Elija las funciones experimentales que desea probar

Este documento es un extracto de la web EUR-Lex

Documento 32003R1783

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1783/2003 tad-29 ta' Settembru 2003 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1257/1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG)

    ĠU L 270, 21.10.2003, p. 70/77 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Estatuto jurídico del documento Ya no está vigente, Fecha de fin de validez: 01/01/2010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1783/oj

    32003R1783



    Official Journal L 270 , 21/10/2003 P. 0070 - 0077


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1783/2003

    tad-29 ta' Settembru 2003

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1257/1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 36 u 37 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

    Billi:

    (1) Sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-politika agrikola komuni, kif stabbilita fl-Artikolu 33 tat-Trattat, huwa xieraq li tinġi infurzata l-politika ta' żvilupp rurali billi tiżdied il-firxa tal-miżuri li jakkumpanjaw kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament (KE) Nru 1257/1999 [4].

    (2) Il-bdiewa ż-żgħar li jirrappreżentaw fattur prinċipali fl-iżvilupp ta' żoni rurali, l-appoġġ lil din il-kategorija ta' bdiewa għandu jitqies bħala prijorità. Sabiex jiġi ffaċilitat l-istabbiliment ta' bdiewa żgħażagħ u l-aġġustament strutturali ta' l-azjenda tagħha, huwa meħtieġ li jiġi rinfurzat is-sostenn speċifiku diġà mogħti.

    (3) Implimentazzjoni aktar rapida fis-settur ta' l-agrikoltura ta' standards impenjattivi bbażati fuq il-leġislazzjoni tal-Komunità dwar l-ambjent, is-saħħa pubblika, ta' l-annimali u tal-pjanti, u l-welfare ta' l-annimali u s-sigurezza okkupazzjonali għandha tiġi promossa. Dawk l-istandards jistgħu jimponu obbligi ġodda fuq il-bdiewa li jagħtu lok għal telf ta' dħul jew spejjeż addizzjonali. Appoġġ temporanju u difressiv għandu jiġi pprovdut lill-bdiewa biex jgħin li tiġi koperta parti mill-ispiża li tirriżulta mill-implimentazzjoni ta' dak l-istandards.

    (4) Wara l-introduzzjoni tal-miżura tat-"tħaris ta' l-istandards", is-sostenn fil-preżent permess taħt ir-Regolament (KE) Nru 1257/1999 lill-bdiewa għall-limitazzjonijiet fuq l-użu agrikolu f'żoni b'restrizzjonijiet ambjentali għandu minn issa 'l quddiem ikopri l-limitazzjonijiet li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta' April 1979 dwar il-konservazzjoni ta' għasafar selvaġġi [5] u d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta' l-abitati naturali tal-flora u l-fawna [6]. Għalhekk, livell ogħla ta' appoġġ jista' jiġi propost taħt ċerti ċirkostanzi u ż-żona limitata ta' 10 % għandha tkun ristretta għall-miżura li tikkonċerna żoni b'diffikultajiet speċifiċi.

    (5) Is-sistemi ta' konsulenza ta' l-irziezet kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta' Settembru 2003 jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta' sostenn taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' sostenn għall-bdiewa [7], għandhom jidentifikaw u jipproponu titjib fil-prestazzjoni kurrenti fir-rigward ta' l-istandards statutorji ambjentali, tas-saħħa pubblika, ta' l-annimnali u tal-pjanti, u l-welfare ta' l-annimali. Għandu jiġi pprovdut sostenn lill-bdiewa lejn in-nefqiet ta' dawk is-servizzi ta' konsulenza.

    (6) Il-bdiewa għandhom ikunu mħajra li jadottaw standards għolja ta' welfare ta' l-annimali. Il-kamp ta' applikazzjoni tal-Kapitolu agri-ambjentali tal-Kapitolu tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999 għandu jiġi estiż għal sostenn lill-bdiewa li jintrabtu li jadottaw standards ta' trobbija ta' l-annimali li jmorru lil hinn minn dawk minimi statutorji.

    (7) L-esperjenza wriet li l-firxa ta' strumenti li jippromwovu l-kwalità ta' l-ikel fil-politika ta' l-iżvilupp rurali teħtieġ li tiġi msaħħa.

    (8) Il-bdiewa għandhom ikunu mħajra li jipparteċipaw fi skemi tal-Komunità jew nazzjonali dwar il-kwalità ta' l-ikel. Il-parteċipazzjoni f'dawk l-iskemi tista' tagħti lok għal spejjeż addizzjonali u obbligi li ma jiġux ippremjati għal kollox fis-suq. Sostenn temporanju għandu jiġi pprovdut lill-bdiewa li jipparteċipaw f'dawk l-iskemi.

    (9) Hemm il-ħtieġa li tittejjeb il-konsapevolezza tal-konsumatur ta' l-eżistenza u l-ispeċifikazzjonijiet ta' prodotti taħt l-iskemi tal-Komunità jew nazzjonali dwar il-kwalità ta' l-ikel. Għandu jiġi provdut sostenn lill-gruppi ta' produtturi biex jinformaw lill-konsumatur u jippromwovu prodotti pprovduti taħt skemi sostnuti mill-Istati Membri fi ħdan il-pjani ta' żvilupp rurali.

    (10) L-introduzzjoni tal-miżuri ġodda li jakkumpanjaw tqanqal il-ħtieġa ta' kjarifikazzjoni ta' ċerti dispsżizzjonijiet eżistenti. Dawk il-kjarifikazzjonijiet jikkonċernaw prinċipalment l-investiment f'azjendi agrikoli u disposizzjonijiet finanzjarji.

    (11) Minħabba l-importanza tal-promossjoni ta' inovazzjoni fis-settur ta' l-ipproċessar ta' l-ikel, il-kamp ta' applikazzjoni tal-kapitolu eżistenti tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999 biex jittejjeb l-ipproċessar u l-marketing għandu jiġi estiż biex jipprovdi sostenn għall-iżvilupp ta' attitudnijiet inovattivi fl-ipproċessar ta' l-ikel.

    (12) L-imsemmi Kapitolu jippreskrivi l-kondizzjonijiet ta' eliġibilità għas-sostenn ta' l-investimenti biex jittejjeb l-ipproċessar u l-marketing ta' prodotti agrikoli inkluża l-ħtieġa għall-intrapriżi li jirċievu dak is-sostenn li diġà jħares l-istandards minimi li jirrigwardaw l-ambjent, l-iġjene u l-welfare ta' l-annimali. Minħabba li unitajiet żgħar ta' l-ipproċessar kultant jesperjenzaw diffikultajiet biex jikkonformaw ma' dawk l-istandards, l-Istati membri għandhom ikunu jistgħu jagħtu perjodu fuq ir-riħ b'referenza għall-kondizzjonijiet ta' eliġibilità għall-investimenti f'unitajiet żgħar ta' l-ipproċessar magħmula biex jikkonformaw ma' l-istandards ġodda introdotti li jirrelataw ma' l-ambjent, l-iġjene u l-welfare ta' l-annimali.

    (13) Hemm il-ħtieġa li jittejjeb il-valur ekoloġiku u soċjali tal-foresti proprjetarji ta' l-Istat; sostenn ta' investiment għal dawn l-għanijiet għandu ikun permess filwaqt li jiġi eskluż sostenn għall-miżuri li jtejjbu l-utilizzazzjoni ekonomika ta' dawk il-foresti.

    (14) L-esperjenza sal-lum ta' l-implimentazzjoni ta' l-ipprogrammar ta' l-iżvilupp rurali għall-perjodu 2000 sa l-2006 uriet il-ħtieġa tal-klassifikazzjoni u s-simplifikazzjoni ta' ċerti disposizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999 u li jiġu addattati ċerti livelli ta' għajnuna. Dawk il-kjarifikazzjonijiet u l-addattamenti jikkonċernaw primarjament il-kamp ta' applikazzjoni u l-kontenut dettaljat tas-sostenn ta' ċerti żoni anqas favoriti u żoni b'restrizzjonijiet ambjentali, taħriġ, forestrija u l-promozzjoni u l-addattament u l-iżvilupp ta' żoni rurali.

    (15) Ir-Regolament (KE) Nru 1257/1999 għandu għalhekk jiġi hekk emendat,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1257/1999 huwa b'dan emendat kif ġej:

    (1) Fl-Artikolu 5, it-test eżistenti għandu isir il-paragrafu 1 u għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

    "2. Il-kondizzjonijiet għas-sostenn għall-investiment preskritt fil-paragrafu 1 għandhom jiġu sodisfatti fiż-żmiem meta tittieħed id-deċiżjoni individwali li jingħata s-sostenn.

    3. Fejn l-investimenti jsiru sabiex jikkonformaw ma' l-istandards minimi introdotti ġodda li jirrelataw ma' l-ambjent, l-iġjene, u l-welfare ta' l-annimali, is-sostenn jista' jingħata sabiex jikkonformaw ma' l-istandards il-ġodda. F'dawk il-każi, perjodu fuq ir-riħ jista' jiġi pprovdut lill-bdiewa li jħarsu dawn l-istandards minimi fejn ikun meħtieġ żmien biex jiġu solvuti problemi speċifiċi biex jikkonformaw ma' dawk l-istandards. Il-bidwi għandu jikkonforma ma' l-istandards relevanti sa l-aħħar tal-perjodu ta' investiment.";

    (2) L-Artikolu 7 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a) It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 7 għandu jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

    "L-ammont totali ta' sostenn, espress bħala perċentwal tal-volum ta' investiment eliġibbli, huwa limitat għal massimu ta' 40 % u 50 % f'żoni anqas favoriti."

    (b) il-paragrafu li ġej għandu jiżdied:

    "Fejn jitwettqu investimenti minn bdiewa żgħażagħ, kif imsemmija fil-Kapitolu II, dawn il-perċentwali jistgħu jilħqu massimu ta' 50 % u 60 % fiż-żoni l-anqas favoriti matul perjodu li ma jisboqx il-ħames snin minn mindu jiġi stabbilit. Il-kondizzjoni ta' l-età preskritta fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 8(1) għandha titħares fiż-żmien ta' l-istabbiliment.";

    (3) L-Artikolu 8(2) għandu jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

    "2. L-għajnuna dwar l-istabbiliment tista' tikkomprendi:

    (a) premium waħdieni sa l-ammont massimu eliġibbli speċifikat fl-Anness, u

    (b) imgħax sussidjat fuq self magħmul bil-ħsieb li jkopri l-ispejjeż li jirriżultaw mill-istabbiliment; il-valur kapitalizzat tas-sussidju ta' l-imgħax ma għandux jisboq il-valur tal-premium.

    Sostenn ogħla mill-ammont massimu msemmi fil-punt (a) iżda li ma jisboqx Ewro 30000 jista' jingħata lil bdiewa żgħażagħ li jużaw is-servizzi ta' konsulenza ta' l-irziezet marbuta ma' l-istabbiliment ta' l-attività tagħhom matul perjodu ta' tliet snin wara l-istabbiliment.";

    (4) Fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 9, l-ewwel inċiż għandu jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

    "— biex iħejji bdiewa u persuni oħra involuti f'attivitajiet agrikoli għar-riorjentazzjoni kwalitattiva ta' produzzjoni, l-applikazzjoni ta' prattiċi ta' produzzjoni kompatibbli mal-manutenzjoni u t-titjib tal-pajsaġġ, il-protezzjoni ta' l-ambjent, l-istandards ta' l-iġjene u l-welfare ta' l-annimali u l-akkwist tal-ħiliet meħtieġa biex jippermettulhom li jamministraw razzett ekonomikament vijabbli, u";

    (5) Fl-Artikolu 15(3), it-tieni subparagrafu għandu jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

    "Ħlasijiet ta' kumpens ogħla minn dan l-ammont massimu jistgħu jingħataw kemm-il darba l-ammont medju tal-ħlasijiet ta' kumpens mogħtija fil-livell ta' l-ipprogrammar konċernat ma jisboqx dan l-ammont minimu. L-Istati Membri jistgħu, għall-finijiet tal-kalkolazzjoni ta' l-ammont medju, jippreżentaw tagħid ta' diversi programmi reġjonali. Madankollu, f'każi debitament ġustifikati, minn ċirkostanzi oġġettivi, l-ammont medju jista' jiżdied għall-ammont medju massimu stipulat fl-Anness."

    (6) L-Artikolu 16 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a) L-Artikolu 16(1) għandu jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

    "1. Il -ħlasijiet ta' kumpens għall-ispejjeż magħmula u d-dħul li jintilef jistgħu jsiru lill-bdiewa li jkunu suġġetti għal restrizzjonijiet fuq l-użu agrikolu f'żoni b'restrizzjonijiet ambjentali bħala riżultat ta' l-implimentazzjoni tad-Direttivi 79/409/KEE [8] u 92/43/KEE [9], jekk u sal-limitu li dawk il-ħlasijiet ikunu meħtieġa biex isolvu problemi speċifiċi li jirriżultaw fl-implimentazzjoni ta' dawk id-Direttivi."

    (b) L-Artikolu 16(3) għandu jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

    "3. L-ammont massimu eliġibbli għas-sostenn tal-Komunità huwa preskritt fl-Anness. L-ammont jista' jiżdied f'każi debitament ġustifikati biex jagħti kont ta' problemi speċifiċi.

    Sostenn ogħla minn dan l-ammont massimu jista' jingħata matul perjodu li ma jeċċedix il-ħames snin mid-data li fiha l-provvista li timponi r-restrizzjonijiet ġodda ssir mandatorja skond il-leġislazzjoni tal-Komunità. Dan l-ammont għandu jingħata kull sena fuq bażi digressiv u ma għandux jisboq l-ammont stipulat fl-Anness.";

    (7) Fl-Artikolu 20, it-test eżistenti isir il-paragrafu 1 u l-paragrafu li ġej għandu jiżdied:

    "2. Iż-żoni msemmija fil-paragrafu 1 ma jistgħux jeċċedu l-10 % taż-żona ta' l-Istat membru konċernat.";

    (8) L-Artikolu 21 għandu jitħassar.

    (9) Il-Kapitolu li ġej għandu jiddaħħal wara l-Kapitolu V tat-Titolu II:

    "KAPITOLU Va TĦARIS TA' L-ISTANDARDS

    Artikolu 21a

    Is-sostenn biex jgħin lill-bdiewa jaddattaw għall-istandards impenjattivi bbażati fuq il-leġislazzjoni tal-Komunità fl-oqsma ta' l-ambjent, is-saħħa pubblika, ta' l-annimali u tal-pjanti, il-welfare ta' l-annimali u s-sigurezza okkupazzjonali għandu jikkontribwixxi għall-għanijiet li ġejjin:

    (a) l-implimentazzjoni aktar mgħaġġla ta' l-istandards impenjattivi tal-Komunità mill-Istati Membri;

    (b) it-tħaris ta' dawk l-istandards mill-bdiewa;

    (ċ) l-użu tas-servizzi ta' konsulenza ta' l-irziezet, kif hemm ipprovdut fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta' Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u skemi ta' sostenn għall-produtturi ta' ċerti uċuh tar-raba [*] ĠU L 270, tal-21.10.03, pġ. 1., fl-istima tal-prestazzjoni tan-negozji ta' l-irziezet u l-identifikazzjoni tat-titjib meħtieġ fir-rigward tal-ħtiġiet statutorji ta' amministrazzjoni kif stipulati f'dak ir-Regolament.

    Artikolu 21b

    1. Is-sostenn temporanju maħsub biex jikkontribwixxi għal parti mill-ispejjeż magħmula u d-dħul li jintilef jista' jingħata lill-bdiewa li għandhom japplikaw l-istandards impenjattivi ibbażati fuq il-leġislazzjoni tal-Komunità u introdotti reċentement fil-leġislazzjoni nazzjonali.

    Għall-Istati Membri li japplikaw l-Artikolu 16, is-sostenn ma għandux jingħata taħt dan il-Kapitolu lil bidwi li japplika standards ibbażati fuq il-leġislazzjoni tal-Komunità msemmija fl-Artikolu 16.

    2. Is-sostenn jista' jingħata matul perjodu li ma jeċċedix il-ħames snin mid-data li l-istandard isir mandatorju skond il-leġislazzjoni tal-Komunità.

    Biex ikun eliġibbli għas-sostenn, l-istandard għandu jimponi obbligi ġodda jew restrizzjonijiet fuq il-prattika tal-biedja li jkollhom impatt sinifikanti fuq l-iżpejjeż ta' operazzjoni ta' razzett tipiku u li jikkonċerna numru sinifikanti ta' bdiewa.

    Għad-Direttivi li t-terminu perentorju ta' implimentazzjoni jkun inqabeż u li għadhom ma humiex implimentati kif imiss mill-Istat Membru, is-sostenn jista' jingħata matul pejodu li ma jeċċedix il-ħames snin mill-25 ta' Ottubru 2003.

    3. Is-sostenn ma għandux jitħallas fejn in-nuqqas ta' applikazzjoni ta' standard ikun dovut minħabba n-nuqqas ta' konformità tal-bidwi applikant ta' standard li jkun diġà ttrasportat fil-leġislazzjoni nazzjonali.

    Artikolu 21c

    1. Is-sostenn għandu jingħata ta' kull sena fil-forma ta' rata ta' għajnuna fissa fuq bażi digressiv f'rati ugwali. L-Istati Membri għandhom jimmodulaw il-livell tal-ħlas għal kull standard fir-rigward tal-livell ta' l-obbligi li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' l-istandard. Il-ħlas għandu ikun iffissat f'livell li jipprevjieni li jsir kumpens żejjed. Ma għandux jingħata kont tan-nefqiet relatati ma' l-investimenti meta jiġi stabbilit il-livell tas-sostenn ta' kull sena.

    2. L-ammont ta' kull sena massimu eliġibbli, għal kull azjenda, ta' sostenn huwa stipulat fl-Anness.

    Artikolu 21d

    1. Is-sostenn jista' jingħata lill-bdiewa biex jgħinhom ilaħħqu ma' l-ispejjeż li jirriżultaw mill-użu tas-servizzi ta' konsulenza ta' l-irziezet li jidentifikaw u fejn meħtieġ, jjippronu t-titjib li jirrelata ma' l-applikazzjoni mill-bdiewa ta' saħħa statutorji ambjentali pubblika, ta' l-annimal u tal-pjanti u standards tal-welfare ta' l-annimali.

    2. Is-servizzi ta' konsulenza għall-irżiezet li għalihom jista' jingħata s-sostenn għandhom ikunu skond il-Kapitolu III tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-disposizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni tagħhom.

    3. L-ammont totali ta' sostenn għall-użu ta' servizzi ta' konsulenza kif imsemmija fil-paragrafu 1, għandu ikun limitat għal massimu ta' 80 % tan-nefqa eliġibbli, mingħajr ma jinqabeż l-ammont massimu eliġibbli kif stipulat fl-Anness."

    ;

    10) Il-Kapitolu VI għandu jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

    "KAPITOLU VI AGRI-AMBJENT U WELFARE TA' L-ANNIMALI

    Artikolu 22

    Is-sostenn għal metodui agrikoli maħsuba biex jipproteġu l-ambjent, iżommu l-kampanja (agri-ambjent) jew itejbu l-welfare ta' l-annimali għandu jikkontribwixxi biex jinkisbu l-għanijiet tal-politika tal-Komunità fir-rigward ta' l-agrikoltura, l-ambjent u l-welfare ta' l-annimali tar-razzett.

    Dak is-sostenn għandu jippromwovi:

    (a) metodi ta' l-użu ta' art agrikola li huma kompatibbli mal-protezzjoni u t-titjib ta' l-ambjent, il-pajsaġġ u l-karatteristiċi tiegħu, ir-riżorsi naturali l-ħamrija u d-diversità ġenetika,

    (b) estensifikazzjoni tal-biedja favorevoli għall-ambjent u l-amministrazzjoni ta' sistemi ta' mergħa b'intensità baxxa,

    (ċ) il-konservazzjoni ta' ambjent tal-biedja b'valur ta' natura għolja li jkunu taħt theddida,

    (d) il-manutenzjoni tal-pajsaġġ u karratteristiċi storiċi dwar art agrikola,

    (e) l-użu ta' ppjanar ambjentali fil-prattika tal-biedja,

    (f) it-titjib tal-welfare ta' l-annimali.

    Artikolu 23

    1. Is-sostenn għandu jingħata lil bdiewa li jagħtu impenn agri-ambjentali jew tal-welfare ta' l-annimali għal ta' l-anqas ħames snin. Fejn meħtieġ, jista' jiġi stabbilit perjodu itwal għal tipi partikolari ta' impenn minħabba l-effetti tagħhom fuq l-ambjent jew il-welfare ta' l-annimali.

    2. L-impenn agri-ambjentali u tal-welfare ta' l-annimali għandu jinvolvi aktar mill-applikazzjoni tal-prattika normali tajba tal-biedja ionkluża prattika tajba għat-trobbija ta' l-annimali.

    Huma għandhom jipprovdu għal servizzi li ma humiex ipprovduti minn mużuri oħra ta' sostenn bħal sostenn tas-suq jew allowances kompensatorji.

    Artikolu 24

    1. Is-sostenn fir-rigward ta' l-impenn agri-ambjentali jew tal-welfare ta' l-annimali għandu jingħata ta' kull sena u jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta':

    (a) dħul mitluf,

    (b) spejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-impenn mogħti, u

    (ċ) il-ħtieġa li jiġi pprovdut inċentiv.

    Ma għandux jingħata kont ta' l-ispejjeż relatati ma' l-investiment meta jiġi kkalkolat il-livell tas-sostenn ta' kull sena. In-nefqiet għal investimenti mhux remunerattivi li huma meħtieġa għall-konformità ma' l-impenn jista' jingħata kont tagħhom fil-kalkolazzjoni tal-livell ta' sostenn ta' kull sena.

    2. L-ammonti massimi għal kull sena eliġibbli għas-sostenn tal-Komunità huma preskritti fl-Anness. Fejn is-sostenn jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta' żona, dawn l-ammonti għandhom ikunu bbażati fuq dik iż-żona ta' l-azjenda li għaliha japplika l-impenn agri-ambjentali."

    ;

    11) Il-Kapitolu li ġej huwa mdaħħal wara l-Kapitolu VI tat-Titolu II:

    "KAPITOLU VIa KWALITÀ TA' L-IKEL

    Artikolu 24a

    Is-sostenn għall-metodi ta' produzzjoni agrikola maħsuba biex itejjbu l-kwalità tal-prodotti agrikoli u għall-promozzjoni ta' dawk il-prodotti għandu jikkontribwixxi għall-għanijiet li ġejjin:

    (a) biex jipprovdi assigurazzjonijiet lill-konsumatur dwar il-kwalità tal-prodott jew tal-proċess ta' produzzjoni użat permezz tal-parteċipazzjoni ta' bdiewa fl-iskemi dwar il-kwalità ta' ikel kif definiti fl-Artikolu 24b;

    (b) biex jinkiseb valur miżjud għall-prodotti agrikoli primarji u biex jittejbu l-opportunitajiet tas-suq;

    (ċ) biex tittejjeb l-informazzjoni lill-konsumatur dwar id-disponibilità u l-ispeċifikazzjonijiet ta' dawk il-prodotti.

    Artikolu 24b

    1. Is-sostenn għandu jingħata lill-bdiewa li jipparteċipaw fuq bażi volontarju fi skemi tal-Komunità jew nazzjonali dwar il-kwalità ta' l-ikel, li jimponu ħtiġiet speċifiċi ta' produzzjoni fuq il-prodotti agrikoli elenkati fl-Anness I li jinsab mat-Trattat, ħlief prodotti tas-sajd, u li jikkonformaw mal-paragrafu 2 jew 3 ta' dan l-Artikolu.

    Is-sostenn għandu jkopri biss prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem.

    2. L-iskemi tal-Komunità dwar il-kwalità taħt ir-Regolamenti li ġejjin u disposizzjonijiet għandhom ikunu eliġibbli għas-sostenn:

    (a) ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 ta' l-14 ta' Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-ismijiet ta' l-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta' l-ikel [11],

    (b) ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/92 ta' l-14 ta' Lulju 1992 dwar iċ-ċertifikati ta' karattru speċifiku għall-prodotti agrikolu u l-oġġetti ta' l-ikel [12],

    (ċ) ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91 ta' l-24 ta' Ġunju 1991 dwar il-produzzjoni organika ta' prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet riferiti fih għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta' l-ikel [13]

    (d) it-Titolu VI dwar inbid ta' kwalità prodott fir-reġjuni speċifiċi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid [14].

    3. Biex ikunu eliġibbli għas-sostenn, l-iskemi tal-kwalità ta' l-ikel rikonoxxiuti mill-Istati Membri għandhom jikkonformaw mal-kriterji stipulati fil-punti (a) sa (e):

    (a) l-ispeċifiċità tal-prodott finali prodott taħt dawk l-iskemi għandha tinkiseb mill-obbligi dettaljati dwar metodi ta' biedja li jiggarantixxu:

    (i) karatteristiċi speċifiċi li jinkludu l-proċess tal-produzzjoni, jew

    (ii) kwalità tal-prodott finali li tmur sinifikament lil hinn mill-istandards kummerċjali ta' komoditajiet fir-rigward tas-saħħa pubblika, ta' l-annimali jew tal-pjanti, il-welfare ta' l-annimali u l-protezzjoni ta' l-ambjent;

    (b) l-iskemi jinvolvu speċifikazzjonijiet vinkolanti tal-prodott u l-konformità ma' dawk l-ispeċifikazzjonijiet għandha tiġi vverifikata minn korp indipendenti ta' spezzjoni;

    (ċ) l-iskemi għandhom ikunu miftuħa għall-produtturi kollha;

    (d) l-iskemi għandhom ikunu trasparenti u jassiguraw it-traċċabilità sħiħa tal-prodotti;

    (e) l-iskemi għandhom jirrispondu għall-opportunitajiet kurrenti u prevedibbli tas-suq.

    4. Skemi li għan uniku tagħhom ikun li jipprovdu livell għola ta' kontroll fir-rigward ta' l-istandards obbligatorji taħt il-liġi tal-Komunità jew dik nazzjonali ma għandhomx ikunu eliġibbli għas-sostenn.

    Artikolu 24c

    1. Is-sostenn għandu jitħallas bħala ħlas ta' inċentiv ta' kull sena sa l-ammont massimu eliġibbli għal kull azjenda kif stipulat fl-Anness. Il-livell ta' l-ammont tal-ħlas għandu jiġi stabbilit skond il-livell ta' l-ispejjeż fissi li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni fi skemi ta' sostenn u għandu ikun iffisat f'livell li jipprevjenti li isir kumpens żejjed.

    2. It-tul ta' żmien ta' dak is-sostenn ma għandux jeċċedi perjodu ta' ħames snin.

    Artikolu 24d

    1. Is-sostenn għandu jingħata lill-gruppi ta' produtturi għal attivitajiet maħsuba biex jinformaw lill-konsumatur dwar u jippromwovu prodotti agrikoli jew oġġetti ta' l-ikel imsemmija taħt l-iskemi tal-kwalità ta' l-ikel tal-Komunità jew nazzjonali kif deskritti fl-Artikolu 24b u magħżula għas-sostenn mill-Istat membru taħt il-miżura li hemm provvediment dwarha fl-Artikoli 24a, 24b u 24c.

    2. Is-sostenn għandu ikopri attivitajiet ta' informazzjoni, promozzjoni u reklamar.

    3. L-ammont totali ta' sostenn għandu ikun limitat għal massimu ta' 70 % ta' l-ispejjeż eliġibbli ta' l-azzjoni."

    ;

    12) Fl-Artikolu 25(2), ir-raba' inċiż għandu jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

    "— biex jiġu żviluppati u applikati teknoloġiji ġodda,";

    13) Fl-Artikolu 26(1), għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    "Fejn isiru investimenti sabiex jikkonformaw ma' l-istandards minimi introdotti ġodda li jirrelataw ma' l-ambjent, l-iġjene, u l-welfare ta' l-annimali, is-sostenn jista' jingħata sabiex iħares l-istandards il-ġodda. F'dawk il-każi, jista' jiġi provdut perjodu fuq ir-riħ għall-unitajiet żgħar ta' l-ipproċessar li jħarsu dawn l-istandards minimi fejn ikun meħtieġ iż-żmiem biex jiġu solvuti problemi speċifiċi li jiltaqgħu magħhom biex jikkonformaw ma' dawk l-istandards. L-unitajiet żgħar ta' l-ipproċessar għandhom jikkonformaw ma' l-istandards relevanti sa l-aħħar tal-perjodu ta' investiment.";

    14) L-Artikolu 29(3) għandu jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

    "3. Dak is-sostenn, kif hemm provvediment dwaru fl-Artikoli 30 u 32, għandu jingħata biss għal foresti u żoni proprjetarji ta' sidien privati jew minn assoċjazzjonijiet tagħhom, jew minn muniċipalitajiet jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom. Din ir-restrizzjoni ma għandhiex tgħodd għall-miżuri li hemm provvediment dwarhom fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 30(1) għal investiment fil-foresti mmirat biex itejjeb sinifikament il-valur ekoloġiku u soċjali tagħhom, u għall-miżuri li hemm provvediment dwarhom fis-sitt inċiż ta l-Artikolu 30(1).";

    15) L-Artikolu 29(5) għandu jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

    "5. Il-miżuri proposti taħt dan il-Kapitolu f'żoni klassifikati bħala ta' riskju ta' nar tal-foresti għoli jew medju fi ħdan il-qafas ta' l-azzjoni tal-Komunità dwar il-protezzjoni ta' foresti kontra ħruq, għandhom jikkonformaw mal-pjanijiet għall-protezzjoni tal-foresti, stabbiliti mill-Istati Membri għal dawk iż-żoni.";

    16) Fl-Artikolu 30(1), l-aħħar inċiż għandu jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

    "— ir-restawr tal-potenzjal ta' produzzjoni tal-foresti li ssirilhom ħsara minn diżastri naturali u ħruq u inklużi l-azzjonijiet addattati ta' prevenzjoni.";

    17) L-Artikolu 31 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a) Fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu għandu jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

    "Dak is-sostenn jista' jinkludi b'żieda man-nefqiet ta' l-istabbiliment:

    - premium ta' kull sena għal kull ettaru afforestat biex ikopri l-ispejjeż ta' manutenzjoni għal perjodu sa ħames snin,

    - premium ta' kull sena għal kull ettaru biex ikopri telf ta' qligħ li jirriżulta mill-afforestazzjoni għal perjodu massimu ta' 20 sena lill-bdiewa jew assoċjazzjonijiet tagħhom li kienu jaħdmu r-raba' qabel l-afforestazzjoni tiegħu jew għal xi persuna oħra privata ġuridika."

    (b) Il-paragrafu 2 għandu jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

    "2. Fejn jingħata sostenn għall-afforestazzjoni ta' art agrikola proprjetarja ta' awtoritajiet pubbliċi, dan għandu ikopri biss l-ispiża ta' l-istabbiliment. Jekk l-art afforestata tinkera minn persuna privata ġuridika, il-premia ta' kull sena premium msemmija fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, jistgħu jingħataw."

    (ċ) Fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu għandu jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

    "Fil-każ ta' speċi li jikbru malajr koltivati għal żmien qasir, is-sostenn għall-afforestazzjoni jista' jingħata biss għall-ispejjeż ta' l-istabbiliment.";

    18) Fl-Artikolu 33, it-tieni paragrafu għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a) it-tielet u r-raba' inċiżi għandhom jiġu ssostitwiti b'dan li ġej:

    "— l-istabbiliment ta' sistemi ta' konsulenza għall-irziezet kif imsemmija fil-Kapitolu III tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, kif ukoll ta' għajnuna għall-irziezet u servizzi ta' amministrazzjoni ta' l-irziezet,

    — marketing ta' prodotti agrikoli ta' kwalità, inkluż l-istabbiliment ta' skemi ta' kwalità kif imsemmija fl-Artikolu 24b(2) u (3),";

    (b) l-inċiż li ġej għandu jiżdied:

    "— l-amministrazzjoni ta' strateġiji integrati ta' żvilupp rurali minn imsieħba lokali.";

    19) Fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 34, iż-żewġ inċiżi li ġejjin għandhom jiżdiedu:

    "— il-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tħaris tal-miżuri standard (Kapitolu Va)

    — il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-miżuri dwar il-kwalità ta' l-ikel (Kapitolu VIa)";

    20) L-Artikolu 35(1) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    "1. Is-sostenn tal-Komunità għal irtirar kmieni (l-Artikoli 10, 11 u 12), żoni anqas favoriti u żoni b'restrizzjonijiet ambjentali (L-Artikoli 13 sa 21), li jħarsu l-istandards (l-Artikoli 21a sa 21d), agri-ambjent u welfare ta' l-annimali (L-Artikoli 22, 23 u 24), kwalità ta' l-ikel (L-Artikoli 24a sa 24d) u afforestazzjoni (L-Artikolu 31) għandhom ikunu ffinanzjati mill-FAEGG Taqsima tal-Garanziji mal-Komunità.";

    21) Fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 37(3), it-tieni inċiż għandu jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

    "— il-miżuri ta' sostenn għal proġetti ta' riċerka jew miżuri eleiġibbli għall-iffinanzjar tal-Komunità taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-ispiża fil-qasam veterinarju [15].";

    22) Fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 47(2), l-aħħar inċiż għandu jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

    "— il-kontribuzzjoni tal-Komunità għall-ipprogrammar tal-miżuri preskritti fl-Artikoli 22 sa 24 ta' dan ir-Regolament ma għandhom jeċċedu l-85 % fiż-żoni koperti bl-Għan 1 u s-60 % fiż-żoni l-oħra.";

    23) Fl-Artikolu 51, il-paragrafu li ġej għandu jiżdied:

    "5. Għajnuna ta' l-Istat biex issostni bdiewa li jaddattaw l-istandards impenjattivi bbażati fuq il-leġislazzjoni tal-Komunità fl-oqsma ta' l-ambjent, tas-saħħa pubblika, ta' l-annimali u tal-pjanti, u tal-welfare ta' l-annimali u s-sigurezza okkupazzjonali għandha tkun ipprojbita jekk ma tkunx tissodisfa l-kondizzjonijiet li hemm provvediment dwarhom fl-Artikoli 21a, 21b u 21ċ. Madankollu, għajnuna addizzjonali li tisboq l-ammonti massimi ffisati skond l-Artikolu 21c tista' tingħata biex tgħin lill-bdiewa jikkonformaw mal-leġislazzjoni nazzjonali li jisbqu l-istandards tal-Komunità.

    Fin-nuqqas ta' leġislazzjoni tal-Komunità, l-għajnuna ta' l-Istat biex issostni bdiewa li jaddattaw l-istandards impenjattivi bbażati fuq il-leġislazzjoni nazzjonali fl-oqsma ta' l-ambjent, tas-saħħa pubblika, ta' l-annimali u tal-pjanti, u tal-welfare ta' l-annimali u s-sigurezza okkupazzjonali għandha tkun projbita jekk ma tkunx tissodisfa l-kondizzjonijiet relevanti li hemm provvediment dwarhom fl-Artikoli 21a, 21b u 21ċ. Għajnuna addizzjonali li tisboq l-ammonti massimi ffissati skond l-Artikolu 21ċ tista' tingħata jekk tkun ġustifikata taħt dak l-Artikolu.";

    24) L-Anness għandu jiġi ssostitwit bit-test ta' l-Anness li jinsab ma' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum mill-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fid-29 ta' Settembru 2003.

    Għall-Kunsill

    G. Alemanno

    Il-President

    [1] Opinjoni mogħtija fil-5 ta’ Ġunju 2003 (għada mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    [2] ĠU C 208, tat-3.9.2003, pġ. 64.

    [3] Opinjoni mogħtija fit-2 ta’ Lulju 2003 (għada mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    [4] ĠU L 160, tas-26.6.1999, pġ. 80.

    [5] ĠU L 103, tal-25.4.1979, pġ. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) Nru 807/2003 (ĠU L 122, tas-16.5.2003, pġ. 36).

    [6] ĠU L 206, tat-22.7.1992, pġ. 7. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 97/62/KE (ĠU L 305, tat-8.11.1997, pġ. 42).

    [7] Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    [8] ĠU L 103, tal-25.4.1979, pġ. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) Nru 807/2003 (ĠU L 122, tas-6.5.2003, pġ. 36).

    [9] ĠU L 206, tat-22.7.1992, pġ. 7. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 97/62/KE (ĠU L 305, tat-8.11.1997, pġ. 42).

    [11] ĠU L 208, ta’ l- 24.7.1992, pġ. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 806/2003 (ĠU L 122, tas-16.5.2003, pġ. 1).

    [12] ĠU L 208, tas-27.7.1992, pġ. 9. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 806/2003.

    [13] ĠU L 224, tat- 18.8.1990, pġ. 19. Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) Nru 806/2003.

    [14] ĠU L 179, ta’ l- 14.7.1999, pġ. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 806/2003

    [15] ĠU L 224, ta’ l-18.8.1990, pġ. 19. Deċiżjoni kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 806/2003

    --------------------------------------------------

    ANNESS

    "

    ANNESS

    TABELLA TA' L-AMMONTI

    Artikolu | Suġġett | Ewro | |

    8(2) | Għajuna ta' stabbiliment | 25000 | |

    12(1) | Irtirar kmieni | 15000 | għal kull persuNa li tittrasferixxi u ammont totali tas-sena |

    150000 | għal kull persuna li tittrasferixxi |

    3500 | kull ħaddiem u ammont totali tas-sena |

    35000 | għal kull ħaddiem |

    15(3) | Konċessjoni kompensatorja massima | 25 | kull ettaru ta' żoni użati għall-agrikoltura |

    Konċessjoni medja kompensatorja | 200 | għal kull ettaru ta' żoni użati għall-agrikoltura |

    Konċessjoni massima medja kompensatorja | 250 | għal kull ettaru ta' żoni użati għall-agrikoltura |

    16 | Ħlas massimu Ħlas massimi inizjali | 200 | għal kull ettaru |

    Ħlas massimu inizjali | 500 | għal kull ettaru |

    21ċ | Ħlas massimu | 10000 | għal kull azjenda |

    21d | Servizzi ta' konsulenza għall-irziezet | 1500 | għal kull servizz ta' konsulenza |

    24(2) | Uċuħ tar-raba' ta' kull sena | 600 | kull ettaru |

    Uċuħ tar-raba' speċjalizzati perenni | 900 | kull ettaru |

    Użi oħra ta' art | 450 | kull ettaru |

    Razez lokali fil-perikolu li jintilfu | 200 | kull unità ta' bhejjem |

    għall-welfarefit-trobbija ta' l-annimali | 500 | kull unità ta' bhejjem |

    24ċ | Ħlas massimu | 3000 | għal kull azjenda |

    31(4) | Premiummassimu ta kull sena biex ikopri telf ta' qligħ minħabba l-afforestazzjoni | | |

    —für Landwirte għal bdiewa jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom oder deren Vereinigungen | 725 | għal kull ettaru |

    —għal kull persuna oħra ġuridika privata | 185 | għal kull ettaru |

    32(2) | Ħlas massimu | 40 | għal kull ettaru |

    Ħlas massimu | 120 | għal kull ettaru |

    "

    --------------------------------------------------

    Arriba