EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0217

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l-1 ta’ Marzu 2004 li tadotta lista ta’ materjali li ċ-ċirkolazzjoni u l-użu tagħhom għan-nutriment ta’ l-annimali huwa pprojbit (notifikata bid-dokument numru K(2004) 583)Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 67, 5.3.2004, p. 31–33 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2010; Imħassar b' 32009R0767

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/217/oj

32004D0217



Official Journal L 067 , 05/03/2004 P. 0031 - 0033


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

ta’ l-1 ta’ Marzu 2004

li tadotta lista ta’ materjali li ċ-ċirkolazzjoni u l-użu tagħhom għan-nutriment ta’ l-annimali huwa pprojbit

(notifikata bid-dokument numru K(2004) 583)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2004/217/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 96/25/KE tad-29 ta’April 1996 dwar iċ-ċirkolazzjoni u l-użu ta’ materjali ta’ l-għalf, li temenda d-Direttivi 70/524/KEE, 74/63/KEE, 82/471/KEE u 93/74/KEE u tħassar id-Direttiva 77/101/KEE [1],u partikolarment l-Artikolu 11(b) tagħha,

Billi:

(1) Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 91/516/KEE [2] ġiet stabbilita lista ta’ ingredienti li l-użu tagħhom huwa pprojbit f’materjali ta’ l-għalf komposti, skond id-Direttiva tal-Kunsill 79/373/KEE tat-2 ta’ April 1979 dwar iċ-ċirkolazzjoni ta’ materjali ta’ l-għalf komposti, [3]. Il-projbizzjoni mniżżla f’dik id-Deċiżjoni ma tapplikax għaċ-ċirkolazzjoni ta’ ingredjenti bħal materjali ta’ l-għalf jew għall-użu dirett tagħhom bħala materjali ta’ l-għalf. Dik il-lista ta’ ingredjenti ġiet emendata diversi drabi.

(2) Id-Direttiva 2000/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [4] ipprovdiet li lista ta’ materjali li ċ-ċirkolazzjoni u l-użu tagħhom bħala materjali ta’ l-għalf huma pprojbiti, għandha tiġi magħmula fuq bażi tad-Direttiva 96/25/KE biex tieħu post id-Deċiżjoni Nru 91/516/KEE, sabiex il-lista tal-projbizzjonijiet tkun ġenerali u tapplika kemm għall-użu tal-materjali ta’ l-għalf bħala nutriment, kif ukoll għall-użu tagħhom f’materjali ta’ l-għalf komposti.

(3) Għalhekk, sabiex tiżgura l-konformità tal-materjali ta’ l-għalf mal-ħtiġijiet ta’ sigurtà mniżżla fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/25/KE, din il-lista ġiet magħmula bil-għan li tieħu post il-lista stabbilita permezz tad-Deċiżjoni 91/516/KEE.

(4) Ċerti restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet huma diġà mniżżla fil-leġislazzjoni tal-Komunità, partikolarment fir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-qerda ta’ ċerti enċifalopatiji sponġiformi li jittieħdu [5] u fir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jniżżel regoli ta’ saħħa dwar prodotti indiretti ta’ l-annimali mhux maħsubin għall-konsum tal-bniedem [6]. Għalhekk, dawk ir-restrizzjoniijiet u l-projbizzjonijiet ma għandhomx jiġu repetuti fil-lista ta’ materjali li ċ-ċirkolazzjoni jew l-użu tagħhom għal skopijiet ta’ nutriment ta’ l-annimali huwa pprojbit.

(5) Għal skopijiet ta’ ċarezza fil-leġislazzjoni tal-Komunità, id-Deċiżjoni Nru 91/516/KEE għandha tiġi mħassra u mibdula b’din id-Deċiżjoni.

(6) Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni jaqblu ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Foodchain u s-Saħħa ta’ l-Annimali.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni għandha tgħodd mingħajr preġudizzju għar-Regolamenti (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u (KE) Nru 1774/2002.

Artikolu 2

Iċ-ċirkolazzjoni jew l-użu, għal skopijiet ta’ nutriment ta’ l-annimali, tal-materjali mniżżla fl-Anness għandhom jiġu pprojbiti.

Artikolu 3

Id-Deċiżjoni Nru 91/516/KEE ġiet imħassra.

Ir-Referenzi għad-Deċiżjoni mħassra jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-25 ta’ Marzu 2004.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, 1ta’ Marzu 2004.

Ghall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 125, tat-23.5.1996, p. 35; Id-Direttiva kif emendata l-aħħar permezz tar-Regolament (KE) Nru 806/2003 (ĠU L 122, tas-16.5.2003, 1).

[2] ĠU C 281, tad-9.10.1991, p. 23; Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar permezz tad-Deċiżjoni Nru 2000/285/KE (ĠU L 94, ta’ l-14.4.2000, p. 43).

[3] ĠU L 86, tas-6.4.1979, p. 30; Id-Direttiva kif emendata l-aħħar permezz tar-Regolament (KE) Nru 807/2003 (ĠU L 122, tas-16.5.2003, p. 36).

[4] ĠU L 105, tat-3.5.00, p. 36.

[5] ĠU L 147, tal-31.5.2001, p. 1; Ir-Regolament kif emendat l-aħħar permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2003 (ĠU L 333, ta’ l-20.12.2003, p. 28.

[6] ĠU L 273, ta’ l-10.10.2002, p. 1; Ir-Regolament kif emendat l-aħħar permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 808/2003 (ĠU L 117, tat-13.5.2003, pġ.1).

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Lista ta’ materjali li ċ-ċirkolazzjoni jew l-użu tagħhom għal skopijiet ta’ nutriment ta’ l-annimali huwa pprojbit

Iċ-ċirkolazzjoni jew l-użu tal-materjali li ġejjin għal skopijiet ta’ nutriment ta’ l-annimali huwa pprojbit.

1. Ħmieġ ta’ l-imsaren, urina kif ukoll kontenut separat tal-parti diġestiva bħala riżultat tat-tneħħija jew l-iżvujtjar tal-parti diġestiva, irrispettivament jekk ikunx għadda minn xi forma ta’ trattament jew taħlita.

2. Ġild ta’ l-annimali trattat b’sustanzi ta’ l-ikkonzar, inkluż l-iskart tiegħu.

3. Żerrieġħa u materjal ieħor imnissel mill-pjanti li, wara l-ħsad, ġew mogħtija trattament speċifiku bi prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti għall-użu (tixrid) intenzjonat tagħhom u kull prodott miksub indirettament.

4. Injam, inklużi serratura u materjali oħra miksubin mill-injam, li ġew trattati bi preservattivi ta’ l-injam kif definiti fl-Anness V tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [1].

5. Kull skart miksub mill-fażijiet diversi ta’ ilma użat urban, domestiku u industrijali kif definit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE [2] proċess tat-trattament, irrispettivament jekk kienx hemm aktar proċessar ta’ dan l-iskart u irrispettivament ukoll għall-oriġini ta’ l-ilmijiet użati [3].

6. Skart solidu urban [4], bħal skart tad-dar.

7. L-ippakkjar u partijiet ta’ l-ippakkjar mill-użu ta’ prodotti mill-industrija ta’ l-ikel agrikolu.

[1] Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar prodotti bijoċidali mqiegħda fis-suq (ĠU L 123, ta’ l-24.4.1998, p. 1).

[2] Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar trattament ta’ ilma użat urban (ĠU L 135, tat-30.5.1991, p. 40).

[3] Il-frażi "ilma użat" ma tirreferix għal "ilma ta’ proċess", jiġifieri ilma minn kanen indipendenti integrat fl-ikel jew fl-industriji ta’ l-għalf; fejn dawn il-kanen huma fornuti bl-ilma ma jistax jintuża ilma għall-għalf ta’ l-annimali ħlief jekk dan ikun tajjeb għas-saħħa u nadif kif indikat fl-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità ta’ l-ilma maħsub għall-użu tal-bniedem. Fil-każ ta’ industriji tal-ħut, il-kanen konċernati jistgħu jiġu fornuti b’ilma tal-baħar nadif kif definit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/493/KEE tat-22 ta’ Lulju 1991 li tniżżel il-kondizzjonijiet tas-saħħa għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tal-ħut. Ilma ta’ proċess ma jistax jintuża għall-għalf ta’ l-annimali ħlief jekk dan ikun fih għalf u materjal ta’ l-ikel u jkun teknikament ħieles minn aġenti ta’ tindif, disinfettanti u sustanzi oħra mhux awtorizzati mil-leġislazzjoni dwar l-għalf ta’ l-annimali.

[4] Il-frażi "skart solidu urban" ma tirreferix għal skart mill-fdalijiet ta’ l-ikel kif definit permezz tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002.

--------------------------------------------------

Top