Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R2045

    2045/2004/KE: Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2045/2004 tad- 29 ta' Novembru 2004 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2131/93 li jistabbilixxi l-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-bejgħ taċ-ċereali li jkunu f’idejn l-aġenziji intermedjarji

    ĠU L 354, 30.11.2004, p. 17–18 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 306M, 15.11.2008, p. 28–29 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 05/03/2009

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/2045/oj

    15.11.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    28


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 2045/2004

    tad-29 ta' Novembru 2004

    li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2131/93 li jistabbilixxi l-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-bejgħ taċ-ċereali li jkunu f’idejn l-aġenziji intermedjarji

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1784/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fiċ-ċereali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    lr-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2131/93 (2) jistabbilixxi l-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-bejgħ taċ-ċereali li jkunu f’idejn l-aġenziji intermedjarji [ta’ intervent].

    (2)

    Mezzi ġodda u moderni tal-komunikazzjoni għandhom jintużaw biex jinfurmaw lill-partijiet interessati kollha madwar il-Komunità kollha kemm hi dwar bejgħ mill-intervent. Dan jippermetti li l-aġenziji ta’ intervent ibigħu permezz ta’ sejħiet għall-offerti kwantitajiet akbar, mingħajr deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni, fil-qies tal-qagħda tas-suq fl-Istati Membri tagħhom. Biex ir-regoli dwar l-esportazzjoni jiġu ssimplifikati, ma għandux ikun hemm l-obbligu li l-lok tal-ħżin jissemma fid-deċiżjoni li toħroġ stediniet għall-offerti.

    (3)

    Fl-Istati Membri li ma għandhomx portijiet marittimi, l-offerenti huma ppenalizzati mill-ispejjeż ogħla tat-trasport għaċ-ċereali li jkunu qed jitressqu għall-bejgħ. Għaldaqstant l-esportazzjoni taċ-ċereali minn dawn l-Istati Membri hija aktar diffiċli, u dan iġib miegħu, b’mod partikolari, aktar tul ta’ żmien fil-ħażna ta’ intervent u spejjeż supplimentari għall-baġit tal-Komunità. Għaldaqstant għandha tkun ipprovduta l-possibbiltà, f’ċerti każijiet, li jkunu ffinanzjati l-ispejjeż tat-trasport l-aktar vantaġġużi bejn il-post tal-ħżin u l-post tal-ħruġ, biex l-offerti jkunu komparabbli. Il-port Rumen ta’ Constanta kien port ta’ ħruġ tradizzjonali għall-pajjiżi tal-Ewropa ċentrali qabel l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni. Għaldaqstant jeħtieġ li Constanta tiddaħħal fost il-postijiet ta’ ħruġ li jistgħu jkunu kkunsidrati għall-kalkolu tal-ispejjeż tat-trasport eliġibbli għar-rifużjoni fil-każ ta’ esportazzjoni.

    (4)

    Bil-għan li l-proċedura għall-bejgħ taċ-ċereali tkun issimplifikata, il-garanziji li jakkumpanjaw l-offerti għall-bejgħ għall-esportazzjoni kif ukoll għas-suq Komunitarju għandhom jingħaqdu.

    (5)

    Jeħtieġ għalhekk li r-Regolament (KEE) Nru 2131/93 jiġi emendat skont dan.

    (6)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-kumitat ta’ ġestjoni għaċ-ċereali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2131/93 għandu jkun emendat kif ġej:

    1.

    Fl-Artikolu 2(2), “2 000 tunnellata” għandha tinbidel b’“5 000 tunnellata”.

    2.

    Fl-Artikolu 3(1), l-ewwel sentenza għandha tinbidel bis-sentenza li ġejja:

    “L-aġenziji ta’ intervent għandhom ifasslu avviżi ta’ sejħiet għall-offerti skont l-Artikolu 12 u jiżguraw li dawk l-avviżi jingħataw pubbliċità adegwata, b’mod partikolari billi jqegħduhom għall-wiri fl-uffiċċji prinċipali tagħhom kif ukoll fis-sit tal-internet tagħhom jew f’dak tal-Minisetru kompetenti.”

    3.

    L-Artikolu 7 għandu jkun emendat kif ġej:

    (a)

    Fil-paragrafu 1 għandu jitħassar il-punt (b);

    (b)

    Fil-paragrafu 2a, għandha tiżdied is-sentenza li ġejja:

    “Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, il-port Rumen ta’ Constanta jista’ jitqies bħala post tal-ħruġ”.

    4.

    Fl-Artikolu 13(4), it-tieni subparagrafu għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “L-offerti għandhom ikunu validi biss jekk ikunu akkumpanjati minn prova li l-offerent ikun iddepożita garanzija ta’ EUR 5 għal kull tunnellata”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 29 ta' Novembru 2004.

    Għall-Kummissjoni

    Mariann FISCHER BOEL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 78.

    (2)  ĠU L 191, 31.7.1993, p. 76. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 777/2004 (ĠU L 123, 27.4.2004, p. 50).


    Top