Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004L0087

    Direttiva tal-Kummissjoni 2004/87/KE tas- 7 ta' Settembru 2004 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE, li tikkonċerna l-prodotti kosmetiċi, bil-għan li tadatta l-Anness III tagħha għall-progress tekniku Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 287, 8.9.2004, p. 4–4 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 183M, 5.7.2006, p. 117–117 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/07/2013

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2004/87/oj

    5.7.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea

    117


    DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2004/87/KE

    tas-7 ta' Settembru 2004

    li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE, li tikkonċerna l-prodotti kosmetiċi, bil-għan li tadatta l-Anness III tagħha għall-progress tekniku

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri rigward prodotti kosmetiċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tagħha,

    Wara li kkonsultat lill-Kumitat Xjentifiku dwar il-Prodotti Kosmetiċi u Prodotti Mhux ta’ l-Ikel maħsuba għall-Konsumaturi,

    Billi:

    (1)

    F’April 2002, il-Kummissjoni inkludiet f’Parti 2 ta’ l-Anness tad-Direttiva 76/768/KEE 60 żebgħa tax-xagħar taħt in-numri ta’ referenza 1 sa 60. Peress li iktar informazzjoni dwar is-sigurtà ta’ dawk iż-żebgħat tax-xagħar kienet meħtieġa sabiex il-Kumitat Xjentifiku dwar il-Prodotti Kosmetiċi u Prodotti Mhux ta’ l-Ikel maħsuba għall-Konsumaturi (SCCNFP) itemm l-evalwazzjoni ta’ riskju ta’ dawk is-sustanzi, dawk iż-żebgħat tax-xagħar ingħataw permess proviżorju biex jintużaw fil-prodotti kosmetiċi sat-30 ta’ Settembru 2004.

    (2)

    F’Diċembru 2002, l-SCCNFP niżżlet ir-rekwiżiti bażiċi biex issir evalwazzjoni ta’ riskju moderna għaż-żebgħa tax-xagħar. Wara l-proċess ta’ konsultazzjoni ma’ l-iStati Membri u mal-persuni interessati sar ftehim f’Diċembru 2003 li d-data ta’ Lulju 2005 kienet addattata għall-preżentazzjoni lill-SCCNFP ta’ l-informazzjoni addizzjonali dwar iż-żebgħat tax-xagħar li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġodda. Għaldaqstant, il-perijodu li għalih dawk iż-żebgħat tax-xagħar kienu inklużi f’Parti 2 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 76/768/KEE għandu jkun estiż.

    (3)

    Id-Direttiva 76/768/KEE għandha tkun għalhekk emendata skond dan.

    (4)

    Il-miżuri msemmija f’din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Kosmetiċi,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    F’Parti 2 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 76/768/KEE, id-data “30.9.2004” fil-kolonna g għan-numri ta’ referenza 1 sa 60 hija mibdula bi “31.12.2005”.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ dawn il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa l-1 ta’ Ottubru 2004, l-iktar tard. Għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kunsill it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella tal-korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

    Meta l-Istati Membri jaddottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali riferenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, nhar is-7 ta' Settembru 2004.

    Għall-Kummissjoni

    Olli REHN

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 262, tas-27.9.1976, p. 169. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2003/83/KE (ĠU L 238, 25.9.2003, P.23).


    Top