This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32004L0113
Council Directive 2004/113/EC of 13 December 2004 implementing the principle of equal treatment between men and women in the access to and supply of goods and services
Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat- 13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi
Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat- 13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi
ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37–43
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(BG, RO, HR)
ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 294–300
(MT)
In force
7.6.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
294 |
DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2004/113/KE
tat-13 ta' Diċembru 2004
li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 13(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (3),
Billi:
(1) |
Skond l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni hija mibnija fuq il-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fondamentali u ta’ l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri, u tirrispetta d-drittijiet fondamentali kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fondamentali u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja. |
(2) |
Id-dritt għall-ugwaljanza quddiem il-liġi u l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni għall-persuni kollha jikkostitwixxi dritt universali rikonoxxut mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ Diskriminazzjoni Razzjali u l-Pattijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fondamentali, li għalihom l-Istati Membri kollha huma firmatarji. |
(3) |
Filwaqt li tiġi pprojbita d-diskriminazzjoni, huwa importanti li jiġu rispettati drittijiet u libertajiet fondamentali oħra, inklużi l-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-familja u transazzjonijiet imwettqa f’dak il-kuntest u l-libertà tar-reliġjon. |
(4) |
L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija prinċipju fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. L-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea jipprojbixxu kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi tas-sess u jeħtieġu li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa tiġi żgurata fl-oqsma kollha. |
(5) |
L-Artikolu 2 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jipprovdi li l-promozzjoni ta’ tali ugwaljanza hija waħda mill-kompiti essenzjali tal-Komunità. Bl-istess mod, l-Artikolu 3(2) tat-Trattat jeħtieġ li l-Komunità tfittex li telimina l-inugwaljanzi, u tippromovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-attivitajiet kollha tagħha. |
(6) |
Il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tipproponi direttiva dwar id-diskriminazzjoni sesswali barra mis-suq tax-xogħol fil-Komunikazzjoni dwar l-Aġenda tal-Politika Soċjali tagħha. Tali proposta hija konsistenti b’mod sħiħ mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/51/KE ta’ l-20 ta’ Diċembru 2000 li jistabbilixxi Programm li jirrelata ma’ l-istrateġija qafas tal-Komunità dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi (2001 – 2005) (4) li tkopri l-politiki kollha tal-Komunità u hija mmirata lejn il-promozzjoni ta’ l-ugwaljanza għall-irġiel u n-nisa permezz ta’ l-aġġustament ta’ dawn il-politiki u l-implimentazzjoni ta’ miżuri prattiċi biex titjieb is-sitwazzjoni ta' l-irġiel u n-nisa fis-soċjetà. |
(7) |
Fil-laqgħa tiegħu f’Nizza fis-7 u d-9 ta’ Diċembru 2000, il-Kunsill Ewropew sejjaħ lill-Kummissjoni biex tirrinforza d-drittijiet relatati ma’ l-ugwaljanza permezz ta’ l-adozzjoni ta’ proposta għal direttiva dwar il-promozzjoni ta’ l-ugwaljanza bejn is-sessi f’oqsma oħra barra l-impjieg u l-ħajja professjonali. |
(8) |
Il-Komunità adottat sensiela ta’ strumenti legali biex tipprevjeni u tiġġieled id-diskriminazzjoni sesswali fis-suq tax-xogħol. Dawn l-istrumenti wrew il-valur ta’ leġislazzjoni fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni. |
(9) |
Id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, inkluż il-fastidju u l-fastidju sesswaliisseħħ ukoll f’oqsma ’l barra mis-suq tax-xogħol. Tali diskriminazzjoni tista’ tkun ugwalment dannuża, billi taġixxi bħala ostakolu għall-integrazzjoni sħiħa u b’suċċess ta' l-irġiel u n-nisa fil-ħajja ekonomika u soċjali. |
(10) |
Il-problemi huma partikolarment evidenti fl-oqsma ta’ l-aċċess u l-provvista ta' merkanzija u s-servizzi. Id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess għandha għalhekk tiġi pprevenuta u eliminata f’dan il-qasam. Bħal ma kien il-każ tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali u etnika (5), dan il-għan jista’ jintlaħaq aħjar permezz ta’ leġislazzjoni Komunitarja. |
(11) |
Tali leġislazzjoni għandha tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi. Merkanzija għandhom jitqiesu bħala dawk fis-sens tad-disposizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea li jirrelataw mal-moviment liberu tal-merkanzija. Servizzi għandhom jittieħdu biex ikunu dawk fis-sens ta’ l-Artikolu 50 ta' dak it-Trattat. |
(12) |
Sabiex id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess tiġi pprevenuta, din id-Direttiva għandha tapplika kemm għal diskriminazzjoni diretta kif ukoll għal diskriminazzjoni indiretta. Diskriminazzjoni diretta sseħħ biss meta persuna hija ttrattata inqas favorevolment, abbażi tas-sess, minn persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli. B’hekk, per eżempju, differenzi bejn l-irġiel u n-nisa fil-provvista ta’ servizzi ta’ kura tas-saħħa, li jirriżultaw minn differenzi fiżiċi bejn l-irġiel u n-nisa, ma jirrelatawx ma’ sitwazzjonijiet komparabbli u, għalhekk, ma jikkostitwux diskriminazzjoni. |
(13) |
Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni għandha tapplika għal persuni li jipprovdu merkanzija u servizzi disponibbli għall-pubbliku u li huma offruti barra mil-qasam tal-ħajja privata u tal-familja u transazzjonijiet imwettqa f’dak il-kuntest. Ma għandhiex tapplika għall-kontenut tal-medja jew tal-pubbliċità u lanqas għall-edukazzjoni pubblika jew privata. |
(14) |
L-individwi kollha jgawdu mill-libertà ta' kuntrattazzjoni, inkluż il-libertà li jagħżlu sieħeb kuntrattwali għal transazzjoni. Individwu li jipprovdi merkanzija jew servizzi jista’ jkollu numru ta’ raġunijiet soġġettivi għall-għażla tiegħu jew tagħha ta’ sieħeb kuntrattwali. Sakemm l-għażla tas-sieħeb mhix ibbażata fuq is-sess ta’ dik il-persuna, din id-Direttiva m' għandiex tippreġudika l-libertà ta’ l-individwu li jagħżel sieħeb kuntrattwali. |
(15) |
Diġa' hemm numru ta' strumenti legali eżistenti għall-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa f' oqsma ta' impjieg u okkupazzjoni. Għaldaqstant, din id-Direttiva m' għandiex tapplika f' dan il-qasam. L-istess raġunament japplika fl-oqsma ta' l-impjieg ta' persuni li jaħdmu għal rashom sakemm dan ikun kopert minn strumenti legali eżistenti. Id-Direttiva għandha tapplika biss għal assikurazzjonijiet u pensjonijiet li huma privati, volontarji u separati mir-relazzjoni ta' l-impjieg. |
(16) |
Differenzi ta’ trattament jistgħu jkunu aċċettati biss jekk huma ġustifikati b’mira leġittima. Mira leġittima tista’, per eżempju, tkun il-protezzjoni ta’ vittmi ta’ vjolenza relatata mas-sess (f’każijiet bħal fl-istabbiliment ta’ rifuġji ta’ sess wieħed), raġunijiet ta’ privatezza u deċenza (f’każijiet bħal fil-provvista ta’ residenza minn persuna f’parti mid-dar ta’ dik il-persuna), il-promozzjoni ta’ l-ugwaljanza bejn is-sessi jew ta’ l-interessi ta’ l-irġiel jew in-nisa (per eżempju korpi volontarji ta’ sess wieħed), il-libertà ta’ assoċjazzjoni (f’każijiet ta’ klabbs privati b’membri minn sess wieħed), u l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet sportivi (per eżempju avvenimenti sportivi għal sess wieħed). Kwalunkwe limitazzjoni għandha madankollu tkun xierqa u neċessarja skond il-kriterji derivati mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej. |
(17) |
Il-prinċipju ta’ trattament ugwali fl-aċċess għal merkanzija u servizzi ma jeħtieġx li faċilitajiet għandhom dejjem jiġu pprovduti lill-irġiel u n-nisa fuq bażi maqsuma, sakemm ma jkunux provduti iżjed favorevolment lil membri ta’ sess wieħed. |
(18) |
L-użu ta’ fatturi attwarjali relatati mas-sess huwa komuni fil-provvista ta’ l-assigurazzjoni u servizzi finanzjarji relatati. Sabiex jiġi żgurat trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, l-użu tas-sess bħala fattur attwarjali ma għandux jirriżulta f’differenzi f’premiums u benefiċċji ta’ individwi. Sabiex jiġi evitat aġġustament mill-ġdid tas-suq f’daqqa, l-implimentazzjoni ta’ din ir-regola għandha tapplika biss għal kuntratti ġodda konklużi wara d-data ta’ trasposizzjoni ta’ din id-Direttiva. |
(19) |
Ċerti kategoriji ta’ riskji jistgħu jvarjaw bejn is-sessi. F’xi każijiet, is-sess huwa wieħed iżda mhux neċessarjament l-uniku fattur determinanti fl-istima ta’ riskji assigurati. Għal kuntratti li jassiguraw dawk it-tip ta’ riskji, l-Istati Membri jistghu jiddeċiedu li jippermettu eżenzjonijiet għar-regola ta’ premiums u benefiċċji unisex, sakemm jistgħu jassiguraw li data attwarjali u statistika li fuqhom huma bbażati l-kalkoli, huma affidabbli, aġġornati regolarment u disponibbli għall-pubbliku. Eżenzjonijiet huma permessi biss fejn liġi nazzjonali għadha ma applikatx diġà r-regola unisex. Ħames snin wara t-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jeżaminaw mill-ġdid il-ġustifikazzjoni għal dawn l-eżenzjonijiet, wara li jittieħed kont tad-data attwarjali u statistika l-aktar reċenti u rapport mill-Kummissjoni tliett snin wara d-data ta’ trasposizzjoni ta’ din id-Direttiva. |
(20) |
Trattament inqas favorevoli tan-nisa għal raġunijiet ta’ tqala u maternità għandu jiġi kkunsidrat bħala forma ta’ diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess u għalhekk projbit fl-assigurazzjoni u servizzi finanzjarji relatati. Għalhekk spejjeż relatati ma’ riskji ta’ tqala u maternità ma għandhomx jiġu attribwiti biss lill-membri ta’ sess wieħed. |
(21) |
Persuni li ġew soġġetti għal diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess għandhom ikollhom mezzi ta’ protezzjoni legali xierqa. Sabiex jiġi mogħti livell ta’ protezzjoni iżjed effettiv, assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet u entitajiet legali oħra għandhom jingħataw is-setgħa li jidħlu f’proċedimenti, kif l-Istati Membri hekk jiddeterminaw, għan-nom jew b’sostenn ta’ kwalunkwe vittma, mingħajr preġudizzju għar-regoli ta’ proċedura nazzjonali li jikkonċernaw ir-rappreżentazzjoni u d-difiża quddiem il-qrati. |
(22) |
Ir-regoli dwar id-dmir tal-prova għandhom jiġu adattati fejn ikun hemm każ ta' diskriminazzjoni prima facie u, sabiex jiġi applikat effettivament il-prinċipju tat-trattament ugwali; id-dmir tal-prova għandu jmur lura għand il-konvenut fejn tinġieb prova ta' din id-diskriminazzjoni. |
(23) |
L-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ trattament ugwali teħtieġ protezzjoni ġudizzjarja xierqa kontra l-vittimizzazzjoni. |
(24) |
Bil-ħsieb li jippromovu l-prinċipju ta’ trattament ugwali, l-Istati Membri għandhom iħeġġu djalogu ma’ partijiet interessati rilevanti, li, skond il-liġi u l-prattika nazzjonali, għandhom interess leġittimu li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess fil-qasam ta’ l-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi. |
(25) |
Il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess għandha hi nnifisha tiġi msaħħa bl-eżistenza ta’ korp jew korpi f’kull Stat Membru, b’kompetenza li janalizza(w) l-problemi involuti, li jistudja(w) soluzzjonijiet possibbli u li jipprovdi/u għajnuna konkreta lill-vittmi. Il-korp jew korpi jista’/jistgħu jkun(u) l-istess bħal dawk b’responsabbiltà fuq livell nazzjonali għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem jew is-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-individwi, jew għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. |
(26) |
Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġijiet minimi, b’hekk tħalli lill-Istati Membri l-għażla li jintroduċu jew iżommu disposizzjonijiet iżjed favorevoli. L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandhiex isservi biex tiġġustifika kwalunkwe rigressjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni li diġà teżisti f’kull Stat Membru. |
(27) |
L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi f’każijiet ta’ ksur ta’ l-obbligi taħt din id-Direttiva. |
(28) |
Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, li huma li jiġi żgurat livell komuni għoli ta’ protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni fl-Istati Membri kollha, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ l-azzjoni, jistgħu jintlaħqu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunitá tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzonalitá, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma teċċedix dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet. |
(29) |
Skond il-paragrafu 34 tal-ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (6), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu u jagħmlu pubbliku, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom, li, sa fejn ikun possibbli, jillustraw il-korrelazzjoni bejn id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, |
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
KAPITOLU I
DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Għan
L-għan ta’ din id-Direttiva hu li tistabbilixxi qafas għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi, bil-ħsieb li jingħata effett fl-Istati Membri għall-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
diskriminazzjoni diretta: fejn persuna hija ttrattata inqas favorevolment, abbażi tas-sess, milli hija, kienet jew tkun ittrattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli; |
(b) |
diskriminazzjoni indiretta: fejn disposizzjoni, kriterju jew prattika li jidhru newtrali kienu jqiegħdu persuni ta’ sess wieħed f’żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, sakemm tali disposizzjoni, kriterju jew prattika ma jkunux objettivament ġustifikati minn għan leġittimu u l-mezzi biex jintlaħaq dak il-għan huma xierqa u meħtieġa; |
(ċ) |
il-fastidju: fejn ikun hemm kondotta mhux mixtieqa relatata mas-sess ta’ persuna bil-għan jew bl-effett tal-vjolazzjoni tad-dinjità ta’ persuna u tal-ħolqien ta’ ambent intimidatorju, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv; |
(d) |
il-fastidju sesswali: fejn ikun hemm kondotta fiżika, verbali jew mhux verbali mhux mixtieqa ta’ natura sesswali bil-għan jew bl-effett tal-vjolazzjoni tad-dinjità ta’ persuna, b’mod partikolari, meta jinħoloq ambent intimidatorju, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv. |
Artikolu 3
Kamp ta' applikazzjoni
1. Fil-limiti tas-setgħat mogħtija lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika lill-persuni kollha li jipprovdu merkanzija jew servizzi, li huma disponibbli għall-pubbliku irrispettivament mill-persuna kkonċernata kemm fir-rigward tas-settur pubbliku kif ukoll dak privat, inklużi korpi pubbliċi, u li huma offruti barra mill-qasam tal-ħajja privata u tal-familja u transazzjonijiet imwettqa f’dak il-kuntest.
2. Din id-Direttiva ma tippreġudikax il-libertà ta’ l-individwu ta’ l-għażla ta’ sieħeb kuntrattwali sakemm l-għażla tas-sieħeb mhijiex ibbażata fuq is-sess ta’ dik il-persuna.
3. Din id-Direttiva m' għandiex tapplika għall-kontenut tal-medja u tal-pubbliċità u lanqas għall-edukazzjoni.
4. Din id-Direttiva ma tapplikax għal kwistjonijiet ta’ impjieg u xogħol. Din id-Direttiva ma tapplikax għal kwistjonijiet ta’ min jaħdem għal rasu, sakemm dawn il-kwistjonijiet huma koperti minn atti leġislattivi Komunitarji oħra.
Artikolu 4
Prinċipju ta’ trattament ugwali
1. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għandu jfisser li
(a) |
ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess inkluż it-trattament inqas favorevoli ta’ nisa għal raġunijiet ta’ tqala u maternità; |
(b) |
ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess. |
2. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet iżjed favorevoli li jikkonċernaw il-protezzjoni tan-nisa fir-rigward ta’tqala u maternità.
3. Il-fastidju u l-fastidju sesswali fis-sens ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu meqjusa bħala diskriminazzjoni abbażi tas-sess u għalhekk projbiti. Ir-rifjut ta’ tali kondotta minn persuna jew is-sottomissjoni tagħha ma jistawx jintużaw bħala bażi għal deċiżjoni li taffettwa lil dik il-persuna.
4. L-istruzzjoni biex diskriminazzjoni diretta jew indiretta abbażi tas-sess għandha tkun meqjusa bħala diskriminazzjoni fis-sens ta’ din id-Direttiva.
5. Din id-Direttiva m' għandiex tipprekludi differenzi fi trattament, jekk il-provvista tal-merkanzija u s-servizzi esklussivament jew primarjament lil membri ta’ sess wieħed hija ġustifikata permezz ta’ għan leġittimu u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa.
Artikolu 5
Fatturi attwarjali
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-kuntratti ġodda kollha konklużi wara l-21 ta' Diċembru 2007 l-iżjed tard, l-użu tas-sess bħala fattur fil-kalkolu ta’ premiums u benifiċċji għal ħtiġiet ta’ assigurazzjoni u servizzi finanzjarji relatati ma għandux jirriżulta f’differenzi fil-premiums u l-benefiċċji ta’ individwi.
2. Minkejja l-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu qabel l-21 ta' Diċembru 2007 li jippermettu differenzi proporzjonati fi premiums u benefiċċji ta’ individwi fejn l-użu tas-sess huwa fattur determinanti fl-istima ta’ riskju bbażat fuq data attwarjali u statistika rilevanti u preċiża. L-Istati Membri konċernati għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u jiżguraw li tiġi miġbura, pubblikata u regolarment aġġornata data preċiża, rilevanti għall-użu tas-sess bħala fattur attwarjali determinanti. Dawn l-Istati Membri għandhom jirrevedu d-deċiżjoni tagħhom ħames snin wara l-21 ta' Diċembru 2007, wara li jittieħed kont tar-rapport tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 16, u għandhom jibgħatu r-riżultati ta’ din ir-reviżjoni lill-Kummissjoni.
3. Fi kwalunkwe każ, spejjeż relatati ma’ tqala u maternità ma għandhomx jirriżultaw f’differenzi fi premiums u benfiċċji ta’ individwi.
L-Istati Membri jistgħu jiddifferixxu l-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ dan il-paragrafu sa l-iżjed tard sa sentejn wara l-21 ta' Diċembru 2007. F’dak il-każ l-Istati Membri konċernati għandhom jinformaw lill-Kummissjoni minnufih.
Artikolu 6
Azzjoni pożittiva
Bil-ħsieb li tiġi żgurata ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn l-irġiel u n-nisa, il-prinċipju ta’ trattament ugwali ma għandux jipprevjeni lil kwalunkwe Stat Membru milli jżomm jew jadotta miżuri speċifiċi biex jipprevjeni jew jikkumpensa żvantaġġi marbuta mas-sess.
Artikolu 7
Ħtiġiet minimi
1. L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu disposizzjonijiet, li huma iżjed favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.
2. L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva m' għandha taħt l-ebda ċirkostanzi tikkostitwixxi bażi għal tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni diġà mogħti mill-Istati Membri fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva.
KAPITOLU II
RIMEDJI U INFURZAR
Artikolu 8
Difiża ta’ drittijiet
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li proċedimenti ġudizzjarji u/jew amministrattivi, inkluż fejn jikkunsidraw xieraq proċedimenti ta’ konċiljazzjoni, għall-infurzar ta’ l-obbligi taħt din id-Direttiva huma disponibbli għall-persuni kollha li jikkunsidraw li sarilhom tort minħabba li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ma giex applikat għalihom, anki wara li ntemmet ir-relazzjoni li fiha d-diskriminazzjoni hija allegata li saret.
2. L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom tali miżuri li huma meħtieġa biex jiġi żgurat kumpens jew riparazzjoni reali u effettiv, kif l-Istati Membri hekk jiddeterminaw, għat-telf u d-dannu sostnut minn persuna inġurjata bħala riżultat ta’ diskriminazzjoni fis-sens ta’ din id-Direttiva, b’mod li jkun dissważiv u proporzjonali għad-dannu sofrut. L-iffissar ta’ limitu superjuri preċedentement m' għandux jirrestrinġi tali kumpens jew riparazzjoni.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew entitajiet legali oħra, li għandhom, skond il-kriterji stabbiliti mill-liġi nazzjonali tagħhom, interess leġittimu li jiżguraw li d-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jiġu osservati, jistgħu jidħlu, għan-nom jew b’sostenn ta’ min jagħmel l-ilment, bl-approvazzjoni tiegħu jew tagħha, f’kwalunkwe proċediment ġudizzjarju u/jew amministrattiv previst għall-infurzar ta’ l-obbligi taħt din id-Direttiva.
4. Il-paragrafi 1 u 3 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar limiti ta’ żmien biex issir azzjoni relatata mal-prinċipju ta’ trattament ugwali.
Artikolu 9
Dmir ta’ provi
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri li huma meħtieġa, skond is-sistemi nazzjonali ġudizzjarji tagħhom, biex jiżguraw li, meta persuni li jikkunsidraw li sarilhom tort minħabba li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ma ġiex applikat għalihom jistabilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun l-intimat li jipprova li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.
2. Il-paragrafu 1 m' għandux jipprevjeni lill-Istati Membri milli jintroduċu regoli ta’ provi, li huma iżjed favorevoli għall-atturi.
3. Il-paragrafu 1 m' għandux japplika għal proċedimenti kriminali.
4. Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw ukoll għal kwalunkwe proċediment miġjub skond l-Artikolu 8(3).
5. L-Istati Membri m' għandhomx għalfejn japplikaw il-paragrafu 1 għal proċedimenti fejn tkun il-qorti jew korp kompetenti ieħor li għandhom jinvestigaw il-fatti tal-każ.
Artikolu 10
Vittimizzazzjoni
L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri li huma meħtieġa biex jiġu protetti l-persuni minn trattament kuntrarju jew konsegwenza kuntrarja bħala reazzjoni għal ilment jew proċediment legali immirat lejn l-infurzar tal-konformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali.
Artikolu 11
Djalogu ma’ partijiet interessati rilevanti
Bil-ħsieb li jippromovu l-prinċipju ta’ trattament ugwali, l-Istati Membri għandhom iħeġġu djalogu ma’ partijiet interessati rilevanti, li, skond il-liġi u l-prattika nazzjonali, għandhom interess leġittimu li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess fil-qasam ta’ l-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi.
KAPITOLU III
KORPI GĦALL-PROMOZZJONI TAT-TRATTAMENT UGWALI
Artikolu 12
1. L-Istati Membri għandhom jagħżlu u jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa għal korp jew korpi għall-promozzjoni, l-analiżi, il-monitoraġġ u s-sostenn tat-trattament ugwali tal-persuni kollha mingħajr diskriminazzjoni abbażi tas-sess. Dawn il-korpi jistgħu jiffurmaw parti minn aġenziji b’responsabbiltà fuq livell nazzjonali għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem jew is-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-individwi, jew għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kompetenzi tal-korpi msemmija fil-paragrafu 1 jinkludu:
(a) |
mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ vittmi u assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew entitajiet legali oħra msemmija fl-Artikolu 8(3), il-provvista ta’ għajnuna indipendenti lil vittmi ta’ diskriminazzjoni biex jimxu ’l quddiem bl-ilmenti tagħhom dwar diskriminazzjoni; |
(b) |
it-tmexxija ta’ sondaġġi indipendenti dwar id-diskriminazzjoni; |
(ċ) |
il-pubblikazzjoni ta’ rapporti indipendenti u t-tfassil ta’ rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni relatata ma’ tali diskriminazzjoni. |
KAPITOLU IV
DISPOSIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 13
Konformità
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jiġi rispettat fir-rigward ta’ l-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi fl-ambitu ta’ din id-Direttiva, u b’mod partikolari li:
(a) |
kwalunkwe liġi, regolament u disposizzjoni amministrattiva kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali hu/hija abolit(a); |
(b) |
kwalunkwe disposizzjoni kuntrattwali, regola interna ta’ intrapriża, u regola li tirregola assoċjazzjoni li tagħmel jew li ma tagħmilx profitt li tmur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali hija, jew tista’ tiġi dikjarata, bla ebda effett legali jew tiġi emendata. |
Artikolu 14
Pieni
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar pieni applikabbli għall-ksur tad-disposizzjonijiet nazzjonali adottati skond dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu applikati. Il-pieni, li jistgħu jinkludu l-ħlas ta' kumpens lill-vittma, għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-disposizzjonijiet lill-Kummissjoni sal-21 ta' Diċembru 2007 l-iżjed tard u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwhom.
Artikolu 15
Disseminazzjoni ta’ informazzjoni
L-Istati Membri għandhom jieħdu ħsieb li d-disposizzjonijiet adottati skond din id-Direttiva, flimkien mad-disposizzjonijiet rilevanti diġà fis-seħħ, jinġabu għall-attenzjoni tal-persuni konċernati bil-mezzi kollha xierqa fit-territorju kollu tagħhom.
Artikolu 16
Rapporti
1. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni disponibbli kollha li tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva lill-Kummissjoni, sal-21 ta' Diċembru 2009 u kull ħames snin minn hemm ’l quddiem.
Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport sommarju, li għandu jinkludi ħarsa lejn il-prattiċi attwali ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ l-Artikolu 5 dwar l-użu tas-sess bħala fattur fil-kalkolu ta’ premiums u benefiċċji. Għandu jissottometti dan ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux iżjed tard mill-21 ta' Diċembru 2009. Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha takkumpanja r-rapport tagħha bi proposti biex tiġi modifikata d-Direttiva.
2. Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jieħu kont tal-fehmiet tal-partijiet interessati rilevanti.
Artikolu 17
Trasposizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sal 21 ta' Diċembru 2017 l-iżjed tard. Għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-disposizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment Il-metodi ta' kif issir it-tali pubblikazzjoni ta' referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.
Artikolu 18
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li tkun ġiet ippublikata fil–Ġurnal U ffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 19
Indirizzati
Din id-Direttiva qed tiġi indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussel, nhar it-13 ta' Diċembru 2004.
Għall-Kunsill
Il-President
B. R. BOT
(1) ĠU Opinjoni mogħtija fit-30 ta' Marzu 2004 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)
(2) ĠU C 241, 28.9.2004, p. 44.
(3) ĠU C 121, 30.4.2004, p. 27.
(4) ĠU L 17, 19.1.2001, p. 22.
(5) ĠU L 180 tad-19.7.2000, p. 22.