This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32004R1886
Council Regulation (EC) No 1886/2004 of 25 October 2004 extending the definitive anti-dumping duty imposed by Council Regulation (EC) No 1796/1999 on imports of steel ropes and cables originating, inter alia, in the People's Republic of China to imports of steel ropes and cables consigned from Morocco, whether declared as originating in Morocco or not, and terminating the investigation in respect of imports from one Moroccan exporter
1886/2004/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1886/2004 tal- 25 ta’ Ottubru 2004 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1796/1999 fuq importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils ta’ l-azzar li joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils ta’ l-azzar konsenjati mill-Marokk, kemm jekk dikjarti li joriġinaw mill-Marokk kif ukoll jekk le, u li jtemm l-investigazzjoni fir-rigward ta’ importazzjonijiet minn esportatur wieħed mill-Marokk.
1886/2004/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1886/2004 tal- 25 ta’ Ottubru 2004 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1796/1999 fuq importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils ta’ l-azzar li joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils ta’ l-azzar konsenjati mill-Marokk, kemm jekk dikjarti li joriġinaw mill-Marokk kif ukoll jekk le, u li jtemm l-investigazzjoni fir-rigward ta’ importazzjonijiet minn esportatur wieħed mill-Marokk.
ĠU L 328, 30.10.2004, p. 1–6
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(BG, RO)
ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 42–47
(MT)
In force
31.12.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
42 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1886/2004
tal-25 ta’ Ottubru 2004
li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1796/1999 fuq importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils ta’ l-azzar li joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils ta’ l-azzar konsenjati mill-Marokk, kemm jekk dikjarti li joriġinaw mill-Marokk kif ukoll jekk le, u li jtemm l-investigazzjoni fir-rigward ta’ importazzjonijiet minn esportatur wieħed mill-Marokk.
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet li huma oġġetti ta’ dumping minn pajjiżi li m’humiex membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara li kkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv,
Billi:
A. PROĊEDURA
1. Miżuri eżistenyi
(1) |
F’Awwissu 1999, il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 1796/1999 (2) tiegħu, impona dazju anti-dumping ta’ 60,4 % fuq l-importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils ta’ l-azzar (“steel wire ropes” jew “SWR”) li joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“PRC”). |
2. Talba
(2) |
Fil-5 ta’ Jannar 2004, il-Kummissjoni rċeviet talba, skond l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, mill-Kumitat ta’ Kordinament tal-Federazzjoni Ewropea ta’ l-Industrija tal-Ħbula ta’ l-Azzar, (EWRIS) sabiex tinvestiga l-allegat evitar permezz ta’ circumvention tal-miżuri anti-dumping imposti fuq importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils ta’ l-azzar li ġejjin mill-PRC. Din it-talba ġiet ippreżentata f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw il-parti l-kbira tal-produzzjoni ta’ SWR tal-Komunità. |
(3) |
Din it-talba allegat u pproduċiet evidenza suffiċjenti prima facie li turi illi wara l-impożizzjoni ta’ miżuri fuq l-importazzjonijiet ta’ SWR li joriġinaw fil-PRC, kien hemm bidla sinifikanti fil-mod ta’ kif isir il-kummerċ li jinvolvi esportazzjonijiet ta’ SWR mill-PRC u mill-Marokk lejn il-Komunità. Ġie allegat li din il-bidla fil-mod ta’ kif isir il-kummerċ ġejja minn trasbord permezz tal -Marokk ta’ SWR li joriġina fil-PRC. Kien hemm żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet mill-Marokk filwaqt li sadanittant l-importazzjonijiet mill-PRC naqsu bi proporzjonijiet bejn wieħed u ieħor ekwivalenti. |
(4) |
It-talba kkonkludiet li kien hemm kawża dovuta insuffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika għat-tibdil imsemmi fuq, ħlief l-eżistenza tad-dazju anti-dumping fuq SWR li joriġina fil-PRC. |
(5) |
Finalment, l-EWRIS ippreżenta wkoll biżżejjed evidenza li l-effetti rimedjali ta’ dan id-dazju kienu qegħdin jiġu mminati kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll f’termini ta’ prezzijiet u li l-prezzijiet ta’ SWR mill-Marokk kienu oġġett ta’ dumping meta mqabbla mal-valuri normali li qabel kienu ġew stabbiliti għal SWR li joriġina mill-PRC. |
3. Bidu
(6) |
Il-Kummissjoni, bir-Regolament (KE) Nru 275/2004 (3) tagħha (“Regolament ta’ bidu”), bdiet investigazzjoni tas-circumvention allegata u tat direttiva, b’mod konformi ma’ l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, lill-awtoritajiet doganali, sabiex jirreġistraw l-importazzjonijiet ta’ SWR konsenjati mill-Marokk, kemm jekk dikjarati li joriġinaw mill-Marokk kif ukoll jekk le, u dan mid-19 ta’ Frar 2004. Il-Kummissjoni avżat lill-awtoritajiet tal-PRC u tal-Marokk bil-bidu ta’ din l-investigazzjoni. |
4. Investigazzjoni
(7) |
Intbagħtu kwestjonarji lill-importaturi ta’ SWR fil-Komunità kif ukoll lill-esportaturi ta’ SWR li jinsabu fil-PRC u fil-Marokk, li kienu ssemmew fit-talba, u lil partijiet interessati oħrajn li ppreżentaw irwieħhom fil-limitu taż-żmien preskritt. Il-partijiet kollha ġew informati li n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tagħhom tista’ twassal għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Ġew ukoll mgħarrfa bil-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni. |
(8) |
Numru ta’ importaturi Komunitarji infurmaw lill-Kummissjoni bil-miktub fejn huma ddikjaraw li ma kinux importaw SWR mill-Marokk. |
(9) |
L-ebda risposta għall-kwestjonarji ma waslet lura mill-esportaturi/produtturi fil-PRC. |
(10) |
Risposta għall-kwestjonarju waslet mingħand produttur esportatur Marokkin wieħed, Remer Maroc SARL, Settat. Il-Kummissjoni wettqet żjara ta’ verifika fil-bini ta’ din il-kumpannija. |
5. Perijodu ta’ l-investigazzjoni
(11) |
Il-perijodu ta’ l-investigazzjoni jkopri l-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2003 sal-31 ta’ Diċembru 2003 (“l-IP”). Id-data nġabret mill-1999 sat-tmiem l-IP sabiex tiġi investigata l-allegata bidla fil-mod li bih kien qiegħed isir in-negozju. |
B. RIŻULTATI TA’ L-INVESTIGAZZJONI
1. Kunsiderazzjonijiet ġenerali/livell ta’ kooperazzjoni
(12) |
Kif intqal fil-premessa 9, ma kienet riċevuta l-ebda kooperazzjoni mill-produtturi jew mill-esportaturi ta’ SWR fil-PRC. Madanakollu, inkisbet informazzjoni mingħand produttur esportatur wieħed mill-Marokk li kkoopera, Remer Maroc SARL, li pproduċa SWR u li esporta parti żgħira mill-produzzjoni tiegħu lejn il-Komunità matul l-IP. Din il-kumpannija hija responsabbli għal inqas minn 5 % tal-volum totali ta’ importazzjonijiet SWR mill-Marokk lejn il-Komunità matul l-IP, kif rapportat mill-EUROSTAT. Għaldaqstant ir-riżultati kellhom ikunu ibbażati parzjalment fuq il-fatti disponibbli, skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. |
2. Prodott konċernat u prodott simili
(13) |
Il-prodott konċernat huwa, kif definit fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri eżistenti (“l-investigazzjoni oriġinali”), ħbula u kejbils ta’ l-azzar, inklużi ħbula b’barma fissa, għajr ħbula u kejbils ta’ l-istainless steel, li għandhom taqsima trasversali massima li taqbeż it-3 mm (fit-terminolġija industrijali huma magħrufin bħala “SWR”), li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, normalment dikjarati taħt il-kodiċi NM ex 7312 10 82, ex 7312 10 84, ex 7312 10 86, ex 7312 10 88 u ex 7312 10 99. |
(14) |
L-investigazzjoni wriet illi l-SWR esportati lejn il-Komunità mill-PRC u dawk konsenjati mill-Marokk lejn il-Komunità għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi u l-istess użijiet, u għaldaqstant għandhom jitqiesu bħala prodotti simili skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku. |
3. Bidla fil-mod ta’ kif isir in-negozju
Esportatur Marokkin li kkoopera
(15) |
Remer Maroc SARL, l-esportatur li kkoopera, ġiet stabbilita fis-sena 2001 bħala sussidjarja bi sjieda unika tal-kumpannija Taljana Remer Italia Srl. Matul l-IP, Remer Maroc SARL, esportat biss kwantità żgħira ħafna tal-prodott konċernat lejn il-Komunità, kwantità li tirrappreżenta inqas minn 5 % ta’ l-importazzjoni totali ta’ SWR mill-Marokk fl-istess perijodu. Il-parti l-kbira tal-bejgħ tagħha huwa destinat għas-suq lokali Marokkin. |
(16) |
Ġie wkoll stabilit li Remer Maroc SARL hija kumpannija li tipproduċi kif ukoll tesporta SWR u tħaddem faċilitajiet ta’ produzzjoni għall-proċess kollu tal-produzzjoni tal-prodott konċernat filwaqt li tuża wajer ta’ l-azzar, qalba ta’ tessut u griż li hija tixtri. Din il-kumpannija tbiegħ biss il-prodott tagħha jew dak tal-kumpannija omm Taljana u qatt ma xtrat SWR, jew materjal ieħor mill-PRC. |
(17) |
Meta jkun ikkunsidrat dak li ntqal fuq, Remer Maroc SARL uriet illi l-esportazzjonijiet tagħha m'għandhomx parti fil-bidla fl-istruttura tal-kummerċ bejn il-PRC u l-Komunità. Konsegwentement, l-investigazzjoni fir-rigward ta’ SWR esportat minn Remer Maroc SARL għandha titwaqqaf. |
Esportaturi Marokkini li ma kkooperawx
(18) |
Fir-rigward ta’ dawk l-esportaturi li ma kkooperawx, l-esportazzjonijiet lejn il-Komunità kellhom jiġu stabbiliti abbażi tal-fatti disponibbli skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Huwa kkunsidrat li d-data ta’ l-EUROSTAT fil-livell ta’ NM hija l-aħjar informazzjoni disponibbli sabiex jiġu stabbiliti sejbiet dwar l-esportazzjonijiet lejn il-Komunità wara l-impożizzjoni tad-dazju anti-dumping impost fuq SWR li joriġinaw mill-PRC. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li t-talba mill-industrija Komunitarja hija wkoll ibbażata fuq data ta’ l-EUROSTAT, u li ma kienx hemm sorsi indipendenti oħra disponibbli għall-Kummissjoni matul din l-investigazzjoni. Il-prezz ta’ l-esportazzjoni mill-Marokk lejn l-UE ġie stabbilit abbażi tal-valur u t-tunnellaġġ ta’ l-esportazzjoni totali kif rapportati mill-EUROSTAT fil-livell ta’ NM, li minnhom tnaqqsu l-kwantitajiet u l-valuri esportati mill-kumpannija Marokkina li kkooperat. Barra minn hekk, fir-rigward tad-data fil-perijodu qabel l-impożizzjoni tal-miżuri, tqies li d-data ta’ l-EUROSTAT fil-livell ta’ NM kienet l-aħjar informazzjoni disponibbli, fin-nuqqas ta’ sorsi indipendenti oħrajn. |
(19) |
Irriżulta li kien hemm bidla qawwija minn importazzjonijiet mill-PRC lejn il-Komunità għal dawk mill-Marokk lejn il-Komunità li seħħet wara d-dħul fis-seħħ tal-miżuri anti-dumping fuq SWR li joriġina mill-PRC f’Awissu 1999. Wara l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping mill-Komunità, l-importazzjonijiet mill-Komunità ta’ SWR mill-PRC naqsu sostanzjalment minn 14 057 tunnellata fl-1998 għal 364 tunnellata fis-sena 2000, u baqgħu f’livelli baxxi simili bejn l-2000 u l-2003. Fl-istess perijodu, l-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ SWR mill-Marokk żdiedu minn żero fl-1998 għal 2 338 fl-2003. |
(20) |
Għaldaqstant ġiet stabbilita bidla ċara fix-xejra tal-kummerċ fir-rigward tal-kumpaniji li ma kkooperawx, li seħħet wara d-dħul fis-seħħ, f’Awissu 1999, tal-miżuri anti-dumping tal-Komunità fuq SWR li joriġina mill-PRC. |
4. Nuqqas ta’ kawża relattiva jew ta’ ġustifikazzjoni ekonomika (esportaturi marokkini li ma kkooperawx)
(21) |
Abbażi tal-fatti disponibbli rriżulta li ma kienx hemm ġustifikazzjoni ekonomika, jew għallinqas din kienet insuffiċjenti, għall-bidla fix-xejra tal-kummerċ. L-ewwelnett, il-produttur Marokkin li kkoopera, ma importax SWR mill-PRC. It-tieninett, abbażi ta’ statistiċi Ċiniżi, Marokkini u tal-KE, hemm żieda fl-esportazzjonijiet mill-PRC lejn il-Marokk li tikkorrispondi maż-żieda fl-esportazzjonijiet mill-Marokk lejn il-Komunità fl-istess perijodu. Huwa ammess li l-istatistiċi kummerċjali Marokkini u Ċiniżi ma jagħmlux distinzjoni bejn SWR u ħjut (SWR nofsu maħdum) filwaqt li l-istatistiċi tal-KE jagħmlu din id-distinzjoni. Madanakollu, minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mifruxa u n-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni li fil-Marokk iseħħ xi proċess ta’ trasformazzjoni minn ħjut għal ħbula, wieħed jista’ jiġi ssoponut li din id-data statistika tagħti stampa adegwata ta’ l-importazzjonijiet ta’ SWR mill-PRC lejn il-Marokk. Barra minn hekk, jekk seħħet trasformazzjoni bħal din, din ma kienitx waħda sostanzjali. Ekonomikament, ma tkunx vijabbli li ssir xi forma ta’ trasformazzjoni minn ħjut għal SWR f’post differenti mil-lok tal-produzzjoni tal-ħjut, u dan għaliex il-valur miżjud f’dan il-proċess huwa wieħed relattivament żgħir meta mqabbel ma’ l-ispejjeż tat-trasport. Għandu jiġi nnotat ukoll li kumpannija Marokkina, li la mliet il-kwestjonarju u lanqas ma aċċettat żjara ta’ verifika, ipprovdiet informazzjoni kontradittorja rigward l-attivitajiet tagħha, meta setgħet faċilment tiċċara s-sitwazzjoni billi tikkoopera fl-investigazzjoni. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mingħand xi kumpannija oħra għajr Remer Maroc SARL, jista’ għalhekk jiġi konkluż mill-paralleliżmu tat-tendenzi, illi l-importazzjoni mill-PRC lejn il-Marokk ma kinitx destinata għas-suq Marokkin, iżda kienet intiża biex tiġi esportata lejn il-Komunità. |
(22) |
Din il-konklużjoni hija msaħħa bil-fatt li l-uniku esportatur magħruf tal-prodott konċernat mill-Marokk, għajr għall-esportatur li kkoopera, hija kumpannija sussidjarja ta’ produttur esportatur Ċiniż. Din il-kumpannija sussidjarja ġiet stabbilita fil-Marokk fl-2001, data li tikkoinċidi mal-bidu ta’ l-esportazzjonijiet ta’ SWR mill-Marokk lejn il-Komunità. |
(23) |
Meta jiġi kkunsidrat dak li ngħad hawn fuq, kif ukoll li s-sostituzzjoni msemmija fuq ta’ importazzjoni mill-PRC b’importazzjoni mill-Marokk seħħet fil-perijodu wara l-impożizzjoni tad-dazju anti-dumping, għandu jiġi konkluż, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra, illi l-bidla fix-xejra tal-kummerċ irriżultat mill-impożizzjoni tad-dazju aktar milli minn xi kawża suffiċjenti oħra dovuta jew xi ġustifikazzjoni ekonomika skond it-tifsira tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. |
(24) |
Minħabba dan ta' hawn fuq, huwa raġonevoli li jiġi konkluż li l-allegazzjoni magħmula fl-ilment hija konfermata, jiġifieri illi l-parti l-kbira ta’ l-esportazzjonijiet mill-PRC lejn il-Marokk, kienu sempliċement trasbordati mill-Marokk lejn il-Komunità. |
5. Imminar ta’ l-effetti ta’ rimedju tad-dazju f’termini ta’ prezzijiet u/jew kwantitajiet ta’ prodotti simili (esportaturi marokkini li ma kkooperawx)
(25) |
Jidher ċar miċ-ċifri tal-premessa 19 li seħħ tibdil kwantitattiv ovvju fix-xejriet ta’ l-importazzjonijiet tal-prodott konċernat lejn il-Komunità wara l-impożizzjoni tal-miżuri. Il-volum sinifikanti ta’ esportazzjonijiet ta’ SWR mill-PRC lejn il-Komunità, qabel l-impożizzjoni tal-miżuri, kien parzjalment sostitwit b’volum iżgħar, imma xorta waħda sinifikanti, ta’ esportazzjonijiet minn esportaturi Marokkini li ma kkooperawx. Dan il-volum aħħari jikkorrispondi għal 20 %-25 % tal-volum milħuq mill-importazzjonijiet mill-PRC fiż-żmien ta’ l-IP ta’ l-investigazzjoni oriġinali (1 ta’ Jannar 1997 sal-31 ta’ Marzu 1998). Huwa għaldaqstant ikkunsidrat li din il-bidla sinifikanti fil-fluss tan-negozju timmina l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri fir-rigward tal-kwantitajiet importati fis-suq Komunitarju. |
(26) |
Fir-rigward tal-prezzijiet, u minħabba l-livell baxx ta’ kooperazzjoni, kellu jsir użu tal-fatti disponibbli, jiġifieri ċifri ta’ l-EUROSTAT fil-livell ta’ NM. Din id-data kixfet illi l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni ta’ CIF mill-Marokk kienu madwar 3 %, f’termini nominali, taħt il-prezzijiet ta’ CIF ta’ l-esportazzjonijiet Ċiniżi fl-investigazzjoni oriġinali. Konsegwentement, wieħed jassumi li l-prezzijiet ta’ l-esportazzjonijiet Marokkini huma taħt il-livell ta’ eliminazzjoni tad-danni tal-prezzijiet tal-Komunità kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali. |
(27) |
Għalhekk qiegħed jiġi konkluż li l-importazzjonijiet konċernati dgħajfu l-effetti ta’ rimedju tad-dazju kemm fir-rigward tal-kwantitajiet kif ukoll fir-rigward tal-prezzijiet. |
6. Evidenza ta’ dumping fir-rigward tal-valuri normali stabbiliti qabel għal prodotti bħalhom jew simili (esportaturi marokkini li ma kkooperawx)
(28) |
Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx evidenza ta’ dumping fir-rigward ta’ SWR esportati lejn il-Komunità mill-Marokk minn dawk l-esportaturi li ma kkooperawx matul iż-żmien tal-IP, intużat data mill-EUROSTAT f’livell ta’ NM skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, bħala bażi sabiex jiġu stabbiliti l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn il-Komunità. |
(29) |
Skond l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-valur normali li għandu jintuża f’investigazzjoni ta' anti-ċirkumvenzjoni, huwa l-valur normali li jkun ġie stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali. |
(30) |
Fl-investigazzjoni oriġinali, il-Polonja kienet ikkunsidrata bħala pajjiż analogu adattat ta’ ekonomija tas-suq għall-PRC u l-valur normali ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet kif ukoll fuq il-valur normali mibni f’dak il-pajjiż analogu. Fuq din il-bażi, ġie stabbilit marġini ta’ dumping mifrux fuq il-pajjiż kollu ta’ 60,4 % għall-PRC. |
(31) |
F’din l-investigazzjoni kontra ċ-ċirkumvenzjoni, u fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni, il-marġini ta’ dumping ma setgħux jinħadmu fuq bażi dettaljata tat-tip ta’ prodott. Madanakollu, il-prezzijiet ta’ l-esportazzjonijiet setgħu jitqabblu ma’ dawk fl-investigazzjoni oriġinali abbażi ta’ kodici NM, bl-użu tad-data ta’ l-EUROSTAT, li tagħti livell raġjonevoli ta’ dettal. Dan it-tqabbil wera li l-prezzijiet ta’ l-esportazzjonijiet ta’ CIF mill-Marokk lejn il-Komunità fl-IP kienu bħala medja 3 % inqas mill-prezzijiet ta’ l-esportazzjonijiet ta’ CIF mill-PRC lejn il-Komunità fl-investigazzjoni oriġinali. Minħabba li dawn il-prezzijiet ta’ l-esportazzjonijiet għandhom jitqabblu ma’ l-istess valuri normali mifruxin mal-pajjiż kif użati biex jiġi stabbilit il-marġini oriġinali ta’ dumping ta’ 60,4 %, jista’ jiġi konkluż li dawn ukoll huma prezzijiet soġġetti għal dumping f’livell ta’ aktar minn 60 %. |
Ċ. TALBIET GĦAL EŻENZJONI MINN REĠISTRAZZJONI JEW ESTENSJONI TAD-DAZJU
(32) |
Il-Kummissjoni rċeviet talba għal eżenzjoni mir-reġistrazzjoni u mill-miżuri minn produttur Marokkin wieħed, Remer Maroc SARL. Kif intqal fil-paragrafu 12, din il-kumpannija kkooperat fl-investigazzjoni, billi bagħtet il-kwestjonarju bir-risposti u billi aċċettat żjara ta’ verifika. |
(33) |
Permezz tar-Regolament (KE) Nru 1699/2004 (4), il-Kummissjoni emendat ir-Regolament tal-bidu sabiex twaqqaf ir-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet ta’ SWR mill-kumpannija Marokkina li nstab li ma kinitx qiegħda timmina d-dazju anti-dumping, jiġifieri Remer Maroc SARL. |
(34) |
B’mod konformi mas-sejbiet mogħtijin hawn fuq, jiġifieri li din il-kumpannija ma kinitx qiegħda timmina l-miżuri anti-dumping fis-seħħ, din il-kumpannija għandha wkoll tiġi eżentata mill-estensjoni tal-miżuri mbassrin. |
D. MIŻURI
(35) |
Fid-dawl tas-sejba li hemm referenza għaliha aktar ’l fuq ta’ ċirkumvenzjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri eżistenti ta’ anti-dumping fuq SWR li joriġina mill-PRC, għandhom jiġu estiżi għall-istess prodott konsenjat mill-Marokk, kemm jekk dikjarat li joriġina fil-Marokk kif ukoll jekk le, u dan skond l-istess Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, bl-eċċezzjoni tal-prodotti manifatturati mill-kumpannija produttriċi li kkooperat Remer Maroc SARL. |
(36) |
Skond l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, li jipprevedi li kull miżura estiża għandha tapplika kontra importazzjonijiet reġistrati mid-data tar-reġistrazzjoni, għandu jinġabar id-dazju anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ SWR konsenjati mill-Marokk li daħlu fil-Komunità taħt ir-reġistrazzjoni imposta mir-Regolament tal-bidu, bl-eċċezzjoni ta’ dawk l-SWR prodotti minn Remer Maroc SARL. |
(37) |
In-nuqqas ta’ estensjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni ta’ SWR esportati minn Remer Maroc SARL ġie stabbilit abbażi tar-riżultati ta’ din l-investigazzjoni. Dan in-nuqqas ta’ estensjoni huwa għalhekk esklussivament applikabbli għall-importazzjoni ta’ SWR mill-Marokk u prodotti minn din l-entità legali speċifika. SWR importat, prodott jew ikkonsenjat minn xi kumpannija oħra mhux speċifikatament imsemmija fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament b’isimha u bl-indirizz, inkluż entitajiet relatati ma’ dawk speċifikatament imsemmija, ma jistgħux jibbenefikaw mill-eżenzjoni u għandhom ikunu soġġetti għall-istess rata ta’ dazju kif imposta bir-Regolament (KE) Nru. 1796/1999. |
(38) |
Iċ-ċirkumvenzjoni sseħħ barra l-Komunità. L-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku għandu l-għan li jiġġieled prattiċi ta’ ċirkumvenzjoni mingħajr ma jaffettwa lill-operaturi li jistgħu jagħtu prova li huma m’humiex involuti f'tali prattika, iżda ma fihx dispożizzjoni speċifika li tipprevedi t-trattament ta’ dawk il-produtturi li jistgħu jistabbilixxu li huma m’humiex involuti fi prattiċi ta’ ċirkumvenzjoni. Għaldaqstant jidher li huwa neċessarju li tiġi introdotta l-possibbiltà għall-produtturi li ma bigħux il-prodott konċernat għall-esportazzjoni matul l-IP u li m’humiex relatati ma’ esportaturi jew produtturi li huma soġġetti għall-estensjoni ta’ dazju anti-dumping, li jitolbu eżenzjoni mill-miżuri fuq dawn l-importazzjonijiet. Il-produtturi konċernati li jikkunsidraw jippreżentaw talba għal eżenzjoni mill-estensjoni tad-dazju anti-dumping ikunu mitluba jimlew kwestjonarju sabiex il-Kummisjoni tkun tista’ tistabbilixxi jekk l-eżenzjoni tkunx mistħoqqa. Tali eżenzjoni tista' tingħata wara li ssir valutazzjoni, per eżempju, tas-sitwazzjoni fis-suq tal-prodott konċernat, il-kapaċità produttiva u l-użu tal-kapaċità, ix-xiri u bejgħ, il-probabbiltà ta’ prattiċi li għalihom m’hemmx kawża relattiva jew ġustifikazzjoni ekonomika, u l-evidenza ta’ dumping. Normalment, il-Kummissjoni twettaq ukoll żjara ta’ verifika fuq il-post. It-talba tkun trid tiġi indirizzata lill-Kummissjoni immedjatament, flimkien ma’ l-informazjoni kollha rilevanti, b’mod partikolari kull tibdil jew modifika fl-attivitajiet tal-kumpannija marbutin mal-produzzjoni u mal-bejgħ. |
(39) |
L-importaturi jistgħu wkoll jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta’ reġistrazzjoni jew miżuri, dment li l-importazzjonijiet tagħhom ikunu ġejjin minn esportaturi li jingħataw din l-eżenzjoni, u skond l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku. |
(40) |
Fejn tkun mistħoqqa eżenzjoni, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv, tipproponi l-emenda tar-Regolament kif ikun meħtieġ. Sussegwentament, kull eżenzjoni mogħtija tkun segwita sabiex tkun żgurata l-konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fiha. |
E. PROĊEDURA
(41) |
Il-partijiet interessati ġew informati bil-fatti essenzjali u bil-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom il-Kunsill kien intenzjonat li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv fis-seħħ u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw u jinstemgħu. Ma ġewx riċevuti kummenti li kienu ta’ natura li jibdlu l-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq. |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Id-dazju anti-dumping definittiv impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1796/1999 fuq l-importazzjoni ta’ ħbula u kejbils ta’ l-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7312 10 82, ex 7312 10 84, ex 7312 10 86, ex 7312 10 88 u ex 7312 10 99, huwa b’dan estiż għal importazzjonijiet ta’ l-istess ħbula u kejbils ta’ l-azzar konsenjati mill-Marokk, kemm jekk dikjarati li joriġinaw mill-Marokk kif ukoll jekk le, (kodiċi TARIC 7312108212, 7312108412, 7312108612, 7312108812, 7312109912 rispettivament), bl-eċċezzjoni ta’ dawk prodotti minn Remer Maroc SARL, Zone Industrielle, Tranche 2, Lot 10, Settat, il-Marokk (Kodiċi TARIC addizzjonali A567).
2. Id-dazju estiż bil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jinġabar fuq importazzjonijiet reġistrati skond l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 275/2004 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, bl-eċċezzjoni ta’ dawk prodotti minn Remer Maroc SARL, Zone Industrielle, Tranche 2, Lot 10, Settat, il-Marokk.
3. Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ rigward id-dazji doganali.
Artikolu 2
1. Talbiet għal eżenzjoni mid-dazju estiżi bl-Artikolu 1 għandhom isiru bil-miktub f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Komunità u jridu jiġu ffirmati minn persuna awtorizzata sabiex tirrappreżenta lill-applikant. Din it-talba trid tintbagħat f’dan l-indirizz:
Kummissjoni Ewropea |
Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ |
Direttorat B |
Uffiċċju: J-79 05/17 |
1049 Brussell Il-Belġju |
Faks (32 2) 295 65 05 |
Telex COMEU B 21877. |
2. Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv, tista’ tawtorizza b’deċiżjoni l-eżenzjoni ta’ importazzjonijiet li jiġu pprovati li ma jimminawx id-dazju anti-dumping impost bir-Regolament (KE) Nru 1796/1999 mid-dazju estiż bl-Artikolu 1 tar-Regolament preżenti.
Artikolu 3
L-Awtoritajiet Doganali huma b’dan ordnati li ma jkomplux bir-reġistrazzjoni ta’ l-importazzjonijiet, stabbilita skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 275/2004.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fil-Lussemburgu, 25 ta’ Ottubru 2004.
Għall-Kunsill
Il-President
R. VERDONK
(1) ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).
(2) ĠU L 217, 17.8.1999, p. 1. Regolament emendat bir-Regolament (KE) Nru 1674/2003 (ĠU L 238, 25.9.2003, p. 1).
(3) ĠU L 47, 18.2.2004, p. 13. Regolament emendat bir-Regolament (KE) Nru 1699/2004 (ĠU L 305, 1.10.2004, p. 25).
(4) ĠU L 305, 1.10.2004, p. 25