Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0815

Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 19 ta' Novembru 2004 li temenda d-dikjarazzjoni mill-Komunità Ewropea dwar l-eżerċizzju ta' kompetenza u drittijiet tal-vot preżentata lill-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran

ĠU L 357, 2.12.2004, pp. 30–31 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 153M, 7.6.2006, pp. 223–224 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/815/oj

7.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

223


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Novembru 2004

li temenda d-dikjarazzjoni mill-Komunità Ewropea dwar l-eżerċizzju ta' kompetenza u drittijiet tal-vot preżentata lill-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran

(2004/815/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, flimkien ma' l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 300(2) u ma' l-ewwel subparagrafu tat-tielet paragrafu tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, (1)

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew, (2)

Billi:

(1)

Il-Komunità Ewropea hi membru tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM); meta aderiet għal din l-organizzazzjoni, il-Komunità ddepożitat dikjarazzjoni waħda dwar l-eżerċizzju mill-Komunità ta' kompetenza u drittijiet tal-vot (3).

(2)

Fil-laqgħa tagħha mit-13 sas-16 ta' Ottubru 1997 il-GFCM adottat l-emendi għat-test tal-ftehim li jistabbilixxi budget awtonomu.

(3)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000 il-Komunità aċċettat l-emenda għall-Ftehim li jistabbilixxi l-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran sabiex jiġi stabbilit budget awtonomu għal dik l-organizzazzjoni (1).

(4)

L-emendi relattivi għal budget awtonomu daħlu fis-seħħ fid-29 ta' April 2004.

(5)

L-implimentazzjoni ta' budget awtonomu għall-GFCM jimplika li l-Komunità ser tipprovdi kontribut finanzjarju għal dak il-budget; minħabba l-volum ta' dan il-kontribut jeħtieġ li tiġi adottata d-dikjarazzjoni ta' kompetenza u drittijiet tal-vot depożitata fil-ħin ta' l-adeżjoni tal-Komunità mal-GFCM,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu uniku

1.   Il-Komunità Ewropea għandha temenda d-dikjarazzjoni waħda ta' kompetenza u drittijiet tal-vot preżentata lill-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran meta taderixxi għal din l-organizzazzjoni, li għandha tiġi mibdula bid-dikjarazzjoni mill-Komunità Ewropea dwar l-eżerċizzju ta' kompetenza u drittijiet tal-vot skond l-Artikolu II(6) tal-Ftehim tal-GFCM kontenut fl-Anness ma' din id-Deċiżjoni.

2.   Il-President tal-Kunsill qiegħed hawnhekk jiġi awtorizzat jinnotifika d-dikjarazzjoni emendata mill-Komunità Ewropea lid-Direttur-Ġenerali ta' l-Organizzazzjoni għall-Ikel u l-Agrikoltura.

Magħmula fi Brussel, nhar id-19 ta' Novembru 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

J. P. H. DONNER


(1)   ĠU C 15, 20.1.1999, p. 13.

(2)   ĠU C 150, 28.5.1999, p 153.

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 98/416/KE tas-16 ta' Ġunju 1998 dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (ĠU L 190, 4.7.1998 p. 34).

(1)   ĠU L 197, 3.8.2000, p. 35.


ANNESS

Dikjarazzjoni waħda tal-Komunità Ewropea dwar l-eżerċizzju ta' kompetenza u drittijiet tal-vot skond l-Artikolu II (6) tal-Ftehim tal-GFCM

Din id-dikjarazzjoni tispeċifika l-kompetenza tal-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fi kwistjonijiet koperti mill-Ftehim li jistabbilixxi l-GFCM.

1.   Kompetenza esklussiva tal-Komunità Ewropea.

Għal punti fuq l-aġenda li jittrattaw il-konservazzjoni u l-immaniġġar ta' riżorsi ħajjin tal-baħar, il-Komunità Ewropea għandha kompetenza esklussiva u drittijiet tal-vot.

2.   Kompetenza ta' l-Istati Membri.

Għal punti fuq l-aġenda li jittrattaw kwistjonijiet ta' organizzazzjoni (kwistjonijiet legali u proċedurali), l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea għandhom kompetenza u drittijiet tal-vot.

3.   Kompetenza maqsuma.

(a)

Għal punti fuq l-aġenda li jittrattaw statistika u akwakultura, il-kompetenza tiġi maqsuma bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Il-Komunità Ewropea għandha drittijiet tal-vot.

(b)

Għal punti fuq l-aġenda li jittrattaw ir-riċerka u l-għajnuna għall-iżvilupp, il-kompetenza tiġi maqsuma bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha. L-Istati Membri għandhom drittijiet tal-vot.

(ċ)

Għal punti fuq l-aġenda li jittrattaw il-kunsiderazzjoni ta' rapporti u koperazzjoni ma' organizzazzjonijiet oħra, il-kompetenza tiġi maqsuma bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, skond l-istess prinċipji ta' distribuzzjoni ta' kompetenza bħal dawk stabbiliti f'din id-Dikjarazzjoni.

(d)

Għal punti fuq l-aġenda li jittrattaw kwistjonijiet tal-budget, il-kompetenza tiġi maqsuma bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Il-Komunità Ewropea għandha drittijiet tal-vot.

Din id-dikjarazzjoni tibdel id-dikjarazzjoni preċedenti ta' l-1 ta' Diċembru 2004 u tapplika għall-laqgħat tal-GFCM kollha sakemm ma ssirx stqarrija speċifika mill-Komunità Ewropea fir-rigward ta' kwalunkwe laqgħa jew punt fuq l-aġenda.

Jekk tinbidel il-firxa tal-kompetenza maqsuma bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, din id-dikjarazzjoni għandha tiġi supplimentata jew modifikata.


Top