This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32004L0052
Directive 2004/52/EC of the European Parliament and of the Council of 29 April 2004 on the interoperability of electronic road toll systems in the Community (Text with EEA relevance)
Id-Direttiva 2004/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-interoperabilità ta' sistemi elettroniċi dwar taxxi tat-toroq fil-KomunitàTest b'relevanza għaż-ŻEE.
Id-Direttiva 2004/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-interoperabilità ta' sistemi elettroniċi dwar taxxi tat-toroq fil-KomunitàTest b'relevanza għaż-ŻEE.
ĠU L 166, 30.4.2004, pp. 124–143
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)
No longer in force, Date of end of validity: 19/10/2021; Imħassar b' 32019L0520
Official Journal L 166 , 30/04/2004 P. 0124 - 0143
Id-Direttiva 2004/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-interoperabilità ta' sistemi elettroniċi dwar taxxi tat-toroq fil-Komunità (Test b'relevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 7(1) tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [2], Waqt li mxew skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3], Billi: (1) Bir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 1997 dwar l-iżvilupp tat-telematika dwar it-trasport fit-toroq, partikolarment dwar il-ġbir ta' ħlasijiet elettronikament (ĠĦE) [4], il-Kunsill talab lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jizviluppaw strateġija ta' konverġenza ta' sistemi ta' ĠĦE biex jinkiseb livell xieraq ta' interoperabilità fuq livell Ewropew. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar sistemi interoperabbli ta' ġbir ta' taxxi elettronikament fl-Ewropa kien l-ewwel stadju ta' din l-istrateġija. (2) Il-maġġoranza ta' Stati Membri li stallaw sistemi elettroniċi għall-ġbir tat-taxxi dwar l-użu tat-toroq biex jiffinanzjaw l-ispejjeż għall-infrastruttura tat-toroq jew biex jiġbru t-taxxi għall-użu tat-toroq (hawn iżjed 'il quddiem flimkien jissejħu "sistemi elettroniċi għal ġbir ta' taxxi dwar l-użu tat-toroq") jużaw teknoloġija ta' microwave b'distanza qasira u frekwenzi qrib il-5,8 GHz, iżda dawn is-sistemi bħalissa mhumiex totalment kompatibbli. Ix-xogħol fuq it-teknoloġija tal-microwave imwettaq mill-Kumitat Ewropew dwar Standardizzazzjoni (CEN) irriżulta f'Jannar 2003 fit-tħejjija ta' standards tekniċi li jwasslu għal kompatibiltà ta'sistemi elettroniċi ta' microwaves ta' 5,8 GHz għall-ġbir ta' taxxi tat-toroq, wara li ġew adottati pre-standards fl-1997. Madankollu, dawn il-pre-standards ma jkoprux is-sistemi kollha ta' komunikazzjonijiet ta' distanza qasira dedikati (DSRC).ta' 5,8 GHz li jitħaddmu fil-Komunità u jħaddnu żewġ varjanti li mhumiex kompatibbli għal kollox Huma bażati fuq il-mudell ta' sistemi ta' interkonnessjoni miftuħa imfissra mill-Organizzazzjoni Internazzjonali dwar Standardizzazzjoni għal komunikazzjoni bejn sistemi ta' kompjuter. (3) Fabbrikanti ta' tagħmir u amministraturi ta' l-infrastruttura b'danakollu ftiehmu, fi ħdan il-Komunità, li jiżviluppaw prodotti interoperabbli bażati fuq sistemi eżistenti ta' DSRC ta 5,8 GHz. It-tagħmir li jeħtieġ li jkun disponibbli għal dawk li jużawh għandu skond dan ikun kapaċi li jikkomunika mat-teknoloġiji li jistgħu jintużaw biss f'sistemi elettroniċi ġodda għall-ġbir ta' taxxi tat-toroq li għandhom jiġu użati fil-Komunità wara l-1 ta' Jannar 2007, jiġifieri teknoloġija ta' posizzjonar bis-satellita, teknoloġija ta' komunikazzjoni mobbli li tuża l-istandard GSM-GPRS u teknoloġija ta' microwave b' 5,8 GHz. (4) Hu essenzali li x-xogħol ta' standardizzazzjoni jintemm kemm jista' jkun malajr biex jiġu stabbiliti standards tekniċi li jiżguraw kompatibbiltà teknika fost is-sistemi elettroniċi għall-ġbir ta' taxxi għall-użu tat-toroq bażati fuq teknoloġija ta' microwave b'5,8GHz u fuq teknoloġiji ta' posizzjonar bis-satelliti u komunikazzjonijiet mobbli, biex tiġi evitata aktar frammentazzjoni tas-suq. (5) Hu meħtieġ li wieħed jaħseb għall-firxa kbira ta' sistemi elettroniċi għall-ġbir tat-taxxa għall-użu tat-toroq fl-Istati Membri u l-pajjiżi ġirien, u qed jikber il-bżonn li jkun hemm sistemi interoperabbli adattati għall-iżvilupp fil-ġejjieni ta' politika dwar it-taxxi għall-użu tat-toroq f'livell ta' Komunità u għal żviluppi fit-teknoloġija tal-ġejjieni. (6) Is-sistemi elettroniċi għall-ġbir tat-taxxa għall-użu tat-toroq għandhom ikunu interoperabbli u bażati fuq standards miftuħa u pubbliċi, disponibbli fuq bażi mhux diskriminatorja għall-fornituri kollha tas-sistemi. (7) Fid-dħul tas-sistemi elettroniċi ġodda għall-ġbir tat-taxxi għall-użu tat-toroq, għandu jkun hemm tagħmir disponibbli biżżejjed biex tiġi evitata diskriminazzjoni bejn l-intrapriżi konċernati. (8) B'mod partikolari, mħabba l-flessibiltà u l-versatilità kbira tagħhom, l-applikazzjoni tat-teknoloġiji ġodda dwar posizzjonar bis-satelliti (GNSS) u komunikazzjonijiet mobbli (GSM/GPRS) għal sistemi elettroniċi dwar ġbir tat-taxxi għall-użu tat-toroq jistgħu iservu biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-politika ġdida dwar il-ħlasijiet ta' taxxi għall-użu tat-toroq ippjanati fuq livelli ta' Komunità u ta' Stati Membri. Dawn it-teknoloġiji jagħmluha possibbli li n-numru ta' kilometri koperti għal kull kategorija ta' toroq jiġu magħduda mingħajr il-bżonn ta' investiment li jiswa l-flus fl-infrastruttura. Dawn ukoll jiftħu l-bieb għal servizzi oħra dwar sigurtà u informazzjoni għal vjaġġaturi, bħal ma hu l-allarm awtomatiku li jaħdem minn vettura involuta f'xi aċċident u jindika l-pożizzjoni tagħha, u informazzjoni fil-ħin veru dwar kondizzjonijiet ta' traffiku, livelli ta' traffiku u ħinijiet tal-vjaġġi. Dwar il-posizzjonar bis-satellita, il-proġett Galileo llanċjat mill-Komunità fl-2002 hu maħsub biex jipprovdi, mill-2008, servizzi ta' informazzjoni ta' kwalità aħjar minn dik provduta bis-sistemi ta' navigazzjoni bis-satellita tal-lum u li huma l-aħjar għal servizzi telematiċi tat-toroq. Is-sistema prekursura Ewropea dwar servizzi ġeostazzjonarji ta' navigazzjoni overlay (EGNOS) tkun diġà qed titħaddem fl-2004, u tkun tagħti l-istess riżultati. Madankollu, dawn is-sistemi ġodda jistgħu joħolqu problemi ta' kredibiltà f'dawk li huma kontrolli u prevenzjoni ta' frodi. Madankollu, mħabba l-vantaġġi konsiderevoli msemmija hawn fuq, l-applikazzjoni ta' teknoloġiji ta' posizzjonar bis-satellita u komunikazzjonijiet mobbli hi fil-prinċipju rakkomandabbli fid-dħul ta' sistemi elettroniċi ġodda għall-ġbir tat-taxxi għall-użu tat-toroq. (9) It-tixrid ta' teknloġiji għal sistemi elettroniċi għall-ġbir tat-taxxi għall-użu tat-toroq li diġà qegħdin fl-użu jew ippjanati għas-snin li ġejjin (prinċipalment microwave b'5,8 GHz, posizzjonar bis-satellita u komunikazzjonijiet mobbli) u t-tixrid ta' speċifikazzjonijiet imposti mill-Istati Membri u pajjiżi ġirien għas-sistemi tagħhom dwar il-ġbir ta' taxxi għall-użu tat-toroq jistgħu jikkompromettu ż-żewġ għanijiet tal-politika dwar it-tħaddim bla xkiel tas-suq intern u dik tat-trasport. Sitwazzjoni bħal din tista' twassal għal tixrid ta' kaxxi elettroniċi mhux kompatibbli u li jiswew il-flus fil-kabini tas-sewwieqa ta' vetturi għall-ġarr tqil, u għal żbalji li jistgħu jagħmlu s-sewwieqa meta jużawhom bir-riżultat, per eżempju, li mingħajr ebda ħsieb il-ħlas ikun ġie evitat. Tixrid bħal dan mhux aċċettabbli għal min juża u jipproduċi vetturi għal raġunijiet ta' spejjeż, sigurtà u dawk legali. (10) Barrieri artifiċjali għat-tħaddim tas-suq intern għandhom jitneħħew, waqt li jħallu lill-Istati Membri u l-Komunità jimplimentaw varjetà ta' forom ta' politika għat-tipi kollha ta' vetturi fuq livell lokali, nazzjonali jew internazzjonali. It-tagħmir stallat ġo vetturi għandu jippermetti l-implimentazzjoni ta' dawn il-forom ta' politika diversa dwar il-ġbir ta' taxxi dwar l-użu tat-toroq skond il-prinċipji mhux diskriminatorji ta' bejn iċ-ċittadini ta' l-Istati Membri kollha. L-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi dwar il-ġbir tat-taxxi għall-użu tat-toroq f'livell ta' Komunità għandha għalhekk tiġi żgurata kemm jista' jkun malajr. (11) Is-sewwieqa huma leġittimament interessati li jaraw titjib ta' kwalità tas-servizz fl-infrastruttura tat-toroq, speċjalment fi ġranet ta' attività kbira u f'ċerti postijiet b'konġestjoni partikolari ta' traffiku fin-network tat-toroq. It-tifsira tas-servizz elettroniku Ewropew dwar it-taxxa tat-toroq għandha bżonn tindirizza dak l-interess. Barra dan għandu wkoll isir provvediment li jiżgura li t-teknoloġiji u komponenti li hemm maħsub għalihom ikunu jistgħu, safejn ikun teknoloġikament possibbli, jingħaqdu ma' komponenti ta' vetturi oħra, b'mod partikolari l-kapaċitajiet tat-takografu elettroniku u tas-sejħiet ta' emerġenza. Sistemi intermodali m'għandhomx jitħallew barra fi stadju aktar tard (12) L-għażla li wieħed ikollu aċċess għal applikazzjonijiet oħra tal-futur minbarra l-ġbir tat-taxxa tat-toroq għandha tiġi żgurata billi jitwaħħal tagħmir xieraq. (13) Servizz elettroniku Ewropew ta' ġbir ta' taxxa tat-toroq għandu joħloq interoperabilità fuq livel tekniku, kontrattwali u proċedurali, li tkopri: (a) kuntratt waħdieni bejn il-klijenti u l-operaturi li joffru s-servizz, li jħares sett ta' regoli kontrattwali li jippermettu lill-operaturi u/jew fornituri kollha li jipprovdu s-servizz, u li jagħti aċċess għan-network kollu; (b) sett ta' standards u ħtiġijiet tekniċi li jippermettu lill-industrija li tipprovdi t-tagħmir meħtieġ għall-provvista tas-servizz. (14) Interoperabilità kontrattwali toħloq il-potenzal ta' faċilitazzjoni importanti għal xi wħud li jużaw it-toroq u għal ekonomiji sinifikanti fl-amministrazzjoni għal dawk li jużaw it-toroq kummerċjalment. (15) Sistemi elettroniċi għal ġbir ta' taxxi għall-użu tat-toroq jikkontribwixxu sostanzjalment għat-tnaqqis ta' riskji f'aċċidenti, u għalhekk ikattru s-sigurtà fit-toroq, u għal tnaqqis fin-numru ta' transazzjonijiet ta' flus u għal tnaqqis ta' konġestjonijiet f'ċentri fejn jinġabru t-taxxi tat-toroq, speċjalment fi ġranet ta' attività kbira. Inaqqsu wkoll l-impatt ambjentali negattiv ta' stennija u startjar mill-ġdid ta' vetturi u ta' konġestjoni, kif ukoll l-impatt ambjentali relatat ma' l-istallazzjoni ta' xatbiet ġodda fejn titħallas it-taxxa tat-toroq jew mat-tkabbir ta' stazzjonijiet li fihom tinġabar it-taxxa tat-toroq. (16) Il-White Paper dwar il-Politika Ewropea dwar Trasport għas-sena 2000 fiha l-għanijiet tas-sigurtà u l-fluwidità tat-traffiku fit-toroq. Servizzi u sistemi intelliġenti u interoperabbili ta' trasport huma għodda ewlenija fil-kisba ta' dawn l-għanijiet. (17) L-introduzzjoni ta' sistemi elettroniċi għall-ġbir ta' taxxi tat-toroq jinvolvu l-proċessar ta' informazzjoni personali. Proċessar bħal dan għandu jitwettaq skond regoli tal-Komunità, kif preskritti, inter alia, fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-ħarsien ta' individwi fir-rigward tal-proċessar ta' informazzjoni personali u tal-moviment ħieles ta' informazzjoni bħal din [5] u d-Direttiva 2002/58/Ke tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar il-proċessar ta' informazzjoni personali u l-ħarsien ta' privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika [6]. Id-dritt għall-ħarsien ta' informazzjoni personali hu konoxxut espliċitament bl-Artikolu 8 tal-Karta dwar Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. (18) Tnaqqis awtomatiku ta' taxxi għall-użu tat-toroq minn kontijiet f'banek jew minn kontijiet ta' kreditu/debitu domiċiljati fejn ikun, fil-Komunità u lil hinn minnha, isir bil-kondizzjoni li jkun hemm żona għall-ħlasijiet tal-Komunità li taħdem kif jixraq bi ħlasijiet għal servizzi li ma jkunux diskriminatorji. (19) Sistemi elettroniċi għall-ġbir ta' taxxi tat-toroq li jitqiegħdu f'posthom fl-Istati Membri għandhom iħarsu l-kriterji fundamentali li ġejjin: is-sistema trid tkun tista' tippermetti l-inkorporazzjoni ta' titjib u żviluppi teknoloġiċi tal-futur mingħajr il-bżonn li jiswa ħafna flus tat-tneħħija ta' mudelli u metodi qodma, l-ispejjeż ta' l-adozzjoni tagħha minn dawk li jużaw it-toroq kummerċjalment u privatament għandhom ikunu insinifikanti meta paragunati mal-benefiċċji għal dawk li jużaw it-toroq kif ukoll għas-soċjetà in ġenerali, u l-implimentazzjoni tagħha f'kull Stat Membru ma tridx diskrimina fl-ebda aspett tagħha bejn dawk tal-post li jużaw it-toroq u dawk minn Stati Membri oħra. (20) Darba li l-għanijiet ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari l-interoperabilità ta' sistemi elettroniċi għall-ġbir tat-taxxi għall-użu tat-toroq fis-suq intern u l-introduzzjoni ta' servizz elettroniku Ewropew għall-ġbir tat-taxxi tat-toroq li jkopri n-network tat-toroq kollha tal-Komunità li fuqhom titħallas taxxa, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba d-dimensjoni Ewropea tagħhom, jintlaħqu aħjar fuq livell ta' Komunità, il-Komunità tista' tieħu miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif preskritt fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità kif preskritt f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lilhinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet. (21) Wieħed irid ukoll jaħseb għall-inklużjoni ta' partijiet interessati (bħal operaturi tas-servizz tal-ġbir tat-taxxa, amministraturi ta' l-infrastruttura, l-industrija ta' l-elettronika u tal-karrozzi u dawk li jużaw it-toroq) fil-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-aspetti tekniċi u kontrattwali fil-ħolqien ta' servizz elettroniku Ewropew għall-ġbir tat-taxxa tat-toroq. Meta xieraq, il-Kummissjoni għandha wkoll tikkonsulta ma' organizzazzjonijiet mhux governattivi li jkunu attivi fil-qasam tal-ħarsien tal-privatezza, tas-sigurtà fit-toroq u ta' l-ambjent. (22) Biex jiġi stabbilit is-servizz elettroniku Ewropew għall ġbir tat-taxxi tat-toroq għandu l-ewwel ikun hemm il-ħtieġa li jiġu stabbiliti linji ta' gwida li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kumitat dwar il-Ġbir tat-Taxxi tat-Toroq Elettronikament stabbilit b'din id-Direttiva. (23) Din id-Direttiva ma taffettwax il-libertà ta' l-Istati Membri li jippreskrivu regoli dwar ħlasijiet għall-infrastruttura tat-toroq u kwistjonijiet ta' tassazzjoni. (24) Il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi implimentata din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri sabiex jiġu eżerċitati l-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [7], ADOTTAW DIN ID-DIRETIVA: Artikolu 1 Għan u kamp ta' l-applikazzjoni 1. Din id-Direttiva tippreskrivi l-kondizzjonijiet meħtieġa biex tiġi żgurata l-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi għall-ġbir tat-taxxi dwar l-użu tat-toroq fil-Komunità. Tapplika għall-ġbir elettronikament ta' kull tip ta' taxxa dwar l-użu tat-toroq, fin-network kollu tat-toroq fil-Komunità, fl-ibliet u bejn l-ibliet, l-awtostradi, toroq prinċipali u żgħar, u strutturi diversi bħal mini, pontijiet u postijiet fejn isiru s-servizzi tal-laneċ. 2. Din id-Direttiva ma tapplikax għal: (a) sistemi ta' ġbir ta' taxxi għall-użu tat-toroq li għalihom ma jeżistux mezzi elettroniċi dwar il-ġbir tat-taxxi; (b) sistemi elettroniċi għal ġbir ta' taxxi għall-użu tat-toroq li m'għandhomx bżonn l-istallazzjoni ta' tagħmir fuq il-post: (ċ) sistemi żgħar, strettament għall-ġbir ta' taxxi lokali dwar l-użu tat-toroq li għalihom l-ispejjeż biex ikunu konformi mal-ħtiġijiet ta' din id-Direttiva ma jkunux fi proporzjon għall-benefiċċji. 3. Biex jinkiseb l-għan preskritt fil-paragrafu 1, għandu jinħoloq servizz elettroniku Ewropew dwar ġbir ta' taxxi għall-użu tat-toroq. Dan is-servizz, li jikkumplimenta s-servizzi elettroniċi nazzjonali dwar il-ġbir tat-taxxi tat-toroq ta' l-Istati Membri, għandu jiżgura l-interoperabilità fil-Komunità kollha, għal dawk li jużaw is-sistemi elettroniċi għall-ġbir tat-taxxi tat-toroq li jkunu diġà ġew introdotti fl-Istati Membri u għal dawk li għad jiddaħħlu fil-futur fil-qafas ta' din id-Direttiva. Artikolu 2 Soluzzjonijiet teknoloġiċi 1. Is-sistemi elettroniċi ġodda kollha dwar il-ġbir tat-taxxi tat-toroq li jiddaħħlu fis-servizz fl-1 ta' Jannar 2007 jew wara għandhom, biex jagħmlu transazzjonijiet elettroniċi dwar ġbir ta' taxxi tat-toroq, jużaw waħda jew iżjed mit-teknoloġiji li ġejjin: (a) posizzjonar bis-satellita; (b) komunikazzjonijiet mobbli bl-użu ta' l-istandard referenzali GSM-GPRS (referenza GSM TS 03.60/23 060); (ċ) teknoloġija ta' microwave b'5,8 GHz 2. Is-servizz elettroniku Ewropew dwar ġbir tat-taxxa tat-toroq għandu jiddaħħal fis-servizz skond l-Artikolu 3(1). Operaturi għandhom jagħmlu disponibbli għal dawk interessati li jużawh tagħmir ta' fuq il-post li jkun adattat għal użu mas-sistemi elettroniċi kollha għall-ġbir tat-taxxi tat-toroq li jkunu fis-servizz fl-Istati Membri li jużaw it-teknoloġiji msemmija fil-paragrafu 1 u li jkun adattat għal użu fit-tipi kollha ta' vetturi, skond il-kalendarju preskritt fl-Artikolu 3(4). Dan it-tagħmir għandu għall-inqas ikun interoperabbli u kapaċi jikkomunika mas-sistemi kollha li joperaw fl-Istati Membri li jużaw waħda jew aktar mit-teknoloġiji elenkati fil-paragrafu 1. L-arranġamenti dettaljati f'dan ir-rigward għandhom ikunu stabbiliti mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 5(1), inklużi arranġamenti għad-disponibbiltà ta' tagħmir fuq il-post biex ilaħħaq mad-domanda ta' dawk interessati li jużawh. 3. Hu rakkomandat li s-sistemi elettroniċi kollha għall-ġbir tat-taxxi tat-toroq jiddaħħlu fis-servizz wara l-adozzjoni ta' din id-Direttiva bl-użu tat-teknoloġiji ta' posizzjonar bis-satelliti u komunikazzjonijiet mobbli elenkati fil-paragrafu 1. Dwar il-possibiltà ta' emigrazzjoni għal sistemi li jużaw dawn it-teknoloġiji minn sistemi li jużaw teknoloġiji oħra, il-Kummissjoni, b'koordinazzjoni mal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 5(1), għandha tħejji rapport sa l-31 ta' Diċembru 2009. Dan ir-rapport għandu jinkludi studju dwar l-użu ta' kull waħda mit-teknoloġiji msemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll eżerċizzju dwar il-valur mistenni għan-nefqa involuta. Jekk ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tibgħat proposta mar-rapport lill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal strateġija ta' emigrazzjoni. 4. Bla ħsara għall-paragrafu 1, it-tagħmir ta' fuq il-post jista' jkun ukoll adattat għal teknoloġiji oħra, bil-kondizzjoni li dan ma jwassalx għal xi piż ieħor għal dawk li jużawh jew joħloq xi diskriminazzjoni bejniethom Meta rilevanti, tagħmir ta' fuq il-post jista' jkun ukoll konness mat-takografu elettroniku tal-vettura. 5. Meta Stati Membri jkollhom sistemi għall-ġbir tat-taxxa tat-toroq, għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżdied l-użu tas-sistemi elettroniċi għall-ġbir tat-taxxi tat-toroq. Għandhom jagħmlu li jistgħu biex jiżguraw illi, sa l-1 ta' Jannar l-aktar tard, għallinqas 50 % tat-traffiku miexi f'kull stazzjon ta' ġbir tat-taxxa tat-toroq ikun jista' juża sistemi elettroniċi għall-ġbir tat-taxxa. Lanes użati għall-ġbir elettroniku tat-taxxa tat-toroq jistgħu jintużaw ukoll għal ġbir tat-taxxa b'mezzi oħra, fil-ħarsien tas-sigurtà. 6. Xogħol ta' interoperabbilità fuq teknoloġiji eżistenti għall-ġbir tat-taxxi tat-toroq li jitwettaq b'konnessjoni mas-servizz elettroniku Ewropew dwar il-ġbir tat-taxxa għandu jiżgura l-kompatibiltà u l-interfacing kollu ta' dawk it-teknoloġiji mat-teknoloġiji msemmija fil-paragrafu 1 u tat-tagħmir tagħhom ma' xulxin. 7. Stati membri għandhom jiżguraw li l-proċessar ta' informazzjoni personali meħtieġ għat-tħaddim tas-servizz elettroniku Ewropew dwar ġbir tat-taxxi tat-toroq jitwettaq skond ir-regoli tal-Komunità li jħarsu l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali ta' l-individwi, inkluża l-privatezza tagħhom, u li, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 95/46/Ke u 2002/58/KE jiġu mħarsa. Artikolu 3 Stabbiliment ta' servizz elettroniku Ewropew għall-ġbir tat-taxxi dwar l-użu tat-toroq 1. Għandu jiġi stabbilit servizz elettroniku Ewropew għall-ġbir tat-taxxi tat-toroq li jinkorpora fih in-networks kollha tat-toroq fil-Komunità li għalihom jitħallsu elettronikament taxxi jew ħlasijiet oħra għall-użu tat-toroq. Dan is-servizz elettroniku dwar ġbir tat-taxxi għall-użu tat-toroq jiġi definit b'sett ta' regoli kontrattwali li jippermettu lill-operaturi u/jew fornituri kollha jipprovdu servizz, sett ta' standards u ħtiġijiet tekniċi u kuntratt wieħed ta' sottoskrizzjoni bejn il-klijenti u l-operaturi u/jew fornituri li joffru s-servizz. Dan il-kuntratt għandu jagħti aċċess għas-servizz fin-network kollu u sottoskrizzjonijiet ikunu disponibbli mill-operatur ta' kull parti min-network u/jew mlil-fornitur). 2. Is-servizz elettroniku Ewropew dwar ġbir tat-taxxi tat-toroq għandu jkun indipendenti mid-deċiżjonijiet fundamentali meħuda minn Stati Membri li jimponu ħlasijiet fuq tipi vetturi partikolari, mill-livell ta' ħlasijiet u mill-għan li għalih dawn il-ħlasijiet jiġu imposti. Għandu jirrigwarda biss il-metodu ta' kif jinġabru t-taxxi jew ħlasijiet oħra għall-użu tat-toroq. Is-servizz għandu jippermetti li kuntratti jiġu konklużi irrispettivament mill-post ta' fejn tkun reġistrata l-vettura, iċ-ċittadinanza tal-partijiet fil-kuntratt, u ż-żona jew il-punt fin-network tat-toroq li dwaru jkun dovut il-ħlas. 3. Is-sistema għandha tippermetti l-iżvilupp ta' intermodalità mingħajr ma toħloq żvantaġġi għal modi oħra ta' trasport. 4. Meta Stati Membri jkollhom sistemi elettroniċi nazzjonali għall-ġbir tat-taxxi tat-toroq, għandhom jiżguraw li l-operaturi u/jew il-fornituri joffru s-servizz elettroniku Ewropew għall-ġbir tat-taxxi tat-toroq lill-klijenti tagħhom skond il-kalendarju li ġej: (a) għal vetturi kollha ta' aktar minn 3,5 tunnellati metriċi u għal vetturi kollha li jistgħu iġorru aktar minn 9 passiġġieri (sewwieq + 8), l-aktar tard tliet snin wara d-deċiżjonijiet dwar id-definizzjoni ta' servizz elettroniku Ewropew dwar ġbir tat-taxxi tat-toroq, kif imsemmi fl-Artikolu 4(4), ikunu ttieħdu; (b) għat-tipi tal-vetturi l-oħra kollha, l-aktar tard ħames snin wara li d-deċiżjonijiet dwar id-definizzjoni ta' servizz elettroniku Ewropew dwar ġbir tat-taxxi tat-toroq, kif imsemmi fl-Artikolu 4(4), ikunu ttieħdu. Artikolu 4 Karatteristiċi tas-servizz elettroniku Ewropew dwr ġbir tat-taxxi tat-toroq 1. Is-servizz elettroniku Ewropew dwar ġbir tat-taxxi tat-toroq għandu jkun bażat fuq il-punti elenkati fl-Anness ta' din id-Direttiva. 2. Meta xieraq, dan l-Anness jista' jiġi modifikat għal raġunijiet tekniċi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(2). 3. Is-servizz elettroniku Ewropew dwar ġbir tat-taxxi tat-toroq għandu juża s-soluzzjonijiet teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 2, bl-użu ta' speċifikazzjonijiet li għandhom ikunu disponibbli pubblikament). 4. Id-deċiżjonijiet dwar id-definizzjoni tas-servizz elettroniku Ewropew dwar ġbir tat-taxxi tat-toroq għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(2), sa l-1 ta' Lulju 2006. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu biss jekk il-kondizzjonijiet kollha, valutati fuq il-bażi ta' studji xierqa, ikunu disponibbli biex l-interoperabbilità tkun tista' taħdem mill-aspetti kollha, inklużi dawk tekniċi, legali u kummerċjali. 5. Jekk id-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4 ma jkunux meħuda sa l-1 ta' Lulju 2006, il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(2), tistabbilixxi data ġdida sa meta dawn id-deċiżjonijiet iridu jittieħdu. 6. Deċiżjonijiet tekniċi dwar it-twettiq tas-servizz elettroniku Ewropew dwar ġbir tat-taxxi tat-toroq għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(2). 7. Il-Kummissjoni għandha titlob lill-korpi rilevanti dwar standardizzazzjoni, b'mod partikolari iċ-CEN, skond il-proċedura preskritta bid-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' standards u regolamenti tekniċi [8], biex jagħmlu kull sforz meħtieġ biex jadottaw malajr l-istandards applikabbli għas-sistemi elettroniċi dwar ġbir tat-taxxi tat-toroq fir-rigward tat-teknoloġiji elenkati fl-Artikolu 2(1). 8. Tagħmir għas-servizz elettroniku Ewropew dwar ġbir tat-taxxi tat-toroq għandu jħares b'mod partikolari l-ħtiġijiet tad-Direttivi 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 1999 dwar tagħmir tar-radjo u tagħmir tat-terminal ta' komunikazzjonijiet u l-għarfien reċiproku tal-konformità tagħhom [9] u d-Direttiva tal-Kunsill 89/336/KEE tat-3 ta' Mejju 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar kompatibilità elettromanjetika [10]. Artikolu 5 Proċedura tal-Kumitat 1. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għajnuna tal-Kumitat dwar Ġbir Elettroniku tat-Taxxa tat-Toroq. 2. Meta ssir referenza għal dan il-papragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, fil-ħarsien tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha. Il-perjodu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal tliet xhur. 3. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu. Artikolu 6 Implimentazzjoni L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u disposiszzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva qabel l-20 ta' Novembru 2005. Għandhom mill-ewwel jgħaddu lill-Kummissjoni it-test ta'dawk id-dispożizzjonijiet, flimkien ma' tabella li tikkorrelata dawk id-dispożizzjonijiet ma' din id-Direttiva. Meta Stati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikun hemm magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri. Artikolu 7 Dħul fis-seħħ Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Artikolu 8 Destinatarji Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri. Magħmul fi Brussel, fid-29 ta' April 2004. Għall-Parlament Ewropew Il-President P. Cox Għall-Kunsill Il-President M. McDowell [1] ĠU C 32, 05.02.2004, p. 36. [2] ĠU C 73, tat-23.03.2004, p. 54. [3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2003 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu 2004 (ĠU C 95 E, ta' l-20.4.2004, p. 53) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' April 2004. [4] ĠU C 194, tal-25.06.1997, p. 5. [5] ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1). [6] ĠU L 201, tal-31.07.2002, p. 37. [7] ĠU L 184, tas-17.07.1999, p. 23. [8] ĠU L 204, tal-21.07.1998, p. 37. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-att ta' Adeżjoni ta' l-2003. [9] ĠU L 91, 07.04.1999, p. 10. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003. [10] ĠU L 139, tat-23.05.1989, p. 19. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 93/68/KEE (ĠU L 220, tat-30.8.1993, p. 1). -------------------------------------------------- L-ANNESS Punti meħtieġa għad-definizzjoni u l-iskjerament tas-servizz elettroniku Ewropew dwar ġbir tat-taxxi tat-toroq Il-punti elenkati hawn taħt huma essenzali għad-definizzjoni u l-iskjerament tas-servizz elettroniku Ewropew dwar ġbir tat-taxxi tat-toroq stabbilit skond id-Direttiva. Dawn il-punti jiddistingwu ruħhom bejn kwistjonijiet tekniċi, proċedurali u legali): Kwistjonijiet tekniċi: (a) proċeduri dwar tħaddim tas-servizz: sottoskrizzjoni, struzzjonijiet dwar l-użu, stallazzjoni u twaħħil ta' tagħmir fuq il-post ġo vetturi, proċessar ta' transazzjonijiet fi stazzjonijiet ta' ġbir tat-taxxi tat-toroq jew għal ħlasijiet kontinwi, proċeduri dwar l-irkupru ta' informazzjoni dwar transazzjonijiet fil-każ ta' waqfien jew funzjonament ħażin, sistemi ta' kontroll, fatturar u ġbir ta' somom dovuti, servizz ta' wara l-bejgħ, għajnuna għall-klijent, definizzjoni tal-livell ta' servizz offrut lill-klijenti; meta jiġu stabbiliti proċeduri operatorji, il-proċeduri eżistenti fl-Istati Membri għandhom jiġu kkunsidrati; (b) speċifikazzjonijiet dwar funzjonament tas-servizz: deskrizzjoni tal-funzjonijiet ta' tagħmir fuq il-post u tagħmir bażat fuq l-art; (ċ) speċifikazzjonijiet tekniċi ta' tagħmir bażat fuq l-art u fuq il-post li jsostni s-servizz, u l-istandards, proċeduri dwar ċertifikazzjoni u limitazzjonijiet li għandhom jiġu mħarsa; (d) lanċjar u insegwiment ta' xogħol li jinvolvi korpi ta' standardizzazzjoni, u kull żjidiet tekniċi għall-istandards jew pre-standards użati, biex tkun żgurata l-interoperabilità; (e) speċifikazzjonijiet dwar l-istallar ta' tagħmir fuq il-post; (f) mudelli transazzjonali: tifsira preċiża ta' algoritmi transazzjonali għal kull tip differenti ta' taxxa tat-toroq (postijiet fissi għall-ġbir tat-taxxi tat-toroq jew ħlasijiet kontinwi), u tifsira ta' l-informazzjoni mgħoddija bejn tagħmir ta' fuq il-post u u dak bażat fuq l-art u tal-forom ta' l-informazzjoni; (g) arranġamenti dwar id-disponibilità ta' tagħmir fuq il-post biex ilaħħaq mad-domanda ta' dawk interessati li jużawh; Kwistjonijiet proċedurali): (h) proċeduri dwar verifika ta' prestazzjoni teknika ta' tagħmir ta' fuq il-post, tagħmir fit-toroq u l-mod kif tagħmir jiġi stallat ġo vetturi; (i) parametri għall-klassifikazzjoni ta' vetturi: validazzjoni ta' lista Komunitarja ta' parametri tekniċi li minnha Stat Membru jagħżel dawk li jkun jixtieq għall-politika ta' ħlasijiet tiegħu. Il-parametri għandhom jirrappreżentaw il-karatteristiċi ambjentali, mekkaniċi u fiżiċi tal-vetturi. L-istabbiliment ta' klassijiet ta' vetturi bażati fuq dawk il-parametri jiddeċiedu dwaru l-Istati Membri; (j) implimentazzjoni ta' proċeduri biex jiġu trattati każi partikolari, bħal kull tip ta' funzjonament ħażin. Dan għandu x'jaqsam b'mod partikolari ma' każi fejn l-operaturi tal-ġbir tat-taxxi tat-toroq u l-klijent ikunu minn pajjiżi differenti; Kwistjonijiet legali (k) validazzjoni tas-soluzzjonijiet tekniċi magħżula vis-a-vis r-regoli tal-Komunità li jħarsu l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali ta' l-individwi, inkluża l-privatezza tagħhom; b'mod partikolari, ikun meħtieġ li tiġi żgurata konformità mad-Direttiva 95/46/KE u d-Direttiva 2002/58/KE; (l) l-istabbiliment ta' regoli komuni u ħtiġijiet minimi li ma jkunux diskriminatorji u li fornituri potenzali tas-servizz għandhom iħarsu meta jagħtu s-servizz; (m) stima tal-possibiltà li jiġu armonizzati r-regoli dwar l-infurzar relatati mal-ġbir elettroniku tat-taxxi tat-toroq; (n) a memorandum of understanding between road toll operators, enabling the European electronic toll service to be implemented, including conflict resolution procedures. --------------------------------------------------