Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0191

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2004 li tistabbilixxi l-kriterji u l-arranġamenti prattiċi għall-kumpens ta' l-iżbilanċi finanzjarji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/40/KE dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet dwar it-tkeċċija ta' ċittadini ta' pajjiż terz

    ĠU L 60, 27.2.2004, p. 55–57 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/191/oj

    32004D0191



    Official Journal L 060 , 27/02/2004 P. 0055 - 0057


    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

    tat-23 ta' Frar 2004

    li tistabbilixxi l-kriterji u l-arranġamenti prattiċi għall-kumpens ta' l-iżbilanċi finanzjarji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/40/KE dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet dwar it-tkeċċija ta' ċittadini ta' pajjiż terz

    (2004/191/KE)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 63(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1) Il-Kunsill Ewropew ta' Tampere fil-15 u s-16 ta' Ottubru 1999 afferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li joħloq żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Għal dan il-għan, politika komuni Ewropea dwar l-eżilju u l-migrazzjoni għandha timmira kemm għat-trattament ġust ta' ċittadini ta' pajjiż terz u ġestjoni aħjar taċ-ċaqlieq tal-migrazzjoni. Dawn l-għanijiet kienu kkonfermati mill-Kunsill Ewropew ta' Laeken fl-14 u l-15 ta' Diċembru 2001 u l-Kunsill Ewropew ta' Seville fil-21 u t-22 ta' Ġunju 2002. Il-ħtieġa li ssir ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, inkluż it-teħid ta' miżuri xierqa li jippromwovu ir-ripatrijazzjoni ta' residenti illegali, kienet emfasizzata b'mod partikolari.

    (2) L-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/40/KE [1] tista' tirriżulta fi żbilanċi finanzjarji fejn deċiżjonijiet ta' tkeċċija, minkejja l-isforzi ta' l-Istat Membru konċernat, ma jistgħux isiru għad-dannu ta' ċittadin ta' pajjiż terz konċernat, jew ta' terza persuna. Kriterji u arranġamenti prattiċi xierqa għall-kumpens bilaterali ta' Stati Membri għandhom għalhekk jiġu addottati.

    (3) Din id-Deċiżjoni għandha wkoll tikkostitwixxi l-bażi biex ikunu stabbiliti il-kriterji u l-arranġamenti prattiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta' Schengen.

    (4) Minħabba li l-għan ta' l-azzjoni proposta, preċiżament il-qsim tal-piż finanzjarju għall-koperazzjoni bejn Stati Membri dwar tkeċċija ta' ċittadini ta' pajjiż terz fil-każ ta' rikonoxximwnt reċiproku ta' deċiżjonijiet ta' tkeċċija ma jistax jintlaħaq suffiċjentament mill-Istati Membri u jista' għalhekk, bis-saħħa ta' l-effetti ta' l-azzjoni, jintlaħaq aħjar f'livell Komunitarju, il-Komunità tista' taddotta miżuri, skond il-principju ta' sussidjarjetà kif spjegat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif spjegat f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan.

    (5) Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji riflessi partikolarment fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari din id-Deċiżjoni tfittex li tassigura rispett sħiħ lejn d-dinjità umana f'każi ta' tkeċċija jew tneħħija, kif rifless fl-Artikolu 1, 18 u 19 tal-Karta.

    (6) Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhix tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Minħabba li din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta' Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea sal-punt li tapplika għal ċittadini ta' pajjiż terz li ma jissodisfawx jew ma jissodisfawx aktar il-kondizzjonijiet għal soġġorn qasir applikabbli fit-territorju ta' Stat Membru bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen, id-Danimarka, skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll imsemmi, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun adotta din id-Deċiżjoni jekk tkunx se timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

    (7) Fir-rigward ta' l-Islanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp ta' l-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja li jikkonċerna l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati ma' l-implimentazzjoni, applikazzjoni u żvilupp ta' l-acquis ta' Schengen [2], sal-punt li tapplika għal ċittadini ta' pajjiż terz li ma jissodisfax jew ma jissodisfax aktar il-kondizzjonijiet għal żjara qasira applikabbli fit-territorju ta' Stat Membru bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen, li jaqgħu fiż-żona indikata fl-Artikolu 1, punt Ċ, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċertu arranġamenti għall-applikazzjonità dan il-Ftehim [3].

    (8) Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit innotifika ix-xewqa li jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Sal-punt li din id-Deċiżjoni timplementa wkoll id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta' Schengen, skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/40/KE, ma taffetwax lir-Renju Unit.

    (9) Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar ir-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' l-imsemmi Protokoll, l-Irlanda m' hijiex tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għaliha.

    (10) Din id-Direttiva tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen jew marbuta b'mod ieħor miegħu fis-sens ta' l-Artikolu 3(2) ta' l-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Din id-Deċiżjoni tpoġġi il-kriterji u l-arranġamenti prattiċi xierqa għall-kumpens ta' l-iżbilanċi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/40/KE fejn tkeċċija ma tistax issir għad-dannu ta' ċittadini tal-pajjiż terz konċernat.

    Artikolu 2

    1. L-Istat Membru li joħrog l-ordni tat-tkeċċija għandu jikkumpensa lill-Istat Membru li jinforzaha għal żbilanċi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/40/KE fejn tkeċċija ma tistax issir għad-dannu ta' ċittadin/i tal-pajjiż terz konċernat.

    L-Istat Membru li jinforza l-ordni għandu jipprovdi lill-Istat Membru li joħroġha informazzjoni ġenerali dwar l-ispejjeż indikattivi ta' l-operazzjonijiet ta' tkeċċija.

    2. Ir-rifużjoni trid issir fuq talba ta' l-Istat Membru li jkun inforza l-ordni fuq il-bażi tal-prinċipji li ġejjin:

    (a) spejjeż tat-trasport. Dawn jinkludu l-ispejjeż attwali għall-biljetti ta' l-ajru sa l-ammont tat-tariffa ufficjali tal-IATA għal vjaġġ rispettiv fil-ħin ta' l-infurzar. L-ispejjeż attwali għal transport fuq l-art jew marittimu b' karozza, ferrovija jew vapur jistgħu jintalbu fuq il-bażi ta' biljett tat-tieni klassi ta' ferrovija jew vapur għad-distanza rispettiva fil-ħin ta' l-infurzar;

    (b) spejjeż amministrattivi. Dawn jinkludu l-ispejjeż attwali għall-miżati tal-viża u miżati oħra għall-ħruġ tad-dokumenti ta' l-ivvjaġġar bir-ritorn (laissez-passer);

    (ċ) allowances tal-missjoni per diem għall-iskorti. Dawn għandhom jiġu determinati skond il-liġi nazzjonali u/jew prattika applikabbli;

    (d) spejjeż ta' l-akkomodazzjoni għall-iskorti. Dawn jinkludu l-ispejjeż attwali għas-soġġorn ta' dawn il-persuni fiz-zona ta' tranżitu ta' pajjiż terz u strettament għas-soġġorn qasir tagħhom li jkun meħtieġ biex jimplimentaw il-missjoni tagħhom fil-pajjiż ta' l-oriġini. Għall-għan ta' rifużjoni, in-numru ta' skorti m'għandux jeċċedi żewġ persuni għal kull ripatrijat, sakemm, fuq il-bażi ta' stima ta' l-Istat Membru li jinforza l-ordni u bi ftehim ma' l-Istat Membru li joħroġha, ikunu meħtieġa aktar skorti;

    (e) spejjeż ta' l-akkomodazzjoni għar-ripatrijat. Dawn jinkludu spejjeż attwali għas-soġġorn tar-ripatrijat f'faċilità xierqa skond il-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi applikabbli fil-pajjiż li qiegħed jinforza l-ordni. Soġġorn sa' perjodu massimu ta' tlett xhur għandu jkun rifuż. Fejn is-soġġorn tar-ripatrijat hu mistenni li jdum aktar minn tlett xhur, l-Istat Membru li jinforza l-ordni u l-Istat Membru li joħroġha għandhom jifthiemu dwar l-ispejjeż addizzjonali;

    (f) spejjeż mediċi. Dawn jinkludu spejjeż attwali għall-għoti ta' trattament mediku lir-ripatrijat u l-iskorti f'każi ta' emerġenza, inkluż spejjeż marbuta ma' dħul fi sptarijiet.

    Fejn meħtieġ, l-Istat Membru li jinforza l-ordni għandu jikkonsulta lill-Istat Membru li joħroġha u jifthiemu dwar spejjeż li jeċċedu dawk imsemmija f'dan il-paragrafu jew dwar spejjeż addizzjonali.

    Artikolu 3

    1. Talba għal rifużjoni trid issir bil-miktub u trid tinkludi evidenza dokumentata dwar l-ispejjeż rikoverabbli.

    2. Talbiet għal rifużjoni jistgħu isiru biss għal deċiżjonijiet ta' tkeċċija, li jinħarġu wara li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ.

    Ma tistax tintalab rifużjoni għall-infurzar ta' deċiżjonijiet ta' tkeċċija, maħruġa aktar minn erba' snin qabel l-infurzar tagħhom.

    3. Talbiet għal rifużjoni sottomessi aktar minn sena wara li jkun sar l-infurzar jistgħu jiġu miċħuda.

    4. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi punt ta' kuntatt nazzjonali għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u jikkomunika l-informazzjoni relevanti lill-Istati Membri l-oħra.

    Kwalunkwe talba għal rifużjoni għandha tintbgħat mill-punt ta' kuntatt nazzjonali ta' l-Istat Membru li jinforza l-ordni lill-punt ta' kuntatt nazzjonali ta' l-Istat Membru li joħroġha, li għandu jinforma lill-punt ta' kuntatt nazzjonali ta' l-Istat Membru li jinforzaha li jkun irċieva t-talba.

    5. Fi żmien massimu ta' tlett xhur il-punt ta' kuntatt nazzjonali ta' l-Istat Membru li joħroġ l-ordni għandu jikkomunika mal-punt ta' kuntatt nazzjonali ta' l-Istat Membru li jinforzaha u jgħarrfu jekk ikunx aċċetta jew ċaħad it-talba. Din il-komunikazzjoni trid issir bil-miktub, u tkun tinkludi r-raġunijiet f'każ ta' ċaħda.

    6. Pagamenti għandhom isiru fi żmien massimu ta' tlett xhur mill-aċċettazzjoni tal-pagament mill-punt ta' kuntatt nazzjonali ta' l-Istat Membru li joħroġ l-ordni.

    7. Il-punti ta' kuntatt nazzjonali ta' l-Istat Membru li jinforza l-ordni u ta' l-Istat Membru li joħroġha għandhom ikunu nfurmati bil-pagamenti u biċ-ċaħdiet tar-rifużjoni.

    Artikolu 4

    1. Sabiex tkun osservata l-implimentazzjoni bla xkiel ta' din id-Deċiżjoni kif ukoll tad-Direttiva 2001/40/KE, kull punt ta' kuntatt nazzjonali għandu jipprovdi informazzjoni regolarment li tikkonċerna partikolarment: in-numru totali ta' miżuri ta' infurzar meħuda taħt id-Direttiva 2001/40/KE li kienu rifużi skond din id-Deċiżjoni u n-numru totali ta' rifużjonijiet miċħuda flimkien mar-raġunijiet għal dawn iċ-ċaħdiet.

    2. Din l-informazzjoni tista' tinkludi wkoll rakkomandazzjonijiet bil-għan li jitjiebu il-kriterji u l-arranġamenti prattiċi ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fit-23 ta' Frar 2004.

    F'isem il-Kunsill

    Il-President

    B. Cowen

    [1] ĠU L 149, 02.06.01, p. 34.

    [2] ĠU L 176, 10.07.99, p. 36.

    [3] ĠU L 176, 10.07.99, p. 31.

    --------------------------------------------------

    Top