EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R1138

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1138/2004 tal- 21 ta' Ġunju 2004 li jistabilixxi tifsira komuni għal partijiet kritiċi taż-żoni ristretti ta’ sigurtà fl-ajruporti Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 221, 22.6.2004, p. 6–7 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 183M, 5.7.2006, p. 33–34 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/04/2010; Imħassar b' 32010R0185

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/1138/oj

5.7.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea

33


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1138/2004

tal-21 ta' Ġunju 2004

li jistabilixxi tifsira komuni għal partijiet kritiċi taż-żoni ristretti ta’ sigurtà fl-ajruporti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

Il-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat r-Regolament (KE) Nru 2320/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili (1), u b’mod partikolari Artikolu 4(2) tiegħu u punt 2.3(a) ta’ l-Anness tiegħu,

Billi:

(1)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi tifsira komuni għal partijiet kritiċi taż-żoni ristretti ta’ sigurtà. It-tali tifsira għandha għall-inqas tkopri l-partijiet ta’ ajruport minn fejn għandhom aċċess passiġġieri li se jitilqu fuq titjira u li ġew skrinjati u partijiet ta’ ajruport minn fejn bagalji li se jitilqu fuq titjira u li ġew skrinjati jistgħu jgħaddu jew ikunu miżmuma.

(2)

Il-persunal kollu nkluż il-membri ta’ l-ekwipaġġi tat-titjiriet, u l-affarijiet li jkollhom magħhom, għandhom jiġu skrinjati qabel ma jkollhom aċċess għall-partijiet kritiċi.

(3)

Għandha titħalla eżenzjoni għall-partijiet ta’ ajruport minn fejn bagalji għall-istiva li se jitilqu fuq titjira u li ġew skrinjati jistgħu jgħaddu jew ikunu miżmuma, jekk il-bagalji ladarba ssiġillati jistgħu jinġarru minn persunal li ma jkunx ġie skrinjat mingħajr ma' tiġi kompromessa s-sigurtà. Miżuri għandhom jittieħdu biex jassiguraw li t-tali bagalji ssiġillati ma jiġux imbagħbsa qabel ma jitgħabbew fuq inġenju ta’ l-ajru.

(4)

F’ ajruporti fejn numru żgħir ferm ta’ persunal għandhom aċċess għaż-żoni ristretti, bilanċ għandu jintlaħaq bejn il-bżonn li tiġi żgurata s-sigurtà u l-bżonn li tiġi żgurata l-effikaċja operazzjonali.

(5)

Membri tal-persunal li ma ġewx skrinjati għandhom jingħataw aċċess għal partijiet kritiċi taż-żoni ristretti ta’ sigurtà ta’ ajruport biss jekk ikunu skurtati l-ħin kollu minn membri awtorizzati tal-persunal li jkunu ġew skrinjati.

(6)

Fejn persuni oħra li ma ġewx skrinjati seta’ kellhom aċċess għal partijiet kritiċi taż-żoni ristretti ta’ sigurtà, tiftixa sħiħa ta’ sigurtà għandha ssir biex tassigura li ma jkunx hemm affarijiet ipprojbiti f’partijiet kritiċi taż-żoni ristretti ta’ sigurtà. Fejn partijiet kritiċi mhumiex dejjem miżmuma bħala tali, għandha ssir tiftixa sħiħa ta’ sigurtà qabel ma dawn il-partijiet jerġgħu jiġu stabbiliti bħala partijiet kritiċi.

(7)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal- Kumitat istitwit bl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   F’ ajruporti fejn iżjed minn 40 membru tal-persunal għandhom karti ta’ identifikazzjoni ta’ l-ajruport li jagħtuhom aċċess għal żoni ristretti ta’ sigurtà, il-partijiet kritiċi taż-żoni ristretti ta’ sigurtà huma għall-inqas, dan li ġej:

(a)

kwalunkwe parti minn ajruport fejn għandhom aċċess passiġġieri li se jitilqu fuq titjira, inklużi l-bagalji tagħhom tal-kabina, wara li ġew skrinjati;

(b)

kwalunkwe parti minn ajruport fejn, wara li jkunu ġew skrinjati, jistgħu jgħaddu jew ikunu miżmuma bagalji għall-istiva li se jitilqu fuq titjira, jekk il-bagalji ma jkunux ġew issiġillati.

2.   Għal skopijiet ta’ paragrafu 1 kwalunkwe parti ta’ ajruport għandha titqies bħala parti kritika taż-żoni ristretti ta’ sigurtà sakemm:

(a)

ikun hemm preżenti passiġġieri li se jitilqu fuq titjira, inklużi l-bagalji tagħhom tal-kabina, wara li jkunu ġew skrinjati;

(b)

ikun hemm bagalji għall-istiva li se jitilqu fuq titjira, li jkunu għaddejjin minn jew ikunu qed jiġu miżmuma f’dik il-parti, jekk ma jkunux ġew issiġillati.

3.   Għall-iskop ta’paragrafi 1 u 2, inġenju ta’ l-ajru, xarabank, vann tal-bagalji jew mezzi oħra ta’ trasport, jew passaġġ li jimxi, jew jetway, għandhom jitqiesu parti minn ajruport.

Artikolu 2

Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament “bagalji ssiġillati” għandhom ifissru bagalji għall-istiva li se jitilqu fuq titjira wara li ġew skrinjati u li ġew protetti fiżikament sabiex tiġi evitata kwalunkwe introduzzjoni ta’ oġġetti.

Artikolu 3

F’ ajruporti fejn mhux iżjed minn 40 membru tal-persunal ikollhom karta ta’ identifikazzjoni ta’ l-ajruport li tagħtihom aċċess għal żoni ristretti ta’ sigurtà, l-Istati Membri jistgħu ikomplu jidentifikaw il-partijiet kritiċi taż-żoni ristretti ta’ sigurtà skond it-tieni subparagrafu ta’ punt 2.3(a) ta’ l-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2320/2002.

Artikolu 4

1.   Il-persunal kollu, inklużi l-membri ta’ l-ekwipaġġi tat-titjiriet, u l-affarijiet li jkollhom magħhom, għandhom jiġu skrinjati qabel ma jingħataw aċċess għall-partijiet imsemmija f’punt (a) ta’ l-Artikolu 1(1) ikunu fejn ikunu dawn il-partijiet.

2.   Mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2006, l-Istati Membri iridu jkunu daħħlu miżuri sabiex il-persunal kollu, inkluż il-membri ta’ l-ekwipaġġi tat-titjiriet, flimkien ma’ l-affarijiet li jkollhom magħhom, ikunu ġew skrinjati qabel ma jingħataw aċċess għall-partijiet imsemmija f’punt (a) ta’ l-Artikolu 1(1).

3.   Mhux iktar tard mill-1 ta’ Lulju 2009, l-Istati Membri iridu jkunu daħħlu miżuri sabiex il-persunal kollu, inkluż il-membri ta’ l-ekwipaġġi tat-titjiriet, flimkien ma’ l-affarijiet li jkollhom magħhom, ikunu ġew skrinjati qabel ma jingħataw aċċess għall-partijiet imsemmija f’punt (b) ta’ l-Artikolu 1(1).

Artikolu 5

Mhux iktar tard mill-1 ta’ Lulju 2009, fejn bagalji ssiġillati jiġu f’idejn membri tal-persunal li ma ġewx skrinjati, għandhom jittieħdu miżuri biex jiżguraw li dawk il-bagalji ma ġewx imbagħbsa qabel ma jitgħabbew fuq inġenju ta’ l-ajru.

Artikolu 6

1.   B’ deroga minn Artikolu 4, il-membri tal-persunal m’għandhomx għalfejn jiġu skrinjati qabel ma jingħataw aċċess għal partijiet kritiċi taż-żoni ristretti ta’ sigurtà sakemm jiġu skurtati minn membru awtorizzat tal-persunal li jkun ġie skrinjat.

L-iskorta għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe ksur ta’ sigurtà li jsir mill-membru tal-persunal li jkun qed jiġi skurtat.

2.   B’ deroga minn Artikolu 4, membri skrinjati tal-persunal li temporanjament joħorġu minn partijiet kritiċi taż-żoni ristretti ta’ sigurtà, m’għandhomx għalfejn jiġu skrinjati meta jidħlu lura jekk ikunu taħt osservazzjoni kostanti sabiex jiġi żgurat li huma ma jintroduċux affarijiet ipprojbiti f’ dawk il-partijiet kritiċi taż-żoni ristretti ta’ sigurtà.

Artikolu 7

Bla ħsara għall-Artikolu 6, fejn persuni li ma ġewx skrinjati seta’ kellhom aċċess għal partijiet kritiċi taż-żoni ristretti ta’ sigurtà, għandha titwettaq tiftixa sħiħa ta’ sigurtà.

Artikolu 8

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2004.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, nhar il-21 ta' Ġunju 2004.

Għall-Kummissjoni

Loyola DE PALACIO

Vici-President


(1)  ĠU L 355, 30.12.2002, p. 1.


Top