Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003R1215

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1215/2003 tas-7 ta’ Lulju 2003 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 344/91 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1186/90 biex jestendi l-iskop ta’ l-iskala Komunitarja għall-klassifika tal-karkassi ta’ annimali bovini adulti

    ĠU L 169, 8.7.2003, p. 32–36 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2008; Impliċitament imħassar minn 32008R1249

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1215/oj

    32003R1215



    Official Journal L 169 , 08/07/2003 P. 0032 - 0036


    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1215/2003

    tas-7 ta’ Lulju 2003

    li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 344/91 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1186/90 biex jestendi l-iskop ta’ l-iskala Komunitarja għall-klassifika tal-karkassi ta’ annimali bovini adulti

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1186/90 tas-7 ta’ Mejju 1990 li jestedni l-iskop ta’ l-iskala Komunitarja għall-klassifika tal-karkassi ta’ annimali bovini adulti [1], kif emendat bl-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja, u partikolarment l-Artikolu 2 tiegħu,

    Billi:

    (1) L-Artikoli 1 u 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 344/91 [2], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1993/95 [3], jistabbilixxu regoli dettaljati biex titwettaq, tkun identifikata u tkun ikkontrollata il-klassifika tal-karkassi ta’ bovini adulti.

    (2) Bil-għan li jiġu awtoriżżati metodi alternattivi għall-istima viżwali diretta ta’ l-għamla u tal-kisja tax-xaħam, metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni jistgħu jiġu introdotti meta dawn ikunu bbażati fuq metodi li huma provati skond l-istatistiċi. L-awtorizzazzjoni ta’ metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni għandha ssir biss jekk ikun hemm konformitá ma’ ċerti kondizzjonijiet u ħtiġiet kif ukoll ma’ tolleranza massima għal żbalji ta’ l-istatistika fil-klassifika li għandhom ikunu speċifikati.

    (3) Stabbilimenti li jużaw metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni għad-determinazzjoni tal-klassi ta’ l-għamla u tal-kisja tax-xaħam għandhom jiżguraw li l-kategorija tal-karkassa tkun identifikata skond l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1208/81 tat-28 ta’ April 1981 li jistabilixxi l-iskala Komunitarja għall-klassifika tal-karkassi ta’ annimali bovini adulti [4], kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1026/91 [5]. Għall-identifikazzjoni tal-kategorija, l-istabbilimenti konċernati għandhom jużaw is-sistema msemmija fit-Titolu I tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali bovini u dwar l-ittikkettjar taċ-ċanga u tal-prodotti taċ-ċanga [6].

    (4) Fil-każ li l-metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni jirrifjutaw li jikklassifikaw il-karkassi minħabba probblemi tekniċi, għandha tingħata ftit flessibilitá sal-punt li l-klassifikazzjoni u l-identifikazzjoni tal-karkassi konċernati f’dawk il-każijiet għandha ssir qabel it-tmiem ta’ l-operzzjonijiet tal-qtil ta’ kuljum.

    (5) Għandu jkun hemm dispożizzjonijiet għall-possibiltá ta’ modifika, wara li tkun ingħatat il-liċenza, ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni bil-għan li tittejjeb il-preċiżjoni tagħhom. Madankollu, dawn il-modifikazzjonijiet għandhom jeħtieġu l-approvazzjoni bil-quddiem ta’ l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jassiguraw li dawn il-modifikazzjonijiet jirriżultaw f’livell ogħla ta’ preċiżjoni.

    (6) Jeħtieġ li jkunu previsti kontrolli regolari fil-post li bihom il-preċiżjoni tal-metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni tkun ivverifikata dwar ċerti aspetti speċifiċi. Il-frekwenza ta’ dawn il-kontrolli għandha tiżdied partikolarment fil-perjodu inizjali ta’ 12-il xhar wara li ngħatat il-liċenza.

    (7) Ir-Regolament (KEE) Nru 344/91 għandu għalhekk jiġi emendat skond dak li ntqal hawn fuq.

    (8) Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma b’mod konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija tal-Laħam taċ-Ċanga u l-Vitella,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KEE) Nru 344/91 huwa emendat kif ġej:

    1. L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

    (a) il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

    (i) it-tieni inċiż huwa mibdul b’dan li ġej:

    "— barra l-ħtiġiet imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom jindikaw in-numru ta’ l-approvazzjoni tal-biċċerija, in-numra ta’ l-identifikazzjoni jew tal-qtil ta’ l-annimal, id-data tal-qtil, il-piż tal-karkassa u, fejn huwa applikabbli, li l-klassifika saret bl-użu ta’ metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni;"

    (ii) is-subparagrafu li ġej huwa miżjud:

    "Fejn il-klassifika ssir bl-użu ta’ metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni, l-użu ta’ tikketti għandha tkun ta’ bilfors.";

    (b) fil-paragrafu 2a, is-subparagrafu li ġej huwa miżjud:

    "F’każijiet fejn il-metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni jonqsu milli jikklassifikaw il-karkassi, il-klassifikazzjoni u l-identifikazzjoni ta’ dawn il-karkassi għandha titwettaq qabel it-tmiem ta’ l-operazzjonijiet tal-qtil ta’ kuljum."

    2. L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

    (a) il-paragrafi li ġejjin 1a, 1b u 1c huma inklużi wara l-paragrafu 1:

    "1a. L-Istati Membri jistgħu jagħtu liċenza li tawtoriżża l-metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni għall-applikazzjoni fit-territorju tagħhom jew f’parti minnu. L-awtorizzazzjoni tingħata biss jekk jintlaħqu l-kondizzjonijiet u l-ħtiġijiet minimi għall-prova ta’ ċertifikazzjoni stabbilita fl-Anness I. Għall-inqas xahrejn qabel il-bidu tal-prova ta’ ċertifikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni msemmija fl-Anness II, parti A. L-Istati Membri għandhom jinnominaw korp indipendenti li għandu janaliżża r-riżultati tal-prova ta’ ċertifikazzjoni. Fi żmien xahrejn mit-tmiem tal-prova ta’ ċertifikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni msemmija fl-Anness II, parti B.

    Fejn tingħata liċenza li tawtoriżża metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni bażata fuq prova ta’ ċertifikazzjoni li fiha ntużaw iktar minn preżentazzjoni ta’ karkassa waħda, id-differenza bejn dawk il-preżentazzjonijiet ta’ karkassi m’għandhiex twassal għal differenzi fir-riżultati tal-klassifika.

    Wara li jinfurmaw il-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu jagħtu liċenza li tawtoriżża l-metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni għall-applikazzjoni fit-territorju tagħhom jew f’parti minnu mingħajr ma jorganiżżaw il-prova ta’ ċertifikazzjoni, iżda biss jekk dik il-liċenza diġà ngħatat għall-istess metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni għall-applikazzjoni f’parti oħra minn dak l-Istat Membru konċernat jew fi Stat Membru ieħor, fuq il-bażi ta’ prova ta’ ċertifikazzjoni b’ kampjun ta’ karkassi, li jikkunsidraw li huma ugwalment rappreżentattivi, skond il-kategorija, klassi ta’ l-għamla u l-kisja tax-xaħam, ta’ l-annimali bovini adulti maqtulin fl-Istat Membru konċernat jew f’parti minnu.

    Il-klassifika b’ metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni tkun valida biss jekk il-preżentazzjoni tal-karkassa hija identika għal waħda li ntużat matul il-prova ta’ ċertifikazzjoni.

    1b. L-istabbilimenti li jħaddmu l-klassifika bl-użu ta’ metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni għandhom:

    - jidentifikaw il-kategorija tal-karkassa; għal dan il-għan għandha tintuża s-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali bovini kif imsemmi fit-Titolu I tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000,

    - iżommu rapporti ta’ kontroll ta’ kuljum dwar il-funzjonament tal-metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni, inklużi partikolarment kull nuqqas li nstab u l-azzjoni li ttieħdet fejn meħtieġa.

    1c. Modifikazzjonijiet ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni li għalihom ingħatat liċenza għandhom ikunu permessi biss wara li tinkiseb l-approvazzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru konċernat u jekk tingħata xhieda li dawk il-modifikazzjoniiet jirriżultaw f’livell ogħla ta’ preċiżjoni minn dak miksub fil-prova ta’ ċertifikazzjoni.

    L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar kull modifika li għaliha huma taw l-approvazzjoni tagħhom.";

    (b) il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

    (a) it-tielet subparagrafu huwa mibdul b’dan li ġej:

    "Fl-istabbilimenti kollha approvati li jħaddmu l-klassifika bl-użu ta’ metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni, għandhom jitwettqu għall-inqas sitt kontrolli f’kull tliet xhur matul l-ewwel 12-il-xhar minn meta ngħatat il-liċenza msemmija fil-paragrafu 1a. Wara dak iż-żmien il-kontrolli għandhom jitwettqu għall-inqas darbtejn kull tliet xhur fl-istabbilimenti kollha approvati li jħaddmu l-klassifika bl-użu ta’ metodi ta’ teknika awtomatiċi ta’l-klassifikazzjoni. Kull kontroll għandu jsir għall-inqas b’40 karkassa, magħżulin saltwarjament. Il-kontrolli għandhom jivverifikaw partikolarment:

    - il-kategorija tal-karkassa,

    - il-preċiżjoni tal-metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni billi tintuża s-sistema ta’ punti u limiti msemmija fl-Anness I(3),

    - il-preżentazzjoni tal-karkassa,

    - il-kalibrar ta’ kuljum kif ukoll kull aspett tekniku ieħor tal-metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni, li huwa relevanti għall-assigurazzjoni li l-livell ta’ preċiżjoni miksub bl-użu ta’ metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni huwa għall-inqas tajjeb daqsdak miksub fil-prova ta’ ċertifikazzjoni,

    - ir-rapporti ta’ kontroll ta’ kuljum imsemmija fil-paragrafu 1b.

    Fejn il-korp responsabbli għall-kontrolli huwa l-istess wieħed li huwa responsabbli għall-klassifikazzjoni u l-identifikazzjoni tal-karkassi jew fejn ma jaqax taħt l-awtorità ta’ korp pubbliku, il-kontrolli previsti fit-tieni u t-tielet subpragrafi għandhom jitwettqu taħt is-sorveljanza fiżika ta’ korp pubbliku taħt l-istess kondizzjonijiet u għall-inqas darba fis-sena. Il-korp pubbliku għandu jkun informat regolarment dwar ir-riżultati li jinstabu mill-korp responsabbli għall-kontrolli.";

    (b) fir-rabá subparagrafu, il-punt (b) huwa mibdul b’dan li ġej:

    "(b) il-liċenzi previsti fil-paragrafi 1 u1a jistgħu jiġu revokati."

    3. L-Anness I u l-Anness II ta’ dan ir-Regolament huma miżjuda bħala l-Anness I u l-Anness II.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fil-kumplessità tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fis-7 ta’ Lulju 2003.

    Ghall-Kummissjoni

    Franz Fischler

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 119, 11.5.90, p. 32.

    [2] ĠU L 41, 14.2.91, p. 15.

    [3] ĠU L 194, 17.8.95, p. 7.

    [4] ĠU L 123, 7.5.81, p. 3.

    [5] ĠU L 106, 26.4.91, p. 2.

    [6] ĠU L 204, 11.8.00, p. 1.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS I

    "

    “L-ANNESS I

    Il-kondizzjonijiet u l-ħtiġijiet minimi għall-awtorizzazzjoni ta’ metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni

    1. L-Istat Membru konċernat għandu jorganiżża prova ta’ ċertifikazzjoni għal ġurija komposta minn għall-inqas hames esperti liċenzati fil-klassifikazzjoni tal-karkassi ta’ annimali bovini adulti. Żewġ membri tal-ġurija għandhom jiġu mill-Istat Membru li qiegħed iwettaq il-prova. Il-membri l-oħra tal-ġurija għandhom jiġu kull wieħed minn Stat Membru ieħor. Il-ġurija għandha tkun komposta minn numru disparu ta’ esperti. Is-servizzi tal-Kummissjoni u l-esperti ta’ l-Istati Membri l-oħra jistgħu jattendu il-prova ta’ ċertifikazzjoni bħala osservaturi.

    Il-membri tal-ġurija għandhom jaħdmu b’mod indipendenti u anonimu.

    L-Istat Membru konċernat għandu jinnomina koordinatur tal-prova ta’ ċertifikazzjoni li għandu:

    - ma jkunx parti mill-ġurija,

    - ikollu tagħrif tekniku sodisfaċenti u jkun indipendenti għal kollox,

    - jissorvelja l-funzjonament indipendenti u anonimu tal-membri tal-ġurija,

    - jiġbor ir-riżultati tal-klassifika tal-membri tal-ġurija u dawk miksuba bl-użu tal-metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni,

    - jassigura li, matul it-tul intier tal-prova ta’ ċertifikazzjoni, ir-riżultati tal-klassifika miksuba bl-użu tal-metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni ma jkunux għad-dispożizzjoni tal-membri tal-ġurija u viċeversa u lanqas għad-dispożizzjoni ta’ xi persuna oħra interessata,

    - jivvalida il-klassifika għal kull karkassa u jistà jiddeċiedi, għal raġunijiet oġġettivi speċifikati, li jwarrab karkassi mill-kampjun li ser jintuża għall-analiżi.

    2. Għall-prova ta’ ċertifikazzjoni:

    - kull klassi ta’ l-għamla u tal-kisja tax-xaħam għandha tkun suddiviża fi tliet klassijiet subordinati,

    - kampjun ta’ għall-inqas 600 karkassa ivvalidata huwa meħtieġ,

    - il-perċentwali ta’ nuqqas m’għandux ikun ta’ iktar minn 5 % tal-karkassi li huma tajbin għall-klassifika bl-użu ta’ metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni.

    3. Għal kull karkassa ivvalidata, il-medjan tar-riżultati tal-membri tal-ġurija għandu jkun ikkunsidrat bħala l-grad korrett ta’ dik il-karkassa.

    Għal stima tal-prestazzjoni tal-metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni, ir-riżultati tal-makna awtomatika ta’ klassifikazzjoni għandhom, għal kull karkassa ivvalidata, ikunu mqabbla mal-medjan tar-riżultati tal-ġurija. Il-preċiżjoni tal-klassifika bl-użu tal-metodi ta’ teknika awtmatiċi tal-klassifikazzjoni li tirriżulta, tkun stabbilita bl-użu ta’ sistema ta’ punti u limiti li huma attribwiti kif ġej:

    | Għamla | Kisi ta' xaħam |

    L-ebda żball | 10 | 10 |

    Żball ta' unità waħda (i.e. klassi subordinata waħda l-fuq jew l-isfel) | 6 | 9 |

    Żball ta' żewġ unitajiet (i.e. żewġ klassijiet subordinati l-fuq jew l-isfel) | – 9 | 0 |

    Żball ta' tliet unitajiet (i.e. tlett klassijiet subordinati l-fuq jew l-isfel) | – 27 | – 13 |

    Żball ta' iktar minn 3 unitajiet (i.e. iktar minn tlett klassijiet subordinati l-fuq jew l-isfel) | – 48 | – 30 |

    Bil-għan ta’ l-awtorizzazzjoni, il-metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni għandhom jiksbu għall-inqas 60 % tan-numru massimu ta’ punti kemm għall-għamla u kemm għall-kisja tax-xaħam.

    Barra dan, il-klassifika bl-użu ta’ metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni għandha tkun fil-limiti li ġejjin:

    | Għamla | Kisi ta' xaħam |

    Inklinazzjoni | ± 0,30 | ± 0,60 |

    L-inklinazzjoni tal-linja tar-rigressjoni | 1 ± 0,15 | 1 ± 0,30' |

    "

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS II

    "

    “L-ANNESS II

    A. L-informazzjoni li għandha tingħata mill--Istati Membri dwar l-organizzazzjoni tal-prova ta’ ċertifikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ metodi ta’ teknika awtomatiċi tal- klassifikazzjoni

    - id-dati li fihom għandha titwettaq il-prova ta’ ċertifikazzjoni,

    - deskrizzjoni dettaljata tal-karkassi ta’ annimali bovini adulti klassifikati fl-Istat Membru konċernat jew f’parti minnu,

    - il-metodi ta’ statistika użati għall-għażla tal-kampjun tal-karkassi li għandu jkun rappreżentattiv, skond il-kategorija, il-klassijiet ta’ l-għamla u tal-kisja tax-xaħam,, ta’ l-annimali bovini adulti maqtulin fl-Istat Membru konċernat jew f’parti minnu,

    - l-isem u l-indirizz tal-biċċerija (jew biċċeriji) fejn għandha ssir il-prova ta’ ċertifikazzjoni, spjegazzjoni ta’ l-organiżżazzjoni u l-prestazzjoni tal-linja (jew linji) ta’ l-iproċessar, inkluża l-veloċità kull siegħa,

    - il-preżentazzjoni (jew preżentazzjonijiet) tal-karkassi li għandhom jintużaw matul il-prova ta’ ċertifikazzjioni,

    - deskrizzjoni tal-makna tal-klassifikazzjoni awtomatika u l-funzjonijiet tekniċi tagħha, partikolarment il-kunċett tas-sigurtà tal-makna kontra kull tip ta’ manipulazzjoni,

    - l-esperti liċenzati nominati mill-Istat Membru konċernat biex jieħdu sehem fil-prova ta’ ċertifikazzjoni bħala membri tal-ġurija,

    - il-koordinatur tal-prova ta’ ċertifikazzjoni, b’xhieda ta’ l-għerf tekniku sodisfaċenti tiegħu u l-indipendenza assoluta,

    - l-isem u l-indirizz tal-korp indipendenti nominat mill-Istat Membru konċernat li għandu janaliżża r-riżultati tal-prova ta’ ċertifikazzjoni.

    B. L-informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri dwar ir-riżultati tal-prova ta’ ċertifikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni

    - kopja tal-folji tal-klassifika mwettqa u ffirmati mill-membri tal-ġurija u mill-koordinatur matul il-prova ta’ ċertifikazzjoni,

    - kopja tar-riżultati tal-klassifika miksuba bl-użu tal-metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni ffirmati mill-koordinatur matul il-prova ta’ ċertifikazzjoni,

    - rapport tal-koordinatur dwar l-organiżżazzjoni tal-prova ta’ ċertifikazzjoni skond il-kondizzjonijiet u l-ħtiġijiet minimi stipulati fl-Anness I,

    - analiżi kwantitattiva, skond metodoloġija li għandha taqbel fuqha il-Kummissjoni, tar-riżultati tal-prova ta’ ċertifikazzjoni li tindika r-riżultati tal-klassifika ta’ kull klassifikatur espert u dawk miksuba bl-użu tal-metodi ta’ teknika awstomatiċi tal-klassifikazzjoni. Id-data użata għall-analiżi għandha tingħata f’forma elettronika li għandha taqbel dwarha il-Kummissjoni,

    - il-preċiżjoni tal-metodi ta’ teknika awtomatiċi tal-klassifikazzjoni stabbilita skond id- dispożizzjonijiet fl-Anness I(3).”

    "

    --------------------------------------------------

    Top