha lejn kwalunkwe suq ta’ esportazzjoni, inkluż is-suq tal-Komunità, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Għandu jiġi nnutat ukoll li l-kapaċità mhux użata tal-produttur esportatur wieħed li kkopera hija kapaċi tissodisfa, bejn wieħed u ieħor, nofs il-konsum tal-Komunità. Wieħed jista' wkoll raġonevolment jassumi li l-produtturi Ċiniżi l-oħrajn ukoll għandhom kapacitajiet produttivi inutilizzati apprezzabbli, billi t-total ta’ l-esportazzjoni Ċiniża naqset u ma hemm l-ebda tagħrif li juri li l-kapaċità fir-RPĊ naqset.

(39)

Huwa nnotat li l-kumpannija li kkoperat żammet livell għoli ta’ investiment fil-makkinarju u fit-tagħmir mill-1999 sal-PI, għalkemm sa ammonti li naqsu gradwalment.

(b)   L-imġiba tal-produttur esportatur Ċiniż, li kkopera, fis-swieq ta’ pajjiżi terzi

(40)

Il-bejgħ ta' l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi (eskluża l-Komunità) mill-kumpannija li kkoperat naqsu bi 8 % bħala volum mis-sena 2000 sal-PI. Il-prezz ta' esportazzjoni medju tagħha għall-pajjiżi terzi naqas bi 12 % matul l-istess perjodu.

(ċ)   L-imġiba tal-kumpanniji Ċiniżi li ma kkoperawx (volum u prezzijiet)

(41)

Fir-rigward tal-kumpanniji li ma kkoperawx fl-investigazzjoni attwali, il-konklużjonijiet milħuqa kellhom ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Fin-nuqqas ta' kwalunkwe koperazzjoni, ġew ikkonsultati statistiċi Amerikani u Ċiniżi sabiex jiġu stabbiliti l-volumi u l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni Ċiniża lejn pajjiżi oħra. Anki jekk il-volum assolut ta’ l-esportazzjoni Ċiniża hija differenti skond is-sors tat-tagħrif, iż-żewġ statistiċi jikkonfermaw li kien hemm tnaqqis sinifikanti fl-esportazzjoni tal-RBM miċ-Ċina fil-perjodu bejn is-sena 1999 u l-PI fid-dinja kollha. Skond l-istatistiċi Ċiniżi, il-volum tal-RBM esportati fis-sena 1999 lejn is-suq dinji kien ta’ madwar 662 miljun biċċa, li naqas għal 523 miljun biċċa matul il-PI. Il-prezz medju ta’ esportazzjoni, għalkemm ikopri tipi varji ta’ prodotti bi prezzijiet li jvarjaw ħafna, baqa’, bejn wieħed u ieħor, stabbli matul l-istess perjodu. Kif imsemmi fil-premessa (38), fl-assenza ta’ tagħrif dwar tnaqqis ipotetiku fil-kapaċità tal-produzzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi li ma kkoperawx, huwa probabbli li għad għandhom kapacità produttiva inutilizzata sinifikanti. F’dawn iċ-ċirkostanzi, huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li, jekk il-miżuri kontra d-dumping jitħallew jiskadu, is-suq tal-Komunità jsir mira attraenti ħafna għal dawn l-esportaturi Ċiniżi li għalhekk jerġgħu jibdew jesportaw lejn il-Komunità fi kwantitajiet konsiderevoli.

(42)

Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi nnutat li l-OLAF għamel investigazzjoni sabiex jiddetermina jekk l-RBM importati ddikjarati bħala oriġinati fit-Tajlandja kienux, fil-fatt, oriġinaw f’dak il-pajjiż jew, kif inhu allegat, kienu fil-verità ta’ oriġini Ċiniża.

(43)

Investigazzjonijiet mill-OLAF u mill-Istati Membri kkonċernati kkonkludew li l-RBM ma kienux ta’ oriġini Tajlandiża. L-investigazzjonijiet stabbilixxew ukoll li parti sostanzjali ta' dak it-traffiku kienet ta’ oriġini Ċiniża mhux preferenzjali u, għalhekk, soġġetta għad-dazju kontra d-dumping.

(44)

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li t-tipi tal-prodotti esportati via t-Tajlandja inkludew il-mudelli tal-RBM l-aktar mibjugħa fis-suq tal-Komunità matul il-PI, mhux tant il-mudelli bi 17 u 23 ċirku mibjugħa direttament mir-RPĊ. Dan ippermetta li jsir paragun abbażi tal-mudelli l-aktar mibjugħa fis-suq tal-Komunità. Fil-fatt, sar paragun bejn l-RBM esportati mit-Tajlandja lejn il-Komunità u numru ta’ tipi ta’ prodotti komparabbli mibjugħa fis-suq domestiku tal-pajjiż analogu. Ir-riżultati għandhom jiġu kkunsidrati b’ċerta kawtela, billi fin-nuqqas ta’ investigazzjoni sħiħa dwar l-importazzjonijiet tal-RBM mit-Tajlandja, il-kalkolu seta' jkun ibbażat biss fuq offerta ta’ prezz FOB f’Bangkok ipprovduta mill-industrija Komunitarja għat-tipi ta’ prodotti esportati mit-Tajlandja lejn il-Komunità matul u wara l-PI. Madankollu, il-kalkolu deher juri li prezzijiet ta’ l-esportazzjoni tal-RBM esportati mit-Tajlandja kienu aktar baxxi mill-prezzijiet fuq is-suq domestiku Indjan u, għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li dawn l-RBM inbiegħu lill-Komunità bi prezzijiet ta’ dumping.

(d)   Investigazzjoni anti-absorption

(45)

Barra minn hekk, ma għandux jintnesa’ li, f’Ottubru tas-sena 2000, wara l-investigazzjoni oriġinali li imponiet dazju ta’ 32,5 % fuq il-WWS u 39,4 % fuq il-kumpanniji Ċiniżi l-oħra kollha, investigazzjoni anti-absorption wasslet għal żieda fil-livell tad-dazju sa 51,2 % fuq il-WWS u 78,8 % fuq il-kumpanniji l-oħra kollha.

(e)   Miżuri kummerċjali protettivi applikati minn pajjiżi terzi

(46)

L-ebda pajjiż terz ma japplika miżuri kummerċjali protettivi kontra l-importazzjoni tal-RBM mir-RPĊ.

4.   Konklużjoni

(47)

L-investigazzjoni uriet li kemm il-produttur esportatur li kkopera u, wisq probabbli, anke ż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi l-oħra għandhom kapaċità produttiva inutilizzata konsiderevoli fid-dawl tat-tnaqqis sinifikanti fl-esportazzjonijiet tagħhom mis-sena 1999 sal-PI. Barra min hekk, il-kapaċità produttiva inutilizzata tal-produttur esportatur wieħed li kkopera hija kapaċi tissodisfa, bejn wieħed u ieħor, nofs il-konsum tal-Komunità.

(48)

Il-konsum apparenti tal-Komunità matul il-PI kien ta’ madwar 270 miljun biċċa, li minnhom 5 miljuni biss ġew iddikjarati bħala oriġinati fir-RPĊ. Waqt il-PI ta’ l-investigazzjoni oriġinali (mill-1 ta’ Ottubru 1994 sat-30 ta’ Settembru 1995) il-produtturi esportaturi Ċiniżi esportaw 126 miljun biċċa lejn il-Komunità. Għalhekk, u fid-dawl tal-kapaċità produttiva inutilizzata tal-produtturi esportaturi Ċiniżi, huwa probabbli li l-importazzjonijiet mir-RPĊ lejn is-suq tal-Komunità jerġgħu jibdew fi kwantitajiet sinifikanti jekk il-miżuri kontra d-dumping jitħallew jiskadu. Barra mill-pressjoni fuq il-kumpanniji Ċiniżi biex jesportaw fid-dawl tal-kapaċità produttiva inutilizzata enormi li għandhom, dawn l-esportazzjonijiet wisq probabbli jsiru bi prezzijiet ta’ dumping. Ċertament, għalkemm il-paragun għall-kumpannija li kkoperat ma weriex dumping, dan kien ibbażat fuq kampjun żgħir li mhuwiex komparabbli mal-kalkolu tad-dumping fl-investigazzjoni oriġinali. Min-naħa l-oħra, waħda mill-kumpanniji Ċiniżi li ma kkoperatx f’din l-investigazzjoni esportat l-RBM lejn il-Komunità via kumpannija relatata li tinsab fit-Tajlandja. Il-kalkuli urew il-possibbiltà li dan il-bejgħ sar bi prezzijiet ta’ dumping. Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li sena biss wara investigazzjoni ant-absorption, il-prattiċi tad-dumping komplew.

(49)

Abbażi ta' dawn il-konklużjonijiet u avvenimenti, huwa probabbli li, f’każ li jerġgħu jibdew l-esportazzjonijiet mill-esportaturi Ċiniżi lejn l-UE, dawn l-esportazzjonijiet probabbilment isiru bi prezzijiet taħt il-valur normali. Konsegwentament, wieħed għandu jistenna li, fl-assenza tad-dazji li hemm fil-preżent, jerġa’ jkun hemm dumping miċ-Ċina.

D.   DEFINIZZJONI TA’ L-INDUSTRIJA KOMUNITARJA

(50)

Matul il-PI, l-RBM kienu manifatturati fil-Komunità mill-produtturi li ġejjin:

Krause Ringbuchtechnik GmbH, Espelkamp, Ġermanja

SX Bürowaren Produktions- und Handels GmbH (sa Novembru ta' l-2001, l-RBM kienu manifatturati minn Koloman Handler AG), Vjenna, Awstrija

Industria Meccanica Lombarda srl, Offanengo, Italja.

(51)

L-ewwel żewġ produtturi huma l-applikanti u kkoperaw fl-investigazzjoni. Il-produtturi Komunitarji li kkoperaw kienu jirrappreżentaw aktar minn 90 % tal-produzzjoni totali tal-RBM fil-Komunità waqt il-PI. Għalhekk, dawn il-produtturi ġew meqjusa bħala rappreżentattivi ta' l-industrija Komunitarja fis-sens ta’ l-Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku. Minn hawn ’il quddiem jissejħu “l-industrija Komunitarja”. Wara l-PI, dawn iż-żewġ kumpanniji saru parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji, iżda l-produzzjoni tagħhom inżammet fil-Komunità. Dan il-grupp ta’ kumpanniji mhuwiex relatat mal-produtturi esportaturi Ċiniżi.

E.   IL-QAGĦDA FIS-SUQ TAL-KOMUNITÀ

1.   Konsum fis-suq tal-Komunità

(52)

Ir-risposti għall-kwestjonarju mill-produtturi Komunitarji li kkoperaw intużaw sabiex jiġi stabbilit il-bejgħ tal-RBM mill-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju. Tagħrif ieħor disponibbli intuża wkoll fil-kalkolu tal-bejgħ mill-produttur Komunitarju li mhuwiex inkluż fid-definizzjoni ta’ l-industrija Komunitarja.

(53)

Fir-rigward ta’ importazzjonijiet li joriġinaw fir-RPĊ u importazzjonijiet iddikjarati li joriġinaw fit-Tajlandja, intużaw il-figuri ta’ l-Eurostat bl-eċċezzjoni tal-figuri dwar l-importazzjonijiet iddikjarati li joriġinaw fir-RPĊ matul il-PI, fejn intuża t-tagħrif ipprovdut mill-produttur esportatur Ċiniż li kkopera.

(54)

Dwar l-importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħra, il-figuri dwar l-importazzjonijiet li joriġinaw fl-Indja u l-Indonesja, bl-eċċezzjoni ta’ dawk relatati mal-PI, ittieħdu mill-proċedimenti kontra d-dumping li kkonċernaw dawn iż-żewġ pajjiżi. Intuża tagħrif ta' l-Eurostat sabiex jiġi kkalkulat il-volum ta’ importazzjonijiet mhux disponibbli fir-risposti għall-kwestjonarju jew fi proċedimenti preċedenti. Fir-rigward ta' l-importazzjonijiet li joriġinaw fl-Ungerija, intużaw ir-risposti għall-kwestjonarju ta’ wieħed mill-produtturi Komunitarji li kkopera. Fir-rigward ta’ pajjiżi terzi barra mill-Ungerija u l-pajjiżi msemmija f’din il-premessa intuża t-tagħrif ta’ l-Eurostat. Għandu jiġi nnutat li l-figuri ta’ l-Eurostat kellhom jiġu kkonvertiti minn tunellati metriċi għal biċċiet.

(55)

Fuq din il-bażi, il-konsum Komunitarju apparenti naqas b’9 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, minn 297 miljun biċċa (bil-figuri arrotondati sal-miljun) fis-sena 1998 sa 270 miljun biċċa matul il-PI. Il-figuri għas-snin 1999 u 2000 kienu 306 miljun biċċa u 316 miljun biċċa rispettivament.

2.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(a)   Il-volum ta’ l-importazzjonijiet u sehem fis-suq

(56)

L-importazzjonijiet iddikjarati li joriġinaw mir-RPĊ naqsu b’mod estrem, minn 44 miljun biċċa fis-sena 1998 għal 24 miljun biċċa fis-sena 1999, għal 10 miljun biċċa fis-sena 2000 u għal 5 miljun biċċa matul il-PI. Is-sehem fis-suq ta’ l-importazzjonijiet iddikjarati li joriġinaw fir-RPĊ naqas kull sena tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni, minn 14,8 % fl-1998 għal 7,8 % fl-1999, għal 3 % fis-sena 2000 u għal 1,9 % matul il-PI.

(b)   L-evoluzzjoni tal-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat

(57)

Il-prezz medju ta’ l-importazzjonijiet iddikjarati li joriġinaw mir-RPĊ żdied b’96 % bejn is-sena 1998 (EUR 141) u l-PI (EUR 278). Ix-xejra 'l fuq tal-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet iddikjarati li joriġinaw mir-RPĊ tirrifletti t-tikbir ta' l-influwenza tat-tipi tal-prodotti aktar għalja soġġetti għal PMI (RBM bi 17 u 23 ċirku) aktar milli xi żieda ġenwina fil-prezzijiet.

3.   Importazzjonijiet iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja

(58)

Aktar 'il fuq intqal li, skond is-sejbiet ta’ l-investigazzjoni OLAF, parti sostanzjali ta’ l-importazzjonijiet iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja kienet, fil-fatt, ta’ oriġini Ċiniża. L-importazzjonijiet iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja żdiedu minn miljun biċċa fis-sena 1998 għal 16 il-miljun biċċa fis-sena 1999, għal 17 il-miljun biċċa fis-sena 2000 u għal 20 miljun biċċa matul il-PI. Is-sehem fis-suq ta’ l-importazzjonijiet iddikjarati li joriġinaw fit-Tajlandja żdied kull sena matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, minn 0,3 % fis-sena 1998 għal 5,2 % fis-sena 1999, għal 5,3 % fis-sena 2000 u għal 7,4 % matul il-PI. Il-prezz medju ta’ l-importazzjonijiet iddikjarati li joriġinaw fit-Tajlandja naqas b’9 % fl-istess perjodu, minn EUR 100 għal EUR 91. Tagħrif aktar dettaljat disponibbli dwar l-importazzjonijiet iddikjarati li joriġinaw fit-Tajlandja tirrigwarda l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid (resale) ta’ distributur Ewropew tal-RBM importati via t-Tajlandja. Instab li dawn il-prezzijiet resale kienu, bħala medja, madwar 12 % taħt il-prezzijiet ta’ bejgħ ta' l-industrija Komunitarja.

4.   Il-qagħda ekonomika ta’ l-industrija Komunitarja (9)

(a)   Produzzjoni, kapaċità ta’ produzzjoni u użu tal-kapaċità produttiva

(59)

Il-produzzjoni ta’ l-industrija Komunitarja naqset bi 17 % matul il-perjodu kkunsidrat minn 100 (numru indiċi) fis-sena 1998 għal 91 fis-sena 1999, għal 89 fis-sena 2000 u għal 83 waqt il-PI. Id-deċiżjoni ta’ Koloman Handler AG li titrasferixxi parti mill-produzzjoni tagħha lejn l-Ungerija fl-2000 tispjega t-tnaqqis fil-produzzjoni f’dik is-sena. Matul il-PI, Koloman Handler AG iddikjarat stat ta’ falliment u l-produzzjoni tagħha naqset b’mod sinifikanti matul it-tieni nofs tas-sena 2001.

(60)

Il-kapaċità produttiva ta’ l-industrija Komunitarja naqset b’7 % matul il-perjodu kkunsidrat. Fis-sena 1999 żdiedet għal 107 (numru indiċi) u mbagħad niżlet għal 93 fis-sena 2000 bħala riżultat tad-deċiżjoni ta’ Koloman Handler AG li titrasferixxi parti mill-produzzjoni tagħha fl-Ungerija. Il-kapaċità produttiva saret stabbli matul il-PI.

(61)

L-użu tal-kapaċità produttiva naqas minn aktar minn 80 % fl-1998 għal 70-75 % fl-1999, imbagħad żdied għal 76-80 % fis-sena 2000 u reġa' naqas għal 70-75 % fil-PI.

(b)   Stokk

(62)

L-istokk ta’ l-egħluq ta’ l-industrija Komunitarja waqa' b’37 % matul il-perjodu kkunsidrat, billi naqas kull sena matul dak il-perjodu. Il-fattur ewlieni li kkontribwixxa għal dan it-tnaqqis kien it-tnaqqis fl-attività ta’ produzzjoni ta’ Koloman Handler AG wara li din il-kumpannija iddikjarat stat ta’ falliment. Il-tul ta’ żmien li kien jinżamm l-istokk qabel jinbiegħ naqas b’għaxart ijiem matul il-perjodu kkunsidrat.

(ċ)   Volum ta’ bejgħ, sehem fis-suq u tkabbir

(63)

Il-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju naqas bi 8 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, minn 119 miljun biċċa fl-1998 għal 109 miljun biċċa matul il-PI. Il-bejgħ kien waqa’ wkoll fl-1999 għal 115 miljun biċċa u baqa’ kważi fl-istess livell fis-sena 2000.

(64)

Is-sehem fis-suq ta’ l-industrija Komunitarja kiber xi ftit matul il-perjodu kkunsidrat, minn 40,1 % fl-1998 għal 40,4 % fil-PI, għalkemm kien naqas b’mod sinifikanti fl-1999 u 2000 għal 37,6 % u 36,2 % rispettivament.

(65)

Waqt li l-konsum Komunitarju naqas b’9 % matul il-perjodu kkunsidrat, il-volum tal-bejgħ mill-industrija Komunitarja naqas bi 8 %. Min-naħa l-oħra, il-volum aggregat ta’ l-importazzjonijiet iddikjarati li joriġinaw mir-RPĊ u mit-Tajlandja naqas b’44 % fil-perjodu kkunsidrat. L-industrija Komunitarja, għalhekk, żiedet is-sehem tas-suq tagħha bi ftit, waqt li l-importazzjonijiet iddikjarati li joriġinaw mir-RPĊ tilfu s-sehem fis-suq u l-importazzjonijiet iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja żiedu s-sehem tagħhom fis-suq.

(d)   Prezzijiet ta' bejgħ u spejjeż

(66)

Il-prezz tal-bejgħ medju aġġustat tal-RBM mibjugħa mill-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju lil klijenti mhux relatati naqas matul kull sena tal-perjodu kkunsidrat, minn EUR 206 kull elf biċċa fl-1998 għal EUR 190 fl-1999, għal EUR 177 fis-sena 2000 u għal EUR 174 fil-PI, jiġifieri b’16 % matul il-perjodu kkunsidrat. Miżuri anti-dumping kontra importazzjonijiet mill-Indonesja ttieħdu biss f’Ġunju tas-sena 2002, jiġifieri ma jistax jiġi eskluż li RBM iddampjati mill-Indonesja setgħu kellhom effett fuq l-iżvilupp tal-prezz matul il-perjodu kkunsidrat.

(67)

Il-prezz tal-bejgħ tal-materja prima prinċipali (strixxi ta’ l-azzar u wire ta’ l-azzar) ma segwewx ix-xejra 'l isfel. Min-naħa l-oħra, il-prezz tax-xogħol għal kull unità, li jkopri aktar minn tnejn minn ħamsa ta' l-ispiża totali ta’ kull unità, naqas b’mod sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat.

(e)   Reddittività

(68)

Billi l-impatt ta’ ċerti oġġetti li ma jirriflettux ir-rendiment regolari tan-negozju (speċjalment id-deprezzament minħabba l-avvjament wara akkwiżizzjoni) kien sinifikanti, il-marġni ta’ profitt operattiv qabel id-deprezzament minħabba l-avvjament kien meqjus bħala indikatur aħjar mill-marġni ta’ profitt ta’ qabel it-taxxa sabiex issir stima tar-reddittività ta’ l-industrija Komunitarja. L-industrija Komunitarja konsistentement irreġistrat marġni ta’ profitt operattiv baxx fuq bejgħ lil klijenti mhux relatati fil-Komunità. Ir-reddittività tjiebet minn 0-3 % fl-1998 għal 3,1 %-6 % fl-1999 u mbagħad waqgħet f’daqqa għal bejn 0 % u –3 % fis-sena 2000 u kienet anqas minn –3 % fil-PI. Dan ir-rendiment negattiv żgur li kkontribwixxa għall-fatt li ż-żewġ kumpanniji kkonċernati fallew: Koloman Handler AG f’Lulju tas-sena 2001 u Krause Ringbuchtechnik GmbH f’April tas-sena 2002 (jiġifieri ftit wara t-tmiem tal-PI).

(f)   Investimenti u l-kapaċità ta' ġbir ta' kapital

(69)

L-analiżi ta’ l-investiment iffokat fuq l-investiment fl-impjant u l-makkinarju, li jirrappreżentaw aktar minn 90 % ta’ l-investiment totali fil-PI. L-investiment fl-avvjament ma ġiex ikkunsidrat ladarba ma jirriflettix ir-rendiment regolari ta’ l-industrija Komunitarja fuq medda ta’ numru ta' snin, billi dak l-investiment kien ir-riżultat ta’ akkwiżizzjoni li kienet avveniment ta’ darba. L-investiment fl-impjant u l-makkinarju naqas b’65 % fil-perjodu kkunsidrat. Niżel sa 52 (numru indiċi) fl-1999, għal 48 fis-sena 2000 u għal 35 fil-PI.

(70)

Il-kapaċità ta’ l-industrija Komunitarja li tiġbor il-kapital kienet imfixkla mir- reddittività konsistentement fqira tagħha.

(g)   Ir-reddittività tal-kapital investit

(71)

Hekk kif il-valur ta’ l-isħma sar negattiv fis-sena 2000 u ż-żewġ produtturi Komunitarji sussegwentement applikaw għall-bidu ta' proċedimenti ta' falliment, ir-reddittività fuq l-assi totali (“ROTA”) intużat bħala miżura biex titkejjel ir-reddittività fuq l-investiment. Ir-ROTA kienet stabbli fl-1998 u fl-1999, bejn 0 u 3 %, imbagħad waqgħet f’daqqa għal bejn 0 % u –5 % fis-sena 2000 u kienet anqas minn –10 % fil-PI.

(h)   Dħul u ħruġ ta’ flus

(72)

Analiżi tal-fluss operattiv nett simplifikat tad-dħul u l-ħruġ tal-flus, jiġifieri l-profitt operattiv flimkien mad-deprezzament (eskluż id-deprezzament minħabba l-avvjament), turi li x-xejra hija l-istess bħal dik tal-marġni ta’ profitt operattiv. Il-fluss tad-dħul u ħruġ ta’ flus żdied minn 100 (numru indiċi) fl-1998 għal 126 fl-1999 u mbagħad niżel f’daqqa għal 62 fis-sena 2000 u għal -65 fil-PI.

(i)   Impjiegi, produttività u pagi

(73)

L-impjiegi (unità full time) naqsu matul kull sena tal-perjodu kkunsidrat, minn 100 (numru indiċi) fl-1998 għal 86 fl-1999, għal 82 fis-sena 2000 u għal 77 fil-PI.

(74)

Il-produttività, imkejla fuq kull elf biċċa kull impjegat, tjiebet bi 8 % matul il-perjodu kkunsidrat, waqt li l-prezz tax-xogħol għall kull unità prodotta, imkejjel f’EUR għal kull kg, naqas bi 12 % fl-istess perjodu.

(j)   Id-dimensjoni tal-marġni attwali tad-dumping

(75)

Ma nstabx li kien hemm dumping fil-fatt waqt il-PI fir-rigward ta' importazzjonijiet iddikjarati li joriġinaw fir-RPĊ billi s-sejbiet fir-rigward ta' dawn l-importazzjonijiet jirrigwardaw gamma zgħira u mhux rappreżentattiva tal-RBM. Barra minn hekk, ma setgħet issir l-ebda determinazzjoni sħiħa tad-dumping fir-rigward ta' importazzjonijiet iddikjarati li joriġinaw fit-Tajlandja minħabba nuqqas ta’ investigazzjoni dwar id-dumping (l-investigazzjoni OLAF kienet tirrigwarda d-determinazzjoni ta’ l-oriġini u ma kinetx relatata mal-kwistjoni tad-dumping). Għalhekk, ma seta' jkun hemm l-ebda konklużjoni dwar il-kobor tal-marġni attwali tad-dumping.

5.   Konklużjoni

(76)

L-industrija Komunitarja baqgħet f’qagħda prekarja matul il-perjodu kkunsidrat. Dan jidher mir-reddittività li baqgħet tonqos (jew, fi kliem ieħor, mit-telf li baqa' jikber wara l-1999) fuq volumi ta’ bejgħ iżgħar bi prezzijiet ta’ unità aktar baxxi.

(77)

Il-qagħda prekarja ta’ l-industrija Komunitarja matul il-PI hija r-riżultat ta’ diversi avvenimenti fil-passat, bħal: (i) dumping ta’ importazzjonijiet li oriġinaw fir-RPĊ sa l-impożizzjoni ta’ miżuri f’Jannar tas-sena 1997; (ii) l-assorbiment ta’ dawn il-miżuri kif determinat f’Ottubru tas-sena 2000; (iii) dumping ta’ importazzjonijiet li oriġinaw fl-Indonesja sa l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping f’Ġunju tas-sena 2002; (iv) l-evażjoni permezz tat-Tajlandja (investigazzjoni OLAF). Barra minn hekk, wara investigazzjoni dwar l-evażjoni, il-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 119/97 ġew estiżi fuq l-importazzjonijiet kkunsinnati mill-Vjetnam (ara l-premessa (4)). Dan juri li, waqt il-perjodu kkunsidrat, l-industrija Komunitarja dejjem sofriet mid-dumping u ma kellhiex l-opportunità li tirkupra. It-tnaqqis fil-konsum fis-suq Komunitarju kien limitat u ma jistax, għalhekk, jispjega fih innifsu l-qagħda prekarja ta’ l-industrija Komunitarja.

F.   PROBABBILTÀ TA’ RIKORRENZA TAD-DANNU

1.   L-impatt fuq l-industrija Komunitarja taż-żieda mistennija fid-dumping

(78)

Matul il-PI ta’ l-investigazzjoni oriġinali (jiġifieri matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Ottubru 1994 u t-30 ta’ Settembru 1995), il-produtturi esportaturi Ċiniżi biegħu 126 miljun biċċa fis-suq Komunitarju (il-bejgħ tal-WWS laħħaq sa tnejn minn ħamsa ta’ dan il-volum). Fis-sena 2001, matul il-PI ta’ l-investigazzjoni attwali, huma biegħu 5 miljun biċċa ddikjarati li oriġinaw mir-RPĊ. Il-fatti li hemm kapaċità produttiva inutilizzata sinifikanti fir-RPĊ (waqt li l-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn pajjiżi terzi qegħdin jonqsu fil-volum) u li l-imġiba tal-produtturi esportaturi Ċiniżi wera, b’mod konsistenti, li huma lesti li jbiegħu bi prezzijiet ta’ dumping u dannużi sabiex jirbħu sehem mis-suq, jindikaw b’mod ċar li teżisti probabbilità ta’ rikorrenza ta’ dumping dannuż permezz ta’ l-importazzjoni li toriġina mir-RPĊ jekk il-miżuri anti-dumping jiskadu.

(79)

Il-Komunità hija l-uniku suq fejn il-produtturi esportaturi Ċiniżi għad jistgħu jkabbru s-sehem tagħhom, billi s-swieq l-oħra huma ġa fornuti minn produtturi Ċiniżi jew produtturi f’pajjiżi terzi kkontrollati minn produtturi Ċiniżi. Il-preżenza ta’ l-industrija Komunitarja mhix sinifikanti fis-swieq l-aktar importanti barra l-Komunità fejn kważi l-RBM kollha mibjugħa huma manifatturati fir-RPĊ jew minn kumpanniji kkontrollati mill-produtturi esportaturi Ċiniżi. Il-pressjoni fuq il-prezzijiet eżerċitata mill-importazzjonijiet ikkonċernati wisq probabbli tiżdied b’mod sinifikanti, kif suġġerit mill-analiżi ta’ l-investigazzjoni anti-absorption, jekk il-miżuri eżistenti jitħallew jiskadu. Jekk il-WWS kienet kapaċi tassorbi parti sinifikanti mid-dazju anti-dumping ta’ 32,5 % imposta fuqha u l-kumpanniji Ċiniżi għamlu l-istess bid-dazju ta’ 39,4 % impost fuqhom, huwa probabbli ħafna li, fl-assenza ta’ miżuri kontra d-dumping, dawn ikunu f’pożizzjoni li jżidu l-pressjoni qawwija 'l isfel li qegħdin jeżerċitaw fuq il-prezzijiet tal-RBM mibjugħa fil-Komunità.

(80)

Ta' min ifakkar li l-prezz medju tal-RBM iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja niżel b’9 % matul il-perjodu kkunsidrat u paragun bejn il-prezz tal-bejgħ medju ta’ distributur Ewropew tal-RBM iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja u l-prezz tal-bejgħ medju aġġustat ta’ l-industrija Komunitarja wera li ta’ l-ewwel kien madwar 12 % anqas minn ta’ l-aħħar.

(81)

Fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra, l-Ungerija saret parti mill-Komunità mill-1 ta’ Mejju 2004. Fil-każ ta’ l-Indja u l-Indonesja, il-produtturi esportaturi f'dawn iż-żewġ pajjiżi huma kkontrollati mill-produtturi esportaturi Ċiniżi. Jekk il-miżuri dwar l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ jiskadu, l-inċentiv għall-esportazzjoni tal-RBM mill-Indja u l-Indonesja lejn il-Komunità jonqos, billi huwa probabbli li, f’dan il-każ, ikun hemm żieda qawwija fl-importazzjonijiet iddampjati ġejjin direttament mir-RPĊ.

(82)

Fid-dawl tal-qagħda diġa prekarja ta’ l-industrija Komunitarja, iż-żieda sostanzjali, imsemmija hawn fuq, fl-importazzjonijiet mir-RPĊ bi prezzijiet ta’ dumping flimkien ma’ undercutting sostanzjali fil-prezzijiet bla dubju jkollhom konsegwenzi serji għall-industrija Komunitarja. Fil-fatt, u wkoll fid-dawl ta’ l-esperjenza fir-rigward ta’ investigazzjonijiet preċedenti kontra d-dumping u kontra s-sussidji fir-rigward tal-RBM, huwa probabbli ħafna li l-iskadenza tal-miżuri dwar l-importazzjonijiet tal-RBM li joriġinaw mir-RPĊ iwassal għal deterjorazzjoni ulterjuri u materjali fil-qagħda ta’ l-industrija Komunitarja.

2.   Konklużjoni dwar il-probabbilità ta’ rikorrenza tad-dannu

(83)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, huwa probabbli li l-iskadenza tal-miżuri anti-dumping kontra l-importazzjonijiet tal-RBM li joriġinaw mir-RPĊ tirriżulta f’żieda qawwija fil-volum ta’ dawn l-importazzjonijiet lejn il-Komunità, ikkombinata ma’ tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet tal-bejgħ. Għandu jiġi nnutat li l-parti l-kbira tal-prodotti fis-suq tal-RBM hija standardizzata u li l-kompetizzjoni isseħħ l-aktar f’termini ta’ prezzijiet.

(84)

F’dan il-kuntest, fid-dawl tas-sejbiet dwar il-qagħda tas-suq Komunitarju, huwa għalhekk probabbli li żieda fil-volum ta’ l-importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi ta’ dumping twassal għal waqgħa fil-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja. Dan iwassal għal deterjorazzjoni ulterjuri tal-qagħda finanzjarja ta’ l-industrija Komunitarja. Il-konsegwenzi probabbli għall-industrija Komunitarja jkunu l-falliment u l-għeluq ta’ l-uniku impjant li baqagħlha.

(85)

It-tmien tal-miżuri jneħħi l-aktar barriera importanti li żżomm il-produtturi esportaturi Ċiniżi milli jbiegħu fis-suq Komunitarju bi prezzijiet ta’ dumping dannużi.

(86)

Għalhekk, huwa konkluż li teżisti probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dannu kkawżat mid-dumping ta’ l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ.

G.   L-INTERESS KOMUNITARJU

1.   Introduzzjoni

(87)

Ġie mistħarreġ jekk kinux jeżistu raġunijiet impellenti li setgħu jwasslu għall-konklużjoni li mhux fl-interess tal-Komunità li jiġġeddu l-miżuri anti-dumping fis-seħħ. Għal dan il-għan, u skond l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, ġew ikkunsidrati, abbażi tal-prova kollha preżentata, l-impatt tat-tiġdid tal-miżuri fuq il-partijiet kollha involuti f’dan il-proċediment u l-konsegwenzi ta' l-iskadenza tal-miżuri.

(88)

Sabiex jiġi stmat l-impatt taż-zamma tal-miżuri, il-partijiet interessati kollha ingħataw l-opportunità li jressqu l-veduti tagħhom skond l-Artikolu 21(2) tar-Regolament bażiku. Kienu biss il-produtturi Komunitarji li kkoperaw u żewġ importaturi mhux relatati li wieġbu għall-kwestjonarju. Tlett utenti għamlu xi kummenti, iżda la wieġbu għall-kwestjonarju u lanqas ma ġabu prova sabiex jissostanzjaw il-kummenti tagħhom.

(89)

L-Artikolu 21(7) tar-Regolament bażiku jesiġi li għandu jingħata każ tat-tagħrif biss meta dan ikun appoġġjat b’evidenza attwali li tissostanzja l-validità tiegħu. F’dan il-kuntest, wieħed ma setax jikkonkludi abbażi tal-kummenti ta' l-utenti li ssuġġerew li ma kienx fl-interess Komunitarju li jinżammu l-miżuri kontra d-dumping billi dawn ma kienux sostanzjati.

(90)

F’dawk li huma l-effetti tal-miżuri anti-dumping imposti preċedentement, kien hemm tnaqqis sostanzjali fl-importazzjonijiet iddikjarati li oriġinaw mir-RPĊ, speċjalment wara ż-żieda fil-miżuri wara l-konklużjonijiet dwar l-absorption, flimkien ma’ żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet li oriġinaw jew iddikjarati li oriġinaw minn pajjiżi terzi oħra.

2.   L-interessi ta’ l-industrija Komunitarja

(91)

Il-grupp ta’ kumpanniji li għalih jappartjenu l-applikanti huwa l-uniku produttur tal-RBM fil-Komunità bi produzzjoni apprezzabbli. Qegħdin jiffaċċjaw sitwazzjoni diffiċli fejn importazzjonijiet dannużi bi prezzijiet baxxi, ħafna drabi iddampjati u ssussidjati minn pajjiżi terzi għad huma ta’ theddida. Huma rristrutturaw l-operat tagħhom wara li ddikjaraw falliment, iżda dan ma kienx bizzejjed biex jevitaw il-proċedimenti ulterjuri ta’ falliment fl-aħħar kwart tas-sena 2003. L-industrija Komunitarja qiegħda tagħmel sforz sabiex tibni negozju sod li kapaċi jikkompeti mal-produtturi esportaturi Ċiniżi fuq bażi dinjija. It-tmiem tal-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ jista’ jimmina serjament dik l-istrateġija, billi l-produtturi esportaturi Ċiniżi urew fil-passat li lesti li jniżżlu l-prezzijiet sal-livelli ta’ dumping bl-għan li jirbħu sehem fis-suq. Meta jitqies li l-effetti tal-miżuri fis-seħħ ġew parzjalment imminati bi prattiċi ta’ assorbiment u b’importazzjonijiet ta' RBM mill-Indonesja li huma ddampjati jew issussidjati, il-possibbiltà ta' l-iskadenza ta’ tali miżuri tidher li wisq probabbli tirrendi impossibbli l-isforzi attwali ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja.

(92)

L-industrija Komunitarja għandha tradizzjoni twila, iżda wisq probabbli ma tibqax teżisti jekk l-isforzi attwali ta’ ristrutturazzjoni jfallu. Robert Krause GmbH & Co. KG iddikjarat stat ta' falliment f’Jannar 1998. Is-suċċessur tagħha, Krause Ringbuchtechnik GmbH, ta’ Wilhelm vom Hoffe Drahtwerke GmbH minn Ġunju 1998, iddikjarat stat ta' falliment f’April 2002. Wara li akkwistat l-assi u assumiet l-impjieg tal-persunal ta’ din ta’ l-aħħar, Ringbuchtechnik Produktionsgesellschaft GmbH probabbilment ma terġax tibda l-produzzjoni wara l-applikazzjoni tagħha għall-bidu ta' proċeduri ta’ falliment. SX Bürowaren Produktions- und Handels GmbH qiegħda tkompli t-tradizzjoni ta’ Koloman Handler AG. Falliment ieħor, probabbilment, ikun ifisser it-tmiem ta’ l-industrija Komunitarja. Jekk l-industrija Komunitarja tieqaf milli tipproduċi l-RBM, il-kapaċitajiet akkumulati matul aktar minn seklu u l-impjiegi li għad fadal jintilfu.

(93)

It-tiġdid tal-miżuri wisq probabbli jgħin l-industrija Komunitarja tkabbar is-sehem tagħha fis-suq, tnaqqas l-ispejjeż tal-manifattura għal kull unità u żżid ir-reddittività. Il-prezzijiet, probabbilment, ma jinbidlux b’mod sinifikanti, iżda l-volum tal-bejgħ jista’ jikber b’mod sostanzjali. Ir-ristrutturazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja hija maħsuba sabiex issaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tagħha, tippermetti l-ippjanar aħjar dwar liema tipi ta’ RBM għandhom jiġu prodotti, tqawwi l-pożizzjoni tagħha fin-negozjati vis-à-vis il-fornituri tagħha u tirrazjonalizza l-bejgħ. Dawn il-miżuri kollha jikkontribwixxu għal tnaqqis fl-ispejjeż. L-industrija Komunitarja hija vijabbli, billi anke wara diversi fallimenti għadha kapaċi tforni parti sostanzjali mis-suq Komunitarju, b’mod partikolari, flimkien mas-sit ta’ produzzjoni li qiegħed fl-Ungerija, li sar parti mill-produzzjoni Komunitarja fl-1 ta’ Mejju 2004.

(94)

L-akkwist, minn SX Bürowaren Produktions- und Handels GmbH, ta’ Benson’s, kumpannija li ilha żmien twil fil-kummerċ ta' l-RBM flimkien ma’ kumpanniji fl-Olanda, Singapore, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, juri biċ-ċar ir-rieda ta’ l-industrija Komunitarja li ttejjeb l-aċċess tagħha għas-suq fuq bażi dinjija u s-serjetà ta’ l-isforzi tagħha ta' ristrutturazzjoni.

(95)

Wara l-espożizzjoni, tqajmu żewġ kwistjonijiet prinċipali. L-ewwel, il-possibbiltà ta’ abbuż ta' pożizzjoni dominanti mill-industrija Komunitarja. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma taf bl-ebda proċedimenti anti-trust fil-konfront tal-kumpanniji kkonċernati.

(96)

It-tieni, ġie allegazzjoni li l-industrija Komunitarja issa hija relatata ma’ esportatur Ċiniż u li Bensons, l-importatur li issa jagħmel parti mill-grupp industrijali Komunitarju, huwa distributur esklussiv tal-prodotti mibjugħa mill-WWS, esportatur Ċiniż li jikkontrolla wkoll il-produzzjoni fl-Indja.

(97)

Instab li jeżisti ftehim ta’ fornitura bejn Bensons u l-WWS li, fil-bidu, ħaseb għat-trasferiment ta' drittijiet ta' proprjeta intellettwali mill-WWS għal Bensons u t-trasferiment ta’ xi ishma ta’ Bensons lill-WWS. Dawn it-trasferimenti ta' ishma, iżda, ma seħħewx. Il-ftehim ta’ fornitura ma jaħseb għall-ebda esklussività bejn Bensons u l-WWS, iżda jistipula li Bensons tingħata priorità sabiex tkun id-distributur esklussiv jekk ċertu fornitur iwaqqaf l-attività tiegħu. Għaldaqstant, ir-relazzjoni allegata ma tistax tiġi kkonfermata.

3.   L-interessi ta’ l-importaturi

(98)

L-uniċi żewġ importaturi mhux relatati li kkoperaw ġew akkwistati minn SX Bürowaren Produktions- und Handels GmbH f’Awwissu 2002, biex b’hekk saru relatati ma’ l-industrija Komunitarja wara l-PI. Normalment, avvenimenti wara l-PI ma jiġux ikkunsidrati. Madankollu, billi din l-akkwiżizzjoni hija avveniment sinifikanti u li jdum fit-tul għandha, f’dan il-każ, tiġi kkunsidrata. L-interessi ta’ dawn l-imporaturi huma, issa, l-istess bħal dawk ta’ l-industrija Komunitarja billi huma kollha kumpanniji relatati.

(99)

L-ebda importatur mhux relatat ieħor ma kkopera fl-investigazzjoni. Dan jindika li, għalkemm kien hemm il-miżuri fis-seħħ, l-importaturi mhux relatati l-oħra ma ġewx milquta b’mod sinifikanti minn dawn il-miżuri.

4.   L-interessi ta’ l-utenti

(100)

L-ebda utent ma kkopera fl-investigazzjoni. Dan jindika li, għalkemm kien hemm il-miżuri fis-seħħ, l-utenti ma ġewx milquta b’mod sinifikanti minn dawn il-miżuri. Il-qagħda ta' l-utenti, għalhekk, probabbilment mhijiex sejra tiħżien bħala riżultat taż-żamma tal-miżuri kontra d-dumping.

(101)

Fil-perjodu kkunsidrat, xi manifatturi tal-binders naqqsu l-produzzjoni tagħhom jew għalqu l-impjanti tagħhom fil-Komunità. F’ċerti każijiet, trasferew jew espandew il-kapaċità produttiva tagħhom 'il barra mill-Komunità, prinċipalment fil-pajjiżi ta’ l-Ewropa tal-Lvant. Ir-raġunijiet li wasslu għad-deċiżjonijiet ta’ dawn l-utenti kienu prinċipalment motivati minn spejjeż tax-xogħol aktar baxxi u l-prossimità ta’ dawk il-pajjiżi mas-suq Komunitarju, flimkien mal-prospettiva li dawn il-pajjiżi jsiru membri ta' l-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004. Il-prezzijiet tal-RBM mibjugħa mill-industrija Komunitarja segwew xejra 'l isfel u waqt il-perjodu kkunsidrat kienu disponibbli fis-suq importazzjonijiet ta' RBM bi prezzijiet baxxi mill-Indja, mill-Indonesja u mit-Tajlandja, mhux soġġetti għal dazji kontra d-dumping.

(102)

Ta' min jenfasizza li, jekk l-industrija Komunitarja tispiċċa, l-utenti jsiru dipendenti kważi għal kollox fuq importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ u/jew importazzjonijiet minn sussidjarji Ċiniżi f’pajjiżi oħrajn. F'dak iż-żmien, il-produtturi esportaturi Ċiniżi jkollhom inċentiv biex iżidu l-prezzijiet b’mod sostanzjali fis-swieq barra r-RPĊ, li jista’ jipperikola b’mod serju l-kompetittività ta’ l-industriji li jużaw il-prodott. L-industrija Komunitarja m'għandhiex interess li tħaddan politika ta’ prezzijiet li tikkontribwixxi għall-egħluq tal-manifatturi Komunitarji tal-binders, għax b’hekk tkun f’qagħda ħafna aktar dgħajfa meta tikkompeti barra mill-Komunità ma’ produtturi esportaturi Ċiniżi u s-sussidjarji tagħhom.

(103)

Jekk il-miżuri jiġġeddu, ikun hemm sorsi alternattivi ta’ provvista. Ta’ min jinnota li l-miżuri anti-dumping attwali kontra l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ ma wasslu għal ebda skarsezza ta’ RBM importati fis-suq Komunitarju.

5.   L-interessi ta’ l-industrija fornitriċi (upstream)

(104)

Il-fornituri tal-wire ta’ l-azzar u ta' l-istrixxi ta’ l-azzar ibiegħu persentaġġ negliġibbli mill-produzzjoni tagħhom lill-industrija Komunitarja u, bħala tali, mhumiex milquta mill-eżitu ta’ dan il-proċediment. L-ebda wieħed minnhom ma resaq 'il quddiem bħala parti interessata.

6.   Effetti li jiddeformaw il-kompetizzjoni u l-kummerċ

(105)

Fir-rigward ta’ l-effetti fuq il-kompetizzjoni fil-Komunità tat-tmiem possibbli tal-miżuri, ta’ min jinnota li hemm biss ftit produtturi tal-RBM fid-dinja kollha, il-biċċa l-kbira minnhom Ċiniżi jew ikkontrollati mill-produtturi esportaturi Ċiniżi. Jekk jisparixxu l-ftit produtturi li għad fadal, li mhux ikkontrollati minn kumpanniji Ċiniżi, dan ikollu effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni fil-Komunità.

7.   Konklużjoni dwar l-interessi Komunitarji

(106)

Kont meħud tal-fatturi u l-konsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-konklużjoni hija li ma hemmx raġunijiet impellenti kontra ż-żamma fis-seħħ tal-miżuri attwali kontra d-dumping.

H.   MIŻURI TA’ KONTRA D-DUMPING

(107)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, huwa meqjus li, kif previst fl-Artikoli 11(2) u 11(6) tar-Regolament bażiku, il-miżuri anti-dumping kontra l-importazzjonijiet tal-RBM li joriġinaw mir-RPĊ imposti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 119/97, kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2100/2000, għandhom jinżammu.

(108)

Minħabba li ż-żmien ta’ l-investigazzjoni kien wieħed twil, huwa meqjus xieraq li l-miżuri jkunu limitati għal erba’ snin,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Huwa b’dan impost dazju definittiv kontra d-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti mekkaniżmi tal-binders biċ-ċrieki, attwalment klassifikabbli taħt il-kodiċi NM ex 8305 10 00, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, mekkaniżmi tal-binders biċ-ċrieki jikkonsistu f'żewġ folji rettangolari jew wires ta’ l-azzar b’mill-anqas erba’ nofs-ċrieki tal-wire ta’ l-azzar imwaħħla magħhom u li huma miżmuma flimkien permezz ta’ għata ta’ l-azzar. Huma jistgħu jinfetħu jew billi jinġibdu n-nofs ċrieki jonkella permezz ta’ mekkaniżmu ta’ l-azzar f'forma ta’ grillu żgħir imwaħħal mal-mekkaniżmi tal-binders biċ-ċrieki.

2.   Ir-rata applikabbli tad-dazju definittiv kontra d-dumping fuq il-prezz nett u liberu-fil-fruntiera-Komunitarja, qabel id-dazju, għandha tkun kif ġej:

(a)

għall-mekkaniżmi li għandhom 17 jew 23 ċirku (Kodiċi TARIC 8305100021, 8305100022 u 8305100029), l-ammont tad-dazju għandu jkun ugwali għad-differenza bejn il-prezz minimu ta’ importazzjoni ta’ EUR 325 kull 1000 biċċa u l-prezz nett, liberu-fil-fruntiera-Komunitarja, qabel id-dazju;

(b)

għall-mekkaniżmi barra minn dawk li għandhom 17 jew 23 ċirku (Kodiċi TARIC 8305100011, 8305100012 u 8305100019)

 

Rata ta’ dazju

Kodiċi TARIC addizzjonali

Repubblika Popolari taċ-Ċina

 

 

World Wide Stationery Mfg, Hong Kong, Repubblika Popolari taċ-Ċina

51,2  %

8934

il-kumpanniji l-oħrajn kollha

78,8  %

8900

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

Dan id-dazju kontra d-dumping għandu jiġi impost għal perjodu ta’ erba’ snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, nhar id-29 ta' Novembru 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

L. J. BRINK HORST


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru. 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).

(2)  ĠU L 22, 24.1.1997, p. 1.

(3)  ĠU L 250, 5.10.2000, p. 1.

(4)  ĠU L 150, 8.6.2002, p. 1 u p. 17.

(5)  ĠU L 232, 1.7.2004, p. 1.

(6)  ĠU L 127, 29.4.2004, p. 67.

(7)  ĠU C 122, 25.4.2001, p. 2.

(8)  ĠU C 21, 24.1.2002, p. 25.

(9)  Id-data hija mogħtija forma ta’ numri indiċi (1998 = 100) jew bħala medda sabiex tinżamm il-privatezza.


Top