EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R0639

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 639/2004 tat-30 ta' Marzu 2004 dwar l-amministrazzjoni tal-flotot tas-sajd reġistrati fir-reġjuni l-aktar periferiċi tal-Komunità

ĠU L 102, 7.4.2004, p. 9–11 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1380

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/639/oj

32004R0639



Official Journal L 102 , 07/04/2004 P. 0009 - 0011


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 639/2004

tat-30 ta' Marzu 2004

dwar l-amministrazzjoni tal-flotot tas-sajd reġistrati fir-reġjuni l-aktar periferiċi tal-Komunità

Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra t-trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 u l-Artikolu 299(2) ta' dan,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-utilizzazzjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skond il-Politika tas-Sajd Komuni [2], u b'mod partikolari l-Kapitolu III ta' dan, jistabbilixxi skema Komunitarja li taġġusta l-kapaċità tas-sajd tal-flotot ta' l-Istati Membri għal livell globalment kompatibbli ma' l-opportunitajiet tas-sajd.

(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2792/1999 tas-17 ta' Diċembru 1999 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati u l-arranġamenti li jirrigwardjaw l-għajnuna strutturali Komunitarja fis-settur tas-sajd [3] ikopri l-modernizzazzjoni tal-bastimenti tas-sajd b'għajnuna pubblika u għajnuna pubblika għat-tiġdid tal-bastimenti tas-sajd.

(3) L-importanza relattiva tas-settur tas-sajd f'dawn ir-reġjuni tiġġustifika l-konsiderazzjoni tas-sitwazzjoni strutturali, soċjali u ekonomika partikolari tar-reġjuni l-aktar periferiċi tal-Komunità (ir-reġjuni l-aktar periferiċi) fir-rigward ta' l-amministrazzjoni tal-flotot tas-sajd. Għal dan l-għan, id-disposizzjonijiet dwar l-amministrazzjoni ta' skemi ta' dħul/ħruġ u rtirar obbligatorju ta' kapaċità, fir-Regolament (KE) Nru 2371/2002, u-regoli fuq l-aċċess għal għajnuna pubblika għall-immodernizzar u tiġdid ta' bastimenti tas-sajd għandhom jiġu adattati għall-ħtiġijiet ta' dawn ir-reġjuni.

(4) Kull żjieda fil-kapaċitá ta' flotot reġistrati f'portijiet tar-reġjuni l-aktar periferiċi għandha wkoll tkun limitata għal waħda ġġustifikata mill-opportunitajiet tas-sajd lokali u d-daqs tal-flotot għandu jinżamm f'bilanċ ma' dawn l-opportunitajiet. Għal dan l-għan l-objettivi ffissati fil-programmi ta' gwida multiannwali IV (MAGP IV) għal kull segment tal-flotta, kif stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/652/KE tad- 29 ta' Lulju 2002 li temenda d-Deċiżjonijiet 98/119/KE sat-98/131/KE sabiex jittawwlu l-programmi ta' gwida multiannwali għall-flotot tas-sajd ta' l-Istati Membri sal-31 ta' Diċembru 2002 [4], għandhom jitqiesu bħala livelli ta' referenza, jew l-ogħla limiti, għat-tkabbir tal-flotot reġistrati fid-dipartimenti barranin Franċiżi, fl-Ażores u fil-Madeira.

(5) Livelli ta' referenza speċifiċi għandhom jiġu determinati għal segmenti ta' bastimenti reġistrati fil-Gzejjer Kanarji li għalihom ma ġie ffissat ebda objettiv speċifiku fil-qafas tal-MAGP IV. Dawn il-livelli ta' referenza għandhom iqisu l-kapaċità tal-flotta lokali f'relazzjoni mal-possibbiltajiet ta' sajd.

(6) Jeħtieġ li l-bastimenti reġistrati fir-reġjuni l-aktar periferiċi ma jitħallewx jiġu trasferiti u użati fiż-żoni kontinentali wara li jkunu approffittaw minn trattament aktar favorevoli fir-rigward ta' l-għoti ta' għajnuna pubblika u/jew kondizzjonijiet tad-dħul fil-flotta.

(7) Hija ġġustifikata l-applikazzjoni għall-flotot reġistrati fir-reġjuni l-aktar periferiċi, ta' l-istess regoli dwar l-amministrazzjoni tal-kapaċitá tal-flotta u l-għajnuna pubblika, li huma applikati għal bastimenti reġistrati fil-bqija tal-Komunità malli jintlaħqu l-livelli ta' referenza definiti f'dan ir-Regolament, u fi kwalunkwe każ mill-1 ta' Jannar 2007, ħlief għall-bastimenti li jkunu rċevew għajnuna pubblika għal tiġdid, fejn id-dħul fil-flotta jista' jsir sal-31 ta' Diċembru 2007.

(8) Sabiex tiġi faċilitata l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jiġbru informazzjoni fuq bastimenti reġistrati fir-reġjuni l-aktar periferiċi. L-Istati Membri għandhom jipprovdu din l-informazzjoni lill-Kummissjoni, li għandha tagħmel ir-rapporti tagħha biex tiżgura trasparenza sħiħa fil-miżuri implimentati.

(9) Billi regoli ġodda ġenerali għall-amministrazzjoni tal-kapaċitá tal-flotot u għall-għajnuna pubblika ġew introdotti fir-Regolamenti (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 2792/1999 b'effett mill-1ta' Jannar 2003, l-arranġamenti speċifiċi għar-reġjuni l-aktar periferiċi wkoll għandhom japplikaw minn din id-data.

(10) Il-miżuiri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri sabiex jiġu eżerċitati l-poteri ta' implimetazzjoni konferiti fuq il-Kummisjoni [5],

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Livelli ta' referenza speċifiċi

1. Għas-segmenti tal-flotot reġistrati fir-reġjuni l-aktar periferiċi, kif indikati fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat, għandhom japplikaw il-livelli ta' referenza speċifiċi għall-kapaċitá tas-sajd li ġejjin:

(a) għad-dipartimenti Franċiżi barranin, l-Ażori u l-Madejra: l-objettivi rispettivi tal-MAGP IV għal kull segment tal-flotta, espress f'kW u TG, għal kull reġjun l-aktar periferiku fl-aħħar ta' l-2002;

(b) għall-Gzejjer Kanarji: livelli ta' referenza li l-punt tat-tluq tagħhom huwa l-kapaċitajiet f'kW u TG tas-segmenti tal-flotta relevanti għal bastimenti reġistrati fil-portijiet tal-Gzejjer Kanarji fl-1 ta' Jannar 2003 u li jistgħu jiżdiedu fuq il-bażi ta' opportunitajiet ta' sajd għal dawn is-segmenti. Jistgħu jiġu ġġustifikati żjidiet sa l-objettivi li kienu jiġu adottati li kieku l-proċeduri tal-MAGP IV kienu japplikaw għal dawn is-segmenti partikolari, u dawn għandhom ikunu skond il-pariri xjentifiċi l-aktar reċenti irratifikati mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku tas-Sajd stabbilit skond l-artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

2. Ir-regoli ta' implimentazzjoni għal dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 5(2).

Artikolu 2

Tiġdid u modernizzazzjoni tal-flotot

Għas-segmenti tal-flotta koperti bl-Artikolu 1(1):

1. b'deroga mill-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002:

(a) kapaċitá ġdida tista' tidħol fil-flotta, bl-għajnuna pubblika jew mingħajra, fil-limiti tal-livelli ta' referenza speċifiċi indikati fl-Artikolu 1,

(b) l-obbligu tat-tnaqqis fil-kapaċitá totali tal-flotta bi 3 % tal-livelli ta' referenza ma tapplikax;

2. b'deroga mill-Artikolu 9(1)(c)(i) tar-Regolament Nru 2792/1999, tista' tingħata għajnuna pubblika għall-modernizzazzjoni tal-flotta f'termini ta' tunnellaġġ u/jew qawwa;

3. id-derogi stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 hawn fuq m'għandhomx jibqgħu japplikaw malli jintlaħqu l-livelli ta' referenza, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2006;

4. b'deroga mill-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2792/1999, għajnuna pubblika għat-tiġdid ta' bastimenti tas-sajd tista' tingħata sal-31 ta' Diċembru 2005;

5. Minkejja l-paragrafu 3 hawn fuq, għal bastimenti tas-sajd li jkunu rċevew għajnuna pubblika għal tiġdid, id-deroga fil-paragraph 1(a) hawn fuq ma tibqax tapplika sentejn wara li tkun ingħatat l-għajnuna pubblika għat-tiġdid u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2007.

Artikolu 3

Trasferiment ta' bastimenti għal żoni kontinentali

Kull trasferiment ta' bastiment minn reġjun l-aktar periferiku għaż-żona kontinentali għandu jitqies bħala dħul fil-flotta kontinentali fis-sens ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002. Għajnuna pubblika għat-tiġdid tal-flotta u għat-tagħmir jew modernizzazzjoni ta' bastimenti tas-sajd għandha tiġi rimborżata pro rata temporis fil-każ tat-trasferiment ta' bastiment għall-kontinent qabel it-tmiem ta' perijodu ta':

(a) 10 snin fil-każ ta' għajnuna pubblika għat-tiġdid tal-flotta; u

(b) 5 snin fil-każ ta' għajnuna pubblika għat-tagħmir jew modernizzazzjoni ta' bastimenti tas-sajd

li jridu jiġu ddatati miż-żmien li tkun ttieħdet id-deċiżjoni li tingħata l-għajnuna.

Artikolu 4

Amministrazzjoni tal-kapaċitá

1. L-Istati Membri għandhom jamministraw il-flotot reġistrati fir-reġjuni l-aktar periferiċi b'mod li jikkonforma ma' dan ir-Regolament.

2. L-Istati Membri għandhom iqiegħdu għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni informazzjoni fuq bastimenti reġistrati fir-reġjuni l-aktar periferiċi tagħhom b'konformitá ma' l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

3. Ir-regoli għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 5(2).

Artikolu 5

Proċedura tal-Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħejjuna mill-Kumitat tas-Sajd u Akwakultura.

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 sa 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal 20 jum tax-xogħol.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

Artikolu 6

Rappurtaġġ

Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport fuq l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2006.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan għandhu jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2003.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-30 ta' Marzu 2004.

F'isem il-Kunsill

Il-President

M. McDowell

[1] Opinjoni mogħtija fl-4 ta' Diċembru 2003 (li għada ma ġietx ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] ĠU L 358, 31.12.02, p. 59.

[3] ĠU L 337, 30.12.99, p. 10. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2369/2002 (ĠU L 358, 31.12.02, p. 49).

[4] ĠU L 215, 10.08.02, p. 23.

[5] ĠU L 184, 17.07.99, p. 23.

--------------------------------------------------

Top