Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003R0315

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 315/2003 tad-19 ta’ Frar 2003 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1227/2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ potenzjal tal-produzzjoni

ĠU L 46, 20.2.2003, pp. 9–14 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/07/2008; Impliċitament imħassar minn 32008R0555

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/315/oj

32003R0315



Official Journal L 046 , 20/02/2003 P. 0009 - 0014


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 315/2003

tad-19 ta’ Frar 2003

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1227/2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ potenzjal tal-produzzjoni

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizazzjoni komuni tas-suq fl-inbid [1], kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 2585/2001 [2], u b’mod partikolari l-Artikoli 10 u 15 tiegħu,

Billi:

(1) Sabiex tingħata l-possibilità lill-Istati Membri li jkomplu jħallsu l-għajnuna sat-tmiem ta’ sena finanzjarja, huwa neċessarju li jiġu emendati r-regoli fuq l-infiq għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju sal-15 t’Ottubru, li huma stabbiliti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1227/2000 [3], kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 2191/2002 [4].

(2) B’mod partikolari, għandha tingħata konsiderazzjoni lill-kunċett ta’ validazzjoni ta’ l-infiq, kif iddefinit fl-Artikolu 79 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli lill-bàġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [5].

(3) Id-dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu biex isiru allokazzjonijiet finanzjarji matul is-sena finanzjarja għandhom għalhekk ikunu adattati.

(4) Il-format fiss għad-data u l-informazzjoni li l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni għandhom ikunu adattati ukoll.

(5) Konsiderazzjoni għandha tingħata ukoll lir-restrizzjonijiet partikolari li għandhom x’jaqsmu mar-rata t’implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ ristrutturar u koverżjoni, u l-applikazzjoni tar-regoli dwar meddiet għandhom ikunu adattati għal hekk.

(6) Ir-Regolament (KE) Nru 1227/2000 għandu jkun emendat għal hekk.

(7) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Inbid,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1227/2000 huwa permezz tal-preżenti emendat kif ġej:

1. L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 15(2) huwa mibdul b’dan li ġej:

"2. B’eċċezzjoni għall-paragrafu1, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal għajnuna għal xi miżura li tkun imħallsa bil-quddiem lil produtturi qabel ma dik il-miżura tkun implimentata, iżda l-implimentazzjoni tkun bdiet u l-benefiċarju iddepożita garanzija ugwali għal 120 % ta’ l-għajnuna. Għall-għanijiet tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85, l-obbligazzjoni għandha tkun li tiġi implimentata l-miżura konċernata sa l-aħħar tat-tieni sena ta’ nbid wara l-ħlas bil-quddiem";

2. L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 15a(2) huwa mibdul b’dan li ġej:

"2. B’eċċezzjoni għall-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-għajnuna għall-miżuri kollha koperti mill-applikazzjoni għal għajnuna jkunu mgħoddija lill-produtturi qabel ma dawk il-miżuri jkunu ġew implimentati, iżda l-implimentazzjoni tkun bdiet u l-benefiċjarju iddepożita garanzija ugwali għal 120 % ta’ l-għajnuna. Għall-għanijiet tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85, l-obbligazzjoni għandha tkun li tiġi implimentata l-miżura konċernata sa l-aħħar tat-tieni sena ta’ nbid wara l-ħlas bil-quddiem.";

3. L-Artikolu 16(1) huwa mibdul b’dan li ġej:

"1. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena għal dak li għandu x’jaqsam mas-sistema ta’ ristrutturar u konverżjoni:

(a) prospett ta’ l-infiq li fil-fatt intefaq fis-sena finanzjarja kurrenti, kif ukoll il-medda totali involuta;

(b) prospett ta’ l-infiq validat fis-sena finanzjarja kurrenti, kif ukoll il-medda totali involuta;

(ċ) kull talb għal iffinanzjar ta’ nfiq sussegwenti fis-sena finanzjarja kurrenti li jaqbżu l-allokazzjonijiet finanzjarji magħmula skond l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, u l-medda totali konċernata f’kull każ;

(d) tbassir ta’ nfiq emendat, u l-meddiet totali konċernati, għal snin finanzjarji sussegwenti sat-tmiem tal-perjodi previsti għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ ristrutturar u konverżjoni, skond l-allokazzjoni lil kull Stat Membru.";

4. L-Artikolu 17 huwa mibdul b’dan li ġej:

"L-Artikolu 17

1. Għal kull Stat Membru, l-infiq li fil-fatt intefaq u li ġie ddikjarat għal xi sena finanzjarja għandu jkun iffinanzjat ġewwa l-limiti ta’ l-ammonti notifikati lill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 16(1)(a), iżda li dawk l-ammonti ma jaqbżux b’mod totali l-ammont finanzjarju allokat lill-Istat Membru skond l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999.

2. L-Istati Membri jagħmlu l-prospett imsemmi fl-Artikolu 16(1)(b) biss jekk l-ammont li jkunu ddikjaraw skond l-Artikolu 16(1)(a) huwa għallinqas ugwali għal 75 % ta’ l-ammont allokat taħt l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999.

3. Talbiet magħmula mill-Istati Membri skond l-Artikolu 16(1)(c) għandhom jiġu aċċettati fuq bażi ta’ kull wieħed skond sehmu, billi jintużaw l-ammonti disponibbli wara li jitnaqqas, għall-Istati Membri kollha, it-total ta’ l-ammonti notifikati skond l-Artikolu 16(1)(a) u l-ammonti ddikjarati skond l-Artikolu 16(1)(b) mill-ammont totali allokat lill-Istati Membri skond l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri malajr kemm jista’ jkun wara t-30 ta’ Ġunju bil-punt sa fejn it-talba tista’ tintlaqa’.

4. Minkejja l-paragrafi 1 u 2, fejn il-medda totali notifikata skond l-Artikolu 16(1)(a) hija inqas min-numru ta’ ettari indikati fl-allokazzjoni għas-sena finanzjarja magħmula lill-Istat Membru skond l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, f’dak il-każ infiq iddikjarat għas-sena finanzjarja inkwistjoni għandu jkun iffinanzjat biss sa limitu ugwali għal-medda totali nnotifikata mmultiplikata bl-ammont medju ta’ għajnuna għal kull ettaru; din il-figura hija kkalkulata bħala proporzjon bejn l-ammont allokat lill-Istat Membru skond l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 u n-numru ta’ ettari antiċipat.

Dan l-ammont ma jistax f’kull każ ikun akbar mill-infiq dikjarat skond l-Artikolu 16(1)(a).

Għall-għan li jiġi implimentat dan il-paragrafu, tolleranza ta’ 5 % għandha tkun applikata lill-medda totali notifikata kif imqabbla ma’ dik li tidher fl-allokazzjoni għas-sena finanzjarja.

5. Fejn l-infiq li fil-fatt intefaq minn Stat Membru f’xi sena finanzjarja huwa inqas minn 75 % ta’ l-ammonti imsemmija fil-paragrafu 1, l-infiq li għandu jkun rikonoxxut għas-sena finanzjarja ta’ wara, u l-medda korrispondenti, għandha tkun imnaqqsa b’terz tad-differenza bejn dan il-livell u l-infiq li fil-fatt intefaq matul is-sena finanzjarja inkwistjoni.

6. Dan it-tnaqqis m’għandux jittieħed konsiderazzjoni tiegħu sabiex l-infiq ikun rikonoxxut għas-sena finanzjarja ta’ wara dik li fiha t-tnaqqis ikun sar.

7. Ammonti mħallsa lura mill-produtturi skond l-Artikoli 15 jew 15a għandhom jitnaqqsu mill-infiq li jkun ser jiġi ffinanzjat.

8. Referenzi għal xi sena finanzjarja għandhom jirreferu għal ħlasijiet fil-fatt magħmula mill-Istati Membri bejn is-16 t’Ottubru u l-15 t’Ottubru ta’ wara."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-publikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-19 ta’ Frar 2003.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 179, ta’ l-14.7.1999, p. 1.

[2] ĠU L 345, tad-29.12.2001, p. 10.

[3] ĠU L 143, tas-16.6.2000, p. 1.

[4] ĠU L 334, tal-11.12.2002, p. 16.

[5] ĠU L 248, tas-16.9.2002, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

Top