EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003R1992

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1992/2003 tas-27 ta'Ottubru 2003 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja biex jagħti effett għall-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Protokoll li għandu x'jaqsam mal-Ftehim ta' Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta' marki adottata f'Madrid fis-27 ta' Ġunju 1989

ĠU L 296, 14.11.2003, p. 1–5 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/04/2009; Impliċitament imħassar minn 32009R0207

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1992/oj

32003R1992



Official Journal L 296 , 14/11/2003 P. 0001 - 0005


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1992/2003

tas-27 ta'Ottubru 2003

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja biex jagħti effett għall-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Protokoll li għandu x'jaqsam mal-Ftehim ta' Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta' marki adottata f'Madrid fis-27 ta' Ġunju 1989

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [3],

Billi:

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 40/94 [4] (ir-Regolament dwar it-trademark Komunitarja), li hu bbażat fuq l-Artikolu 308 tat-Trattat, huwa maħsub biex joħloq suq li jaħdem kif suppost u li joffri kondizzjonijiet li huma simili għal dawk eżistenti f'suq nazzjonali. Sabiex jinħoloq suq ta' dan it-tip, u jiġi magħmul aktar suq wieħed, l-imsemmi Regolament ħoloq is-sistema tat-trademark Komunitarja li permezz tagħha impriżi jistgħu, permezz ta' sistema proċedurali waħda, jiksbu trademarks Komunitarji li tingħatalhom protezzjoni uniformi u li jipproduċu l-effetti tagħhom f'kull parti ta' l-erja kollha tal-Komunità Ewropea.

(2) Il-Konferenza Diplomatika għall-iffinalizzar ta' Protokoll li għandu x'jaqsam mal-Ftehim ta' Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta' marki adottat il-Protokoll li għandu x'jaqsam mal-Ftehim ta' Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta' marki (hawnhekk iżjed 'il quddiem msejjaħ il-Protokoll ta' Madrid) fis-27 ta' Ġunju 1989, f'Madrid.

(3) Il-Protokoll ta' Madrid kien adottat sabiex jintroduċi ċerti karatteristiċi ġodda fis-sistema ta' reġistrazzjoni internazzjonali ta' marki eżistenti taħt il-Ftehim ta' Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta' marki ta' l-14 t'April 1891 kif emendat (hawnhekk iżjed ‘il quddiem msejjaħ il-Ftehim ta' Madrid) [5].

(4) Kif imqabbel mal-Ftehim ta' Madrid, il-Protokoll ta' Madrid introduċa, fl-Artikolu 14 tiegħu, bħala waħda mill-innovazzjonijiet ewlenin il-possibbiltà li organizzazzjoni intergovernamentali li għandha uffiċċju reġjonali sabiex tirreġistra marki b'effett fit-territorju ta' l-organizzazzjoni tista' ssir parti għall-Protokoll ta' Madrid.

(5) Il-Protokoll ta' Madrid daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 1995 u sar operazzjonali fl-1 ta' April 1996 u s-sistema tat-trademark Komunitarja ukoll saret operazzjonali f'din l-aħħar data.

(6) Is-sistema tat-trademark Komunitarja u s-sistema ta' reġistrazzjoni internazzjonali kif stabbilita mill-Protokoll ta' Madrid huma komplimentarji. Għalhekk, sabiex tingħata l-possibbiltà lil ditti li jibbenefikaw mill-vantaġġi tat-trademark Komunitarja permezz tal-Protokoll ta' Madrid u viċe versa, huwa neċessarju li applikanti għat-trademark Komunitarja u d-detenturi ta' dawn it-trademarks jitħallew japplikaw għal protezzjoni internazzjonali tat-trademarks tagħhom permezz tal-preżentazzjoni ta' applikazzjoni internazzjonali taħt il-Protokoll ta' Madrid u, bil-maqlub, detenturi ta' reġistrazzjonijiet internazzjonali taħt il-Protokoll ta' Madrid jitħallew japplikaw għal protezzjoni tat-trademarks tagħhom taħt is-sistema tat-trademark Komunitarja.

(7) Barra minnhekk, it-twaqqif ta' konnessjoni bejn is-sistema tat-trademark Komunitarja u s-sistema ta' reġistrazzjoni internazzjonali taħt il-Protokoll ta' Madrid tgħin żvilupp armonjuż ta' attivitajiet ekonomiċi, telimina distorsjonijiet fil-kompetizzjoni, tkun effettiva fl-infiq u żżid il-livell ta' integrazzjoni u funzjonament tas-suq intern. Għalhekk, l-adeżjoni tal-Komunità għall-Protokoll ta' Madrid hija neċessarja sabiex is-sistema tat-trademark Komunitarja ssir aktar attraenti.

(8) Għar-raġunijiet hawn fuq imsemmija, il-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni [6], approva l-Protokoll ta' Madrid u awtorizza lill-President tal-Kunsill biex jiddepożita l-istrument ta' adeżjoni mad-Direttur-Ġenerali ta' l-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali (WIPO) mid-data li fiha l-Kunsill adotta l-miżuri li huma neċessarji biex jagħtu effett lill-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Protokoll ta' Madrid. Dan ir-Regolament fih dawn il-miżuri.

(9) Dawn il-miżuri għandhom ikunu inkorporati fir-Regolament dwar it-trademark Komunitarja permezz ta' l-inklużjoni ta' titolu ġdid dwar "Ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta' marki". Għal din ir-raġuni, l-bażi legali ta' din il-proposta għandha tkun l-istess bħall-bażi legali tar-Regolament dwar it-trademark Komunitarja, i.e. l-Artikolu 308 tat-Trattat.

(10) Barra minn hekk, huwa neċessarju li jkunu previsti regoli li japplikaw għall-ippreżentar ta' applikazzjoni internazzjonali fil-Bureau Internazzjonali tal-WIPO permezz ta' l-intermedjarju ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinji) (l-Uffiċċju).

(11) Fejn applikazzjoni internazzjonali tiġi ppreżentata, fuq il-bażi ta' applikazzjoni għal trademark Komunitarja, f'lingwa li mhix waħda mil-lingwi permessi taħt il-Protokoll ta' Madrid għall-ippreżentar ta' applikazzjonijiet internazzjonali, l-Uffiċċju għandu jagħmel l-almu tiegħu biex jirranġa għat-traduzzjoni tal-lista ta' merkanzija jew servizzi fil-lingwa indikata mill-applikant sabiex l-applikazzjoni tkun mgħoddija lill-Bureau Internazzjonali fil-ħin biex tinżamm id-data ta' prijorità.

(12) M'hemm xejn fil-Protokoll ta' Madrid jew fir-Regolamenti adottati taħt il-Protokoll ta' Madrid li jkun jista' jistabbilixxi r-reġim tal-lingwa li għandu jkun applikat mill-Uffiċċju meta jipproċessa applikazzjoni internazzjonali jew reġistrazzjoni internazzjonali.

(13) Finalment, ir-regoli u l-proċeduri li għandhom x'jaqsmu mar-reġistrazzjoni internazzjonali li tinnomina lill-Komunità Ewropea għandhom, fil-prinċipju, jkunu l-istess regoli u proċeduri li japplikaw għall-applikazzjonijiet għal trademark Komunitarja u l-protezzjoni ta' trademarks Komunitarji. Skond dan il-prinċipju, reġistrazzjonijiet internazzjonali li jinnominaw lill-Komunità Ewropea għandhom ikunu soġġetti għal eżaminazzjoni dwar raġunijiet assoluti għal ċaħda, tfittxijiet fir-Reġistru tat-trademarks Komunitarji u r-reġistri tat-trademarks ta' dawk l-Istati Membri li infurmaw lill-Uffiċċju bid-deċiżjoni tagħhom li jħaddmu tfittxija ta' din ix-xorta u għandhom ikunu soġġetti għal opposizzjoni bl-istess mod bħala trademarks Komunitarji ppubblikati. Bl-istess mod reġistrazzjonijiet internazzjonali li jinnominaw lill-Komunità Ewropea għandhom ikunu soġġetti għall-istess regoli dwar l-użu u l-invalidazzjoni bħat-trademarks Komunitarji. Aktar minn hekk, in-nomina tal-Komunità Ewropea permezz ta' reġistrazzjonijiet internazzjonali jistgħu jinqalbu f'applikazzjonijiet nazzjonali għal trademarks jew fin-nomina ta' Stati Membri li huma parti għall-Protokoll ta' Madrid jew għall-Ftehim ta' Madrid fejn in-nomina tal-Komunità Ewropea permezz ta' reġistrazzjonijiet internazzjonali ta' din ix-xorta hija miċħuda jew tieqaf milli jkollha effett,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 40/94 huwa permezz tal-preżenti emendat kif ġej:

1. Is-sub-paragrafu li ġej għandu jkun miżjud ma' l-Artikolu 8(2)(a):

"(iv) trademarks reġistrati taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fil-Komunità; '"

2. L-Artikolu 134(3) għandu jinbidel b'li ġej:

"3. Introjtu għandu jikkomprendi, mingħajr preġudizzju għal tipi oħrajn ta' dħul, miżati totali pagabbli taħt ir-regolamenti dwar il-miżati, miżati totali pagabbli taħt il-Protokoll ta' Madrid msemmija fl-Artikolu 140 għal reġistrazzjoni internazzjonali li tinnomina lill-Komunità Ewropea u pagamenti oħra magħmulha lill-Partijiet Kontraenti għall-Protokoll ta' Madrid, u, sa dak il-punt meħtieġ, sussidju mdaħħal f'intestatura speċifika tal-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, taqsima Kummissjoni."

3. It-Titolu li ġej għandu jiddaħħal wara t-Titolu XII:

"TITOLU XIII

REĠISTRAZZJONI INTERNAZZJONALI TA' MARKI

TAQSIMA I

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 140

L-applikazzjoni ta' disposizzjonijiet

Ħlief jekk xort'oħra speċifikat f'dan it-Titolu, dan ir-Regolament u kull regolamenti li jimplimentaw dan ir-Regolament adottati skond l-Artikolu 158 għandhom jgħoddu għal applikazzjonijiet għal reġistrazzjonijiet internazzjonali taħt il-Protokoll li għandu x'jaqsam mal-Ftehim ta' Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta' marki, adottat f'Madrid fis-27 ta' Ġunju 1989 (hawn hekk aktar 'il quddiem imsejħin bħala "applikazzjonijiet internazzjonali" u "l-Protokoll ta' Madrid" rispettivament), ibbażati fuq applikazzjoni għal trademark Komunitarja jew fuq trademark Komunitarja u għal reġistrazzjonijiet ta' marki fir-reġistri internazzjonali miżmuma mill-Bureau Internazzjonali ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà (hawnhekk aktar 'il quddiem imsejħa "reġistrazzjonijiet internazzjonali" u "l-Bureau Internazzjonali", rispettivament) li jinnominaw il-Komunità Ewropea.

TAQSIMA 2

REĠISTRAZZJONI INTERNAZZJONALI FUQ IL-BAŻI TA' APPLIKAZZJONIJIET GĦAL TRADEMARK KOMUNITARJA U TA' TRADEMARKS KOMUNITARJI

Artikolu 141

Preżentazzjoni ta' applikazzjoni internazzjonali

1. Applikazzjonijiet internazzjonali skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll ta' Madrid ibbażati fuq applikazzjoni għal trademark Komunitarja jew fuq trademark Komunitarja għandhom ikunu preżentati fl-Uffiċċju.

2. Fejn applikazzjoni internazzjonali tkun ippreżentata qabel ma l-marka li fuqha r-reġistrazzjoni internazzjonali għandha tkun ibbażata tkun ġiet reġistrata bħala trademark Komunitarja, l-applikant għar-reġistrazzjoni internazzjonali għandu jindika jekk ir-reġistrazzjoni internazzjonali għandhiex tkun ibbażata fuq applikazzjoni għal jew reġistrazzjoni ta' trademark Komunitarja. Fejn ir-reġistrazzjoni internazzjonali għandha tkun ibbażata fuq trademark Komunitarja ladarba tkun reġistrata, l-applikazzjoni internazzjonali għandha tkun meqjusa li ġiet riċevuta fl-Uffiċċju fid-data tar-reġistrazzjoni tat-trademark Komunitarja.

Artikolu 142

Forma u kontenuti ta' l-applikazzjoni internazzjonali

1. L-applikazzjoni internazzjonali għandha tkun ippreżentata f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Komunità Ewropea, billi tintuża formola provduta mill-Uffiċċju. Ħlief jekk speċifikat xort'oħra mill-applikant fuq dik il-formola meta jippreżenta l-applikazzjoni internazzjonali, l-Uffiċċju għandu jikkorrispondi ma' l-applikant fil-lingwa tal-preżentazzjoni f'formola standard.

2. Jekk l-applikazzjoni internazzjonali tiġi preżentata f'lingwa li mhix waħda mil-lingwi permessi taħt il-Protokoll ta' Madrid, l-applikant għandu jindika lingwa oħra minn fost dawk il-lingwi. Din għandha tkun il-lingwa li fiha l-Uffiċċju jissottometti l-applikazzjoni internazzjonali lill-Bureau Internazzjonali.

3. Fejn l-applikazzjoni internazzjonali tiġi preżentata f'lingwa li mhix waħda mil-lingwi permessi taħt il-Protokoll ta' Madrid għall-preżentazzjoni ta' applikazzjonijiet internazzjonali, l-applikant jista' jipprovdi traduzzjoni tal-lista ta' merkanzija jew servizzi fil-lingwa li fiha l-applikazzjoni internazzjonali tkun se tiġi sottomessa lill-Bureau Internazzjonali skond il-paragrafu 2.

4. L-Uffiċċju għandu jibgħat l-applikazzjoni internazzjonali lill-Bureau Internazzjonali malajr kemm jista' jkun.

5. Il-preżentazzjoni ta' applikazzjoni internazzjonali għandha tkun soġġetta għall-ħlas ta' miżata lill-Uffiċċju. Fil-każijiet imsemmija fit-tieni sentenza ta' l-Artikolu 141(2), il-miżata għandha tkun dovuta fid-data ta' reġistrazzjoni tat-trademark Komunitarja. L-applikazzjoni għandha tkun meqjusa li ma ġietx ippreżentata sakemm il-miżata meħtieġa tkun ġiet imħallsa.

6. L-applikazzjoni interazzjonali għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet rilevanti stabbiliti fir-Regolament li jimplimenta msemmi fl-Artikolu 157.

Artikolu 143

Irrekordjar fil-fajls u fir-Reġistru

1. Id-data u n-numru ta' reġistrazzjoni internazzjonali bażata fuq applikazzjoni għal trademark Komunitarja, għandhom ikunu rekordjati fil-fajls ta' dik l-applikazzjoni. Meta l-applikazzjoni tirriżulta fi trademark Komunitarja, id-data u n-numru tar-reġistrazzjoni internazzjonali għandhom jiddaħhlu fir-reġistru.

2. Id-data u n-numru ta' reġistrazzjoni internazzjonali bażata fuq trademark Komunitarja għandhom jiddaħhlu fir-Reġistru.

Artikolu 144

Talba għal estensjoni territorjali sussegwenti għar-reġistrazzjoni internazzjonali

Talba għal estensjoni territorjali magħmulha sussegwentament għar-reġistrazzjoni internazzjonali skond l-Artikolu 3ter(2) tal-Protokoll ta' Madrid tista' tiġi preżentata permezz ta' l-intermedjarju ta' l-Uffiċċju. It-talba għandha tkun ippreżentata fil-lingwa li fiha l-applikazzjoni internazzjonali kienet ippreżentata skond l-artikolu 142.

Artikolu 145

Miżati internazzjonali

Kull miżati pagabbli lill-Bureau Internazzjonali taħt il-Protokoll ta' Madrid għandhom jitħallsu dirett lill-Bureau Internazzjonali.

TAQSIMA 3

REĠISTRAZZJONIJIET INTERNAZZJONALI LI JINNOMINAW LILL-KOMUNITÀ EWROPEA

Artikolu 146

Effetti ta' reġistrazzjonijiet internazzjonali li jinnominaw lill-Komunità Ewropea

1. Reġistrazzjoni internazzjonali li tinnomina lill-Komunità Ewropea għandha, mid-data tar-reġistrazzjoni tagħha skond l-Artikolu 3(4) tal-Protokoll ta' Madrid jew mid-data tan-nomina sussegwenti tal-Komunità Ewropea skond l-Artikolu 3ter(2) tal-Protokoll ta' Madrid, ikollha l-istess effett bħal applikazzjoni għal trademark Komunitarja.

2. Jekk l-ebda ċaħda ma ġiet innotifikata skond l-Artikolu 5(1) u (2) tal-Protokoll ta' Madrid jew jekk xi ċaħda ta' din ix-xorta ġiet irtirata, ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta' marka li tinnomina lill-Komunità Ewropea għandha, mid-data msemmija fil-paragrafu 1, ikollha l-istess effett bħar-reġistrazzjoni ta' marka bħala trademark Komunitarja.

3. Għall-għanijiet li jkun applikat l-Artikolu 9(3), pubblikazzjoni tad-dettalji tar-reġistrazzjoni internazzjonali li tinnomina lill-Komunità Ewropea skond l-Artikolu 147(1) għandha tieħu post il-pubblikazzjoni ta' l-applikazzjoni għal trademark Komunitarja, u pubblikazzjoni skond l-Artikolu 147(2) għandha tieħu post il-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni ta' trademark Komunitarja.

Artikolu 147

Pubblikazzjoni

1. L-Uffiċċju għandu jippubblika d-data ta' reġistrazzjoni ta' marka li tinnomina lill-Komunità Ewropea skond l-Artikolu 3(4) tal-Protokoll ta' Madrid jew id-data tan-nomina sussegwenti tal-Komunità Ewropea skond l-Artikolu 3ter(2) tal-Protokoll ta' Madrid, il-lingwa tal-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni internazzjonali u t-tieni lingwa indikata mill-applikant, in-numru tar-reġistrazzjoni internazzjonali u d-data ta' pubblikazzjoni ta' dik ir-reġistrazzjoni fil-Gazzetta ppublikata mill-Bureau Internazzjonali, riproduzzjoni tal-marka u n-numru tal-klassijiet tal-merkanzija jew servizzi li fir-rigward tagħhom protezzjoni hija mitluba.

2. Jekk l-ebda ċaħda ta' protezzjoni ta' reġistrazzjoni internazzjonali li tinnomina lill-Komunità Ewropea ma ġiet notifikata skond l-Artikolu 5(1) u (2) tal-Protokoll ta' Madrid jew jekk xi ċaħda ta' din ix-xorta ġiet irtirata, l-Uffiċċju għandu jippubblika dan il-fatt, flimkien man-numru tar-reġistrazzjoni internazzjonali u, fejn applikabbli, d-data ta' pubblikazzjoni ta' dik ir-reġistrazzjoni fil-Gazzetta pubblikata mill-Bureau Internazzjonali.

Artikolu 148

Anzjanità

1. L-applikant għal reġistrazzjoni internazzjonali li tinnomina lill-Komunità Ewropea jista' jitlob bħala tiegħu, fl-applikazzjoni internazzjonali, l-anzjanità ta' trademark preċedenti reġistrat fi Stat Membru, inkluż trademark reġistrat fil-pajjiżi tal-Benelux, jew reġistrat taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fi Stat Membru, kif previst fl-Artikolu 34.

2. Id-detentur ta' reġistrazzjoni internazzjonali li tinnomina lill-Komunità Ewropea jista', mid-data tal-publikazzjoni ta' l-effetti ta' dik ir-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 147(2), jitlob bħala tiegħu fl-Uffiċċju l-anzjanità ta' trademark preċedenti reġistrat fi Stat Membru, inkluż trademark irreġistrat fil-pajjiżi tal-Benelux, jew irreġistrat taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fi Stat Membru, kif previst fl-Artikolu 35. L-Uffiċċju għandu jinnotifika lill-Bureau Internazzjonali skond dan.

Artikolu 149

Eżaminazzjoni għal raġunijiet assoluti għal ċaħda

1. Reġistrazzjonijiet internazzjonali li jinnominaw lill-Komunità Ewropea għandhom ikunu soġġetti għal eżaminazzjoni għal raġunijiet assoluti għal ċaħda fl-istess mod bħal applikazzjonijiet għal trademarks Komunitarji.

2. Protezzjoni ta' reġistrazzjoni internazzjonali m'għandhiex tiġi miċħuda qabel ma d-detentur tar-reġistrazzjoni internazzjonali jkun ingħata l-opportunità li jirrinunzja jew jillimita l-protezzjoni fir-rigward tal-Komunità Ewropea jew li jagħti l-osservazzjonijiet tiegħu.

3. Ċaħda ta' protezzjoni għandha tieħu post ċaħda ta' l-applikazzjoni għal trademark Komunitarja.

4. Fejn il-protezzjoni ta' reġistrazzjoni internazzjonali hija miċħuda minn deċiżjoni taħt dan l-Artikolu li saret finali jew fejn id-detentur tar-reġistrazzjoni internazzjonali rinunzja l-protezzjoni fir-rigward tal-Komunità Ewropea skond il-paragrafu 2, l-Uffiċċju għandu jirrifondi lid-detentur tar-reġistrazzjoni internazzjonali parti mill-miżata individwali li għandu jiġi stabbilit fir-Regolament li jimplimenta.

Artikolu 150

Tfittxija

1. Ladarba l-Uffiċċju jkun rċieva notifikazzjoni ta' reġistrazzjoni internazzjonali li tinnomina lill-Komunità Ewropea, għandu jikteb rapport ta' tfittxija tal-Komunità kif previst fl-Artikolu 39(1).

2. Hekk kif l-Uffiċċju jkun irċieva notifikazzjoni ta' reġistrazzjoni internazzjonali li tinnomina lill-Komunità Ewropea, l-Ufficċju għandu jittrasmetti kopja tagħha lill-ufficċju ċentrali għall-proprjetà industrijali ta' kull Stat Membru li jkun informa lill-Uffiċċju bid-deċiżjoni tiegħu li jagħmel tfittxija fir-reġistru tiegħu tat-trademarks kif previst fl-Artikolu 39(2).

3. L-Artikolu 39(3), (4) u (5) għandu japplika mutatis mutandis.

4. L-Uffiċċju għandu jinforma lill-proprjetarji ta' xi trademarks Komunitarji jew ta' applikazzjonijiet għal trademarks Komunitarji preċedenti ċitati fir-rapport tat-tfittxija bil-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni internazzjonali li tinnomina l-Komunità Ewropea kif previst fl-Artikolu 147(1).

Artikolu 151

Opposizzjoni

1. Reġistrazzjoni internazzjonali li tinnomina lill-Komunità Ewropea għandha tkun soġġetta għal opposizzjoni bl-istess mod bħal applikazzjonijiet ippubblikati għal trademark Komunitarja.

2. Avviż ta' opposizzjoni għandu jkun ippreżentat fi żmien perjodu ta' tliet xhur li għandu jibda sitt xhur wara d-data tal-pubblikazzjoni skond l-Artikolu 147(1). L-opposizzjoni m'għandhiex tkun trattata bħala debitament imdaħħla sakemm il-miżata ta' l-opposizzjoni tkun ġiet imħallsa.

3. Ċaħda ta' protezzjoni għandha tieħu post ċaħda ta' applikazzjoni għal trademark Komunitarja.

4. Fejn protezzjoni ta' reġistrazzjoni internazzjonali hija miċħuda b'deċiżjoni taħt dan l-Artikolu li saret finali jew fejn id-detentur tar-reġistrazzjoni internazzjonali rrinunzja għall-protezzjoni fir-rigward tal-Komunità Ewropea qabel deċiżjoni taħt dan l-Artikolu li tkun saret finali, l-Uffiċċju għandu jirrifondi lid-detentur tar-reġistrazzjoni internazzjonali parti mill-miżata individwali li għandu jkun stabbilit fir-Regolament li jimplimenta.

Artikolu 152

Tibdil ta' trademark Komunitarja ma' reġistrazzjoni internazzjonali

L-Uffiċċju għandu, fuq talba, idaħħal avviż fir-Reġistru li trademark Komunitarja hija meqjusa li ġiet mibdula minn reġistrazzjoni internazzjonali skond l-Artikolu 4bis tal-Protokoll ta' Madrid.

Artikolu 153

Invalidazzjoni ta' l-effetti ta' reġistrazzjoni internazzjonali

1. L-effetti ta' reġistrazzjoni internazzjonali li tinnomina lill-Komunità Ewropea tista' tiġi dikjarata invalida.

2. L-applikazzjoni għall-invalidazzjoni ta' l-effetti ta' reġistrazzjoni internazzjonali li tinnomina lill-Komunità Ewropea għandha tieħu post l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' revoka kif previst fl-Artikolu 50 jew għal invalidazzjoni kif previst fl-Artikolu 51 jew fl-Artikolu 52.

Artikolu 154

Konverżjoni ta' nomina tal-Komunità Ewropea permezz ta' reġistrazzjoni internazzjonali f'applikazzjoni għal trademark nazzjonali jew f'nomina ta' Stati Membri

1. Fejn nomina tal-Komunità Ewropea permezz ta' reġistrazzjoni internazzjonali ġiet miċħuda jew tieqaf milli jkollha effett, id-detentur tar-reġistrazzjoni internazzjonali jista' jitlob il-konverżjoni tan-nomina tal-Komunità Ewropea:

(a) f'applikazzjoni għal trademark nazzjonali skond l-Artikoli 108 sa 110 jew

(b) f'nomina ta' Stat Membru li huwa parti għall-Protokoll ta' Madrid jew għall-Ftehim ta' Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta' marki, adottat f'Madrid fl-14 t'April 1891, kif rivedut u emendat (hawnhekk aktar 'il quddiem msejjaħ il-Ftehim ta' Madrid), iżda li fid-data meta l-konverżjoni kienet mitluba kien possibbli li jkun nominat dak l-Istat Membru direttament taħt il-Protokoll ta' Madrid jew il-Ftehim ta' Madrid. L-Artikoli 108 sa 110 għandhom jgħoddu.

2. L-applikazzjoni għal trademark nazzjonali jew in-nomina ta' Stat Membru li huwa parti għall-Protokoll ta' Madrid jew għall-Ftehim ta' Madrid li tirriżulta mil-konverżjoni tan-nomina tal-Komunità Ewropea permezz ta' reġistrazzjoni internazzjonali għandu jgawdi, fir-rigward ta' l-Istat Membru konċernat, id-data tar-reġistrazzjoni internazzjonali skond l-Artikolu 3(4) tal-Protokoll ta' Madrid jew id-data ta' l-estenzjoni għall-Komunità Ewropea skond l-Artikolu 3ter(2) tal-Protokoll ta' Madrid jekk din ta' l-aħħar kienet magħmulha sussegwentement għar-reġistrazzjoni internazzjonali, jew id-data ta' prijorità ta' dik ir-reġistrazzjoni u, fejn approprjat, l-anzjanità ta' trademark ta' dak l-Istat mitlub taħt l-Artikolu 148.

3. It-talba għall-konverżjoni għandha tkun ippubblikata.

Artikolu 155

L-użu tal-marka soġġett għal reġistrazzjoni internazzjonali

Għall-għanijiet li jkunu applikati l-Artikolu 15(1), l-Artikolu 43(2), l-Artikolu 50(1)(a) u l-Artikolu 56(2), id-data tal-publikazzjoni skond l-Artikolu147(2) għandha tieħu l-post tad-data tar-reġistrazzjoni għall-għan li tkun stabbilita d-data li minnha l-marka li hija s-suġġett ta' reġistrazzjoni internazzjonali li tinnomina lill-Komunità Ewropea għandha titqiegħed għal użu ġenwin fil-Komunità.

Artikolu 156

Trasformazzjoni

1. Bla ħsara għall-paragrafu 2, id-disposizzjonijiet applikabbli għal applikazzjonijiet għal trademark Komunitarja għandhom japplikaw mutatis mutandis għal applikazzjonijiet għal trasformazzjoni ta' reġistrazzjoni internazzjonali f'applikazzjoni għal trademark Komunitarja bi qbil ma' l-Artikolu 9quinquies tal-Protokoll ta' Madrid.

2. Meta l-applikazzjoni għat-trasformazzjoni tirrigwarda reġistrazzjoni internazzjonali li tinnomina lill-Komunità Ewropea li d-dettalji tagħha ġew ippubblikati skond l-Artikolu 147(2), l-Artikoli 38 sa 43 m'għandhomx japplikaw."

4. It-Titolu XIII isir it-Titolu XIV.

5. L-Artikoli 140, 141, 142 u 143 għandhom ikunu rinumerati kif ġej:

L-Artikolu 140 isir l-Artikolu 157

L-Artikolu 141 isir l-Artikolu 158

L-Artikolu 142 isir l-Artikolu 159

L-Artikolu 143 isir l-Artikolu 160.

6. Ir-referenza għall-Artikolu 140 fl-Artikolu 26(3) għandha tkun mibdula b'referenza għall-Artikolu 157.

7. Ir-referenza għall-Artikolu 141 fl-Artikolu 139(3) u fl-Artikolu 140(3) għandha tkun mibdula b'referenza għall-Artikolu 158.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Protokoll ta' Madrid jidħol fis-seħħ fir-rigward tal-Komunità Ewropea. Id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fis-27 ta' Ottubru 2003.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Matteoli

[1] ĠU C 300, ta' l-10.10.1996, pġ. 11.

[2] ĠU C 127, tat-2.6.1997, pġ. 251.

[3] ĠU C 89, tad-19.3.1997, pġ. 14.

[4] ĠU L 11, ta' l-14.1.1994, pġ. 1. Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 1653/2003 (ĠU L 245, tad-29.9.2003, pġ. 36).

[5] Il-Ftehim ta' Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta' marki kif rivedut l-aħħar fi Stokkolma fl-14 ta' Lulju 1967 u kif l-aħħar emendat fit-2 ta' Ottubru 1979.

[6] Proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tapprova l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Protokoll li għandu x'jaqsam mal-Ftehim ta' Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta' marki, adottat f'Madrid fis-27 ta' Ġunju, 1989 (ĠU C 293, tal-5.10.1996, pġ. 11).

--------------------------------------------------

Top