This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32003L0094
Commission Directive 2003/94/EC of 8 October 2003 laying down the principles and guidelines of good manufacturing practice in respect of medicinal products for human use and investigational medicinal products for human use (Text with EEA relevance)
Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/94/KE tat-8 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi l-prinċipji u l-linji ta’ gwida tal-pattika ta fabbrikazzjoni tajba fir-rigward ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u prodotti mediċinali fil-fażi ta’ sperimentazzjoni għall-u użu mill-bniedemTest b’relevanza għaż-ŻEE
Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/94/KE tat-8 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi l-prinċipji u l-linji ta’ gwida tal-pattika ta fabbrikazzjoni tajba fir-rigward ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u prodotti mediċinali fil-fażi ta’ sperimentazzjoni għall-u użu mill-bniedemTest b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 262, 14.10.2003, pp. 22–26
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)
No longer in force, Date of end of validity: 31/01/2022; Imħassar b' 32017L1572 Art. 15 Ara 32021D1240
Official Journal L 262 , 14/10/2003 P. 0022 - 0026
Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/94/KE tat-8 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi l-prinċipji u l-linji ta’ gwida tal-pattika ta fabbrikazzjoni tajba fir-rigward ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u prodotti mediċinali fil-fażi ta’ sperimentazzjoni għall-u użu mill-bniedem (Test b’relevanza għaż-ŻEE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità dwar prodotti mediċinali għal użu mill-bniedem [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/63/KE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 47 tagħha, Billi: (1) Il-prodotti mediċinali għal użu mill-bniedem iffabrikati jew importati fil-Komunità, inklużi l-prodotti mediċinali maħsubin għall-esportazzjoni għandhom jiġu ffabbrikati bi qbil mal-prinċipji u mal-linji ta’ gwida ta’ prattika ta’ fabbrikazzjoni tajba. (2) Dawk il-prinċipji u linji ta’ gwida huma stabbiliti fid-Direttiva tal-Kummissjoni 91/356/KEE tat-13 ta’ Ġunju li tistabbilixxi l-prinċipji u l-linji ta’ gwida ta’ prattika ta’ fabbrikazzjoni tajba għal prodotti mediċinali għal użu mill-bniedem. [3] (3) L-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2001/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ April 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni ta’ prattika klinikali tajba fit-twettieq ta’ provi klinikali fuq prodotti mediċinali għal użu mill-bniedem [4] jeħtieġ li tiġi mfassla gwida dettaljata, bi qbil mal-linji ta’ gwida dwar prattika ta’ fabbrikazzjoni tajba, dwar l-elementi li għandhom jiġu meqjusa meta jiġu valutati prodotti mediċinali fil-fażi ta’ sperimentazzjoni għal użu mill-bniedem bil-għan li jiġu rilaxxati lottijiet fi ħdan il-Komunità. (4) Għalhekk hemm bżonn li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/356/KEE jiġu estiżi sabiex ikopru prattika ta’ fabbrikazzjoni tajba ta’ prodotti mediċinali fil-fażi ta’ sperimentazzjoni. (5) Minħabba li bosta mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/356/KEE jeħtieġu li jiġu aġġustati, għal raġunijiet ta’ ċarezza dik id-Direttiva għandha tiġi sostitwita. (6) Sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipji u mal-linji ta’ gwida ta’ prattika ta’ fabbrikazzjoni tajba, hemm bżonn li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet fuq spezzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti u dwar ċerti obbligi tal-manifattur. (7) Il-fabbrikanti kollha għandhom jużaw sistema effettiva ta’ amministrazzjoni ta’ kwalità tal-ħidmiet ta’ fabbrikazzjoni tagħhom, li teħtieġ l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità tal-farmaċewtiċi. (8) Għandhom jiġu stabbiliti prinċipji u linji ta’ gwida ta’ prattika ta’ fabbrikazzjoni tajba fir-rigward tal-ġestjoni, personal, bini u apparat, dokumentazzjoni, produzzjoni, kontroll tal-kwalità, kuntratti, lmenti u irtirar tal-prodott, u spezzjoni. (9) Sabiex il-persuni involuti fi provi kliniċi jiġu protetti u sabiex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jiġu ntraċċati prodotti mediċinali fil-fażi ta’ sperimentazzjoni, hemm bżonn ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-tikkettjar ta’dawk il-prodotti. (10) Il-miżuri li għalihom hemm provdut f’din id-Direttiva huma bi qbil ma l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Mediċinali għal Użu mill-Bniedem, stabbilit taħt l-Artikolu 121 tad-Direttiva 2001/83/KE, ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Qasam ta’ applikazzjoni Din id-Direttiva tistabbilixxi l-prinċipji u l-linji ta’ gwida ta’ prattika ta’ fabbrikazzjoni tajba fir-rigward ta’ prodotti mediċinali għal użu mill-bniedem li l-fabbrikazzjoni tagħhom teħtieġ l-awtorizzazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 40 tad-Direttiva 2001/83/KE u li fir-rigward ta’ prodotti mediċinali fil-fażi ta’ sperimentazzjoni għal użu mill-bniedem li l-fabbrikazzjoni tagħhom teħtieġ l-awtorizzazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2001/21/KE. Artikolu 2 Definizzjonijiet Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin 1. "prodott mediċinali" tfisser kwalunkwe prodott kif definit fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2001/83/KE; 2. "prodott mediċinali fil-fażi ta’ sperimentazzjoni" tfisser kwalunkwe prodott kif definit fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2001/20/KE; 3. "fabbrikant" tfisser kull persuna involuta f’attivitajiet li għalihom hija meħtieġa l-awtorizzazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 40(1) u (3) tad-Direttiva 2001/83/KE jew l-awtorizzazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2001/20/KE; 4. "persuna kkwalifikata" tfisser il-persuna li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 48 tad-Direttiva 2001/83/KE jew fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2001/20/KE; 5. "assigurazzjoni tal-kwalità tal-farmaċewtiċi" tfisser is-somma totali ta’ l-arranġamenti organizzati magħmula bil-għan li jiġi żgurat li prodotti mediċinali jew prodotti mediċinali fil-fażi ta’ sperimentazzjoni jkunu tal-kwalità meħtieġa għall-użu maħsub għalihom; 6. "prattika ta’ fabbrikazzjoni tajba" tfisser il-parti ta’ l-assigurazzjoni tal-kwalità li tiżgura li l-prodotti jiġu ffabbrikati b’mod konsistenti u kkontrollati bi qbil ma l-istandards ta’ kwalità xierqa għall-użu maħsub għalihom; 7. "blinding" tfisser il-ħabi apposta ta’ l-identità ta’ prodott mediċinali fil-fażi ta’ sperimentazzjoni bi qbil ma l-ispezzjonijiet ta’ l-isponsor; 8. "unblinding" tfisser it-tħabbir ta’ l-identità tal-prodott blinded. Artikolu 3 Spezzjonijiet 1. Permezz ta’ l-ispezzjonijiet ripetuti li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 111(1) tad-Direttiva 2001/83/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fabbrikanti jirrispettaw il-prinċipji u l-linji ta’ gwida ta’ prattika ta’ fabbrikazzjoni tajba stabbiliti b’din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ukoll il-kompilazzjoni, ippubblikata mill-Kummissjoni, ta’ proċeduri tal-Komunità dwar spezzjonijiet u skambju ta’ informazzjoni. 2. Għall-interpretazzjoni tal-prinċipji u tal-linji ta’ gwida ta’ prattika ta’ fabbrikazzjoni tajba, il-fabbrikanti u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw il-linji ta’ gwida dettaljati li hemm referenza għalihom fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2001/83/KE, ippubblikata mill-Kummissjoni fil-"Guide to good manufacturing practice for medicinal products and for investigational medicinal products". Artikolu 4 Konformità ma’ prattika ta’ fabbrikazzjoni tajba 1. Il-manifattur għandu jiżgura li l-operazzjonijiet ta’ fabbrikazzjoni jitwettqu bi qbil mal-prattika ta’ fabbrikazzjoni tajba u ma’ l-awtorizzazzjoni tal-fabbrikazzjoni. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll għal prodotti mediċinali maħsubin biss għall-esportazzjoni. 2. Għal prodotti mediċinali u prodotti mediċinali fil-fażi ta’ sperimentazzjoni importati minn pajjiżi terzi, l-importatur għandu jiżgura li l-prodotti jkunu ġew iffabbrikati bi qbil ma’ l-istandards li għallinqas huma ekwivalenti għall-istandards ta’ prattika ta’ fabbrikazzjoni tajba stabbiliti mill-Komunità. Barra minn hekk, importatur ta’ prodotti mediċinali għandu jiżgura li prodotti bħal dawn jkunu ġew iffabbrikati minn fabbrikant notifikat lill-awtoritajiet kompetenti u aċċettat minnhom għal dak il-għan. Artikolu 5 Konformità ma’ l-awtorizzazzjoni tal-marketing 1. Il-fabbrikant għandu jiżgura li l-operazzjonijiet kollha ta’ fabbrikazzjoni għal prodotti mediċinali soġġetti għal awtorizzazzjoni ta’ marketing jiġu mwettqa bi qbil ma’ l-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ marketing kif aċċettata mill-awtoritajiet kompetenti. Fil-każ ta’ prodotti mediċinali fil-fażi ta’ sperimentazzjoni, il-fabbrikant għandu jiżgura li l-operazzjonijiet kollha mwettqa jsiru bi qbil ma’ l-informazzjoni pprovduta mill-isponsor bi qbil ma l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2001/20/KE kif aċċettat mill-awtoritajiet kompetenti. 2. Il-fabbrikant għandu jirrevedi b’mod regolari l-metodi ta’ fabbrikazzjoni tiegħu fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku u l-iżvilupp tal-prodott mediċinali fil-fażi ta’ sperimentazzjoni. Jekk ikun hemm bżonn ta’ varjazzjoni għad-dossier ta’ l-awtorizzazzjoni tal-marketing jew għal emenda għat-talba li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2001/20/KE, l-applikazzjoni għal modifika għandha tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti. Artikolu 6 Sistema ta’ assigurazzjoni tal-kwalità Il-fabbrikant għandu jistabbilixxi u jimplimenta sistema effettiva ta’ assigurazzjoni tal-kwalità tal-farmaċewtiċi, li tinvolvi l-parteċipazzjoni attiva ta’ l-amministrazzjoni u l-persunal tad-dipartimenti differenti. Artikolu 7 Personal 1. F’kull sit ta’ fabbrikazzjoni, il-fabbrikant għandu jkollu numru biżżejjed ta’ personal kompetenti u kkwalifikat bix-xieraq sabiex jilħaq l-għan ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità tal-farmaċewtiċi. 2. Id-doveri tal-personal amministrattiv u ta’ sorveljanza, inklużi l-persuni kkwalifikati, responsabbli għall-implimentazzjoni u t-tħaddim ta’ prattika ta’ fabbrikazzjoni tajba, għandhom jiġu definiti f’deskrizzjonijiet tal-karigi. Ir-relazzjoni ġerarkika tagħhom għandha tiġi definta fuq organisation chart. Organisation charts u deskrizzjonijiet tax-xogħol għandhom jiġu approvati bi qbil mal-proċeduri interni tal-fabbrikant. 3. Il-personal li hemm referenza għalih fil-paragrafu 2 għandu jingħata biżżejjed awtorità sabiex iqassam l-awtorità tiegħu tajjeb. 4. Il-personal għandu jirċievi taħriġ tal-bidu u kontinwu; li l-effettività tiegħu għandha tiġi vverifikata, li jkopri b’mod partikolari t-teorija u l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-prattika ta’ fabbrikazzjoni tajba, u, fejn xieraq, il-ħtiġiet partikolari għall-fabbrikazzjoni ta’ prodotti mediċinali fil-fażi ta’ sperimentazzjoni. 5. Għandhom jiġu stabbiliti programmi ta’ iġjene addattati għall-attivitajiet imwettqa u dawn għandhom jiġu osservati. Dawn il-programmi għandhom, b’mod partikolari, jinkludu proċeduri li għandhom x’jaqsmu mas-saħħa, prattika ta’ l-iġjene u l-ilbies tal-personal. Artikolu 8 Bini u apparat 1. Il-bini u l-apparat ta’ fabbrikazzjoni għandhom ikunu jinsabu, imfasslin, mibnija b’mod addattat u miżmumin b’tali mod li jissodisfaw l-operazzjonijiet li għalihom huma maħsubin. 2. Il-bini u l-apparat ta’ fabbrikazzjoni għandhom ikunu mfasslin u mħaddma b’tali mod li jnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ żball u li jippermettu tindif u manutenzjoni effettiva sabiex jevitaw kontaminazzjoni u, b’mod ġenerali, kull effett kontra fuq il-kwalità tal-prodott. 3. Il-bini u t-tagħmir li għandu jintuża għal operazzjonijiet ta’ fabbrikazzjoni, li huma kritiċi għall-kwalità tal-prodotti, għandhom ikunu soġġetti għal kwalifika u validazzjoni xierqa. Artikolu 9 Dokumentazzjoni 1. Il-manifattur għandu jistabbilixxi u jaġġorna sistema ta’ dokumentazzjoni bbażata fuq speċifikazzjonijiet, formoli ta’ fabbrikazzjoni u pproċessar u struzzjonijiet ta’ ppakkjar, proċeduri u reġistrazzjonijiet li jkopru l-operazzjonijiet varji ta’ fabbrikazzjoni mwettqa. Id-dokumenti għandhom ikunu ċari, mingħajr żbalji, u għandhom jinżammu aġġornati. Proċeduri stabbiliti minn qabel għal operazzjonijiet u kondizzjonijiet ġenerali ta’ fabbrikazzjoni għandhom jinżammu disponibbli, flimkien ma’ dokumenti speċifiċi għall-fabbrikazzjoni tal-lott. Dak is-sett ta’ dokumenti għandu jippermetti li tiġi ntraċċata l-istorja tal-fabbrikazzjoni ta’ kull lott u sabiex jiġu ntrodotti l-bidliet matul l-iżvilupp ta’ prodott mediċinali fil-fażi ta’ sperimentazzjoni. Għal prodott mediċinali, id-dokumentazzjoni tal-lott għandha tinżamm għal mill-inqas sena wara d-data ta’ għeluq tal-lottijiet li għalihom tirreferi jew għal mill-iqnas ħames snin wara ċ-ċertifikazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 51(3) tad-Direttiva 2001/83/KE, liema minnhom ikun l-itwal perjodu. Għal prodott mediċinali fil-fażi ta’ sperimentazzjoni, id-dokumentazzjoni tal-lott għandha tinżamm għal mill-inqas ħames snin mit-tmiem jew interruzzjoni formali ta’ l-aħħar prova klinikali li fiha jkun ġie wżat il-lott. L-isponsor tas-sid ta’ l-awtorizzazzjoni tal-marketing, jekk differenti, għandu jkun responsabbli għal li jiżgura li r-reġistrazzjonijiet jinżammu hekk kif meħtieġa għall-awtorizzazzjoni tal-marketing bi qbil ma’ l-Anness I għad-Direttiva 2001/83/KE, jekk meħtieġ għal awtorizzazzjoni ta’ marketing susegwenti. 2. Meta jiġu wżati sistemi elettroniċi, fotografiċi jew sistemi oħra ta’ pproċessar ta’ data minflok dokumenti bil-miktub, il-manifattur għandu l-ewwel jivvalida s-sistemi billi juri li d-data sejra tiġi rreġistrata bix-xieraq matul il-perjodi ta’ reġistrazzjoni mistennija. Data rreġistrata b’dawk is-sistemi għandha tkun magħmula disponibbli f’forma li tinqara u għandha tiġi pprovduta lill-awtorità kompetenti meta jitolbuha. Id-data rreġistrata b’mod elettroniku għandha tkun protetta kontra telf jew ħsara tad-data, b’metodi bħal dupplikazzjoni jew back-up u trasferiment fuq sistema oħra ta’ reġistrazzjoni,, u għandhom isiru verifiki. Artikolu 10 Produzzjoni 1. L-operazzjonijiet differenti ta’ produzzjoni għandhom jitwettqu bi qbil ma’ struzzjonijiet u proċeduri stabbiliti minn qabel u bi qbil ma prattika ta’ fabbrikazzjoni tajba. Għandu jkun hemm riżorsi adekwati u biżżejjed għall-kontrolli ta’ matul il-proċess. Id-devjazzjonijiet kollha tal-proċess u d-difetti tal-prodott għandhom jiġu ddokumentati u investigati bir-reqqa. 2. Għandhom jittieħdu miżuri tekniċi jew organizzazzjonali xierqa sabiex jiġu evitati kontaminazzjonijiet u taħlit. Fil-każ ta’ prodotti mediċinali fil-fażi ta’ sperimentazzjoni, għandha tingħata attenzjoni partikolari għat-tqandil tal-prodotti matul u wara kull operazzjoni ta’ blinding. 3. Għal prodotti mediċinali, kull modifika fil-fabbrikazzjoni jew modifika importanti fil-proċess ta’ fabbrikazzjoni ta’ prodott mediċinali għandha tiġi vverifikata. Fażijiet kritiċi tal-proċessi ta’ fabbrikazzjoni għandhom jiġu vverifikati mill-ġdid b’mod regolari. 4. Għal prodotti mediċinali fil-fażi ta’ sperimentazzjoni, il-proċess ta’ fabbrikazzjoni għandu jiġi vverifikat kemm jista’ jkun fl-intier tiegħu, filwaqt li titqies il-fażi ta’ l-iżvilupp tal-prodott. Għallinqas għandhom jiġu vverifikati l-fażijiet kritiċi tal-proċess, bħall-isterilizzazzjoni,. Il-fażijiet kollha fit-tfassil u fl-iżvilupp tal-proċess ta’ fabbrikazzjoni għandhom jiġu dokumentati għal kollox. Artikolu 11 Kontroll tal-kwalità 1. Il-manifattur għandu jistabbilixxi u jmantni sistema ta’ kontroll tal-kwalità mpoġġija taħt l-awtorità ta’ persuna li għandha l-kwalifiċi meħtieġa u hija indipendenti mill-produzzjoni. Dik il-persuna għandu jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, jew għandu jkollha aċċess għal, laboratorju ta’ kontroll tal-kwalità wieħed jew aktar mgħammar bix-xieraq u li jkollha l-personal meħtieġ sabiex tkun tista’ twettaq l-eżaminazzjonijiet u l-ittestjar meħtieġ tal-materjali tal-bidu u l-materjali ta’ l-ippakkjar u l-ittestjar ta’ prodotti intermedji u ta’ prodotti lesti. 2. Għal prodotti mediċinali, inklużi dawk importati minn pajjiżi terzi, jistgħu jiġu wżati laboratorji b’kuntratt jekk awtorizzati bi qbil ma’ l-Artikolu 12 ta’ din id-Direttiva u punt (b) ta’ l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2001/83/KE. Għal prodotti mediċinali fil-fażi ta’ sperimentazzjoni, l-isponsor għandu jiżgura li l-laboratorju taħt kuntratt jikkonforma mal-kontenut li hemm referenza għalih fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2001/20/KE, kif aċċettat mill-awtorità kompetenti. Meta l-prodotti jiġu mportati minn pajjiżi terzi, il-kontroll analitiku ma għandux ikun obbligatorju. 3. Matul il-kontroll finali tal-prodott lest qabel ir-rilaxx għall-bejgħ jew distribuzzjoni jew għal użu fi provi klinikali, is-sistemi ta’ kontroll ta’ kwalità għandhom jagħtu kas, barra mir-riżultati analitiċi, ta’ l-informazzjoni essenzjali bħall-kondizzjonijiet tal-produzzjoni, ir-riżultati ta’ kontrolli ta’ waqt il-proċess, l-eżaminazzjoni tad-dokumenti tal-fabbrikazzjoni u l-konformità tal-prodott ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tiegħu, inkluż il-pakkett lest finali. 4. Għandhom jinżammu kampjuni tal-prodott mediċinali lest għal mill-inqas sena mid-data ta’ għeluq. Għal prodotti mediċinali fil-fażi ta’ sperimentazzjoni, għandhom jinżammu biżżejjed kampjuni ta’ kull lott ta’ prodott ifformulat fi kwantità għal mill-inqas sentejn mit-tmiem jew mill-interruzzjoni formali ta’ l-aħħar prova klinikali li fiha ġie wżat il-lott, liema perjodu jkun l-itwal. Sakemm ma jkunx meħtieġ perjodu itwal bil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ fabbrikazzjoni, kampjuni ta’ materjali tal-bidu, għajr solventi, gassijiet jew ilma, wżati fil-proċess ta’ fabbrikazzjoni għandhom jinżammu għal mill-inqas sentejn mir-rilaxx tal-prodott. Dak il-perjodu jista’ jitnaqqas jekk il-perjodu ta’ stabbilità tal-materjal, kif indikat fl-ispeċifikazzjoni relevanti jkun iqsar. Dawk il-kampjuni kollha għandhom jinżammu għad-dispożizzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti. Kondizzjonijiet oħra jistgħu jiġu definiti, bi ftehim ma’ l-awtorità kompetenti, għat-teħid ta’ kampjuni u żamma ta’ materjali tal-bidu u ta’ ċerti prodotti mmanufatturati individwalment jew fi kwantitajiet żgħar, jew meta l-ħażna tagħhom tista toħloq problemi speċjali. Artikolu 12 Xogħol kuntrattat 1. Kwalunkwe operazzjoni ta’ fabbrikazzjoni jew operazzjoni marbuta magħha li titwettaq taħt kuntratt għandha tkun soġġetta għal kuntratt bil-miktub. 2. Il-kuntratt għandu jiddefinixxi biċ-ċar ir-responsabilitajiet ta’ kull parti u għandu jiddefinixxi, b’mod partikolari, l-osservanza ta’ prattika ta’ fabbrikazzjoni tajba sabiex tiġi segwita mill-kuntrattur-aċċettatur u l-mod li bih il-persuna kwalifikata responsabbli milli tiċċertifika l-lott għandha tieqaf mir-responsabilitajiet tagħha. 3. Il-kuntrattur-aċċettatur ma għandux jgħaddi xogħol lil ħaddieħor, liema xogħol kien ġie fdat lilu taħt il-kuntratt, mingħajr awtorizzazzjoni bil-miktub sabiex jagħmel dan minn min tah il-kuntratt. 4. Il-kuntrattur-aċċettatur għandu jikkonforma mal-prinċipji u mal-linji ta’ gwida ta’ prattika ta’ fabbrikazzjoni tajba u għandu jissottometti lilu nnifsu għal spezzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti bi qbil ma’ l-Artikolu 111 tad-Direttiva 2001/83/KE u l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2001/20/KE. Artikolu 13 Ilmenti, irtirar tal-prodott u unblinding ta’ emerġenza 1. Fil-każ ta’ prodotti mediċinali, il-fabbrikazzjoni għandu jimplimenta sistema għar-reġistrazzjoni u reviżjoni ta’ l-ilmenti flimkien ma’ sistema effettiva għal irtirar fil-ħin u f’kull ħin, prodotti mediċinali fin-network ta’ distribuzzjoni. Kull ilment dwar difett għandu jiġi rreġistrat investigat mill-fabbrikant. Il-fabbrikant għandu jinforma lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe difett li jista jirriżulta f’irtirar jew restrizzjoni mhux normali fil-provvista u, kemm jista’ jkun, għandu jindika l-pajjiżi ta’ destinazzjoni. Kull irtirar għandu jsir bi qbil mal-ħtiġiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 123 tad-Direttiva 2001/83/KE. 2. Fil-każ ta’ prodotti mediċinali fil-fażi ta’ sperimentazzjoni, il-fabbrikant għandu, f’kooperazzjoni ma’ l-isponsor, jimplimenta sistema għar-reġistrar u reviżjoni ta’ lmenti flimkien ma sistema effettiva għal irtirar minnufih ta’ prodotti mediċinali fil-fażi ta’ sperimentazzjoni li jkunu diġà daħlu fin-network ta’ distribuzzjoni. Il-manifattur għandu jirreġistra u jinvestiga kull ilment dwar difett u għandu jinforma lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe difett li jista’ jirriżulta f’irtirar jew restrizzjoni mhux normali fuq il-provvista. Fil-każ ta’ prodotti mediċinali fil-fażi ta’ sperimentazzjoni, għandhom jiġu identifikati s-siti kollha tal-provi u, jekk jista’ jkun għandhom jiġu indikati l-pajjiżi ta’ destinazzjoni. Fil-każ ta’ prodott mediċinali fil-fażi ta’ sperimentazzjoni li għalih tkun inħarġet awtorizzazzjoni ta’ marketing, il-manifattur tal-prodott mediċinali fil-fażi ta’ sperimentazzjoni għandu, f’kooperazzjoni ma’ l-isponsor, jinforma lis-sid ta’ l-awtorizzazzjoni tal-marketing bi kwalunkwe difett li jista jkun relatat mal-prodott mediċinali awtorizzat. 3. L-isponsor għandu jimplimenta proċedura għall-unblinding rapidu ta’ prodotti blinded, fejn dan ikun meħtieġ għall-irtirar fil-pront kif hemm referenza għalih fil-paragrafu 2. L-isponsor għandu jiżgura li l-proċedura tikxef l-identità tal-prodott blinded biss sakemm ikun hemm bżonn. Artikolu 14 Spezzjoni personali Il-fabbrikant għandu jwettaq spezzjonijiet personali bħala parti mis-sistema ta’ assigurazzjoni tal-kwalità sabiex jimmonitorja l-implimentazzjon u r-rispett tal-prattika ta’ fabbrikazzjoni tajba u sabiex jipproponi kwalunkwe miżuri ta’ korrezzjoni. Għandhom jinżammu reġistrazzjonijiet ta’ dawn l-ispezzjonijiet personali u ta’ kwalunkwe azzjoni korrettiva meħuda sussegwentament. Artikolu 15 Tikkettjar Fil-każ ta’ prodott mediċinali fil-fażi ta’ sperimentazzjoni, l-ittikkettar għandu jkun tali li jiżgura l-protezzjoni tas-suġġett u li jkun jista’ jiġi ntraċċat, li jippermetti l-identifikazzjoni tal-prodott u l-prova, u li jiffaċilita l-użu propju tal-prodott mediċinali fil-fażi ta’ sperimentazzjoni. Artikolu 16 Revokar tad-Direttiva 91/356/KEE Id-Direttiva 91/356/KEE hija revokata. Referenzi għad-Direttiva revokata għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva. Artikolu 17 Transpożizzjoni 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mit-30 ta’ April. Għandhom jikkommunikaw minnufih lill-Kummissjoni, it-test tad-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Meta Stati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkompanjati b’referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu kif għandha ssir referenza bħal din. 2. L-Istati Membri għandhom jikkommunikaw it-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva lill-Kummissjoni. Artikolu 18 Dħul fis-seħħ Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Artikolu 19 Lil min hija indirizzata Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fit-8 ta’ Ottubru 2003. Għall-Kummissjoni Erkki Liikanen Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 311, tat-28.11.2001, p. 67. [2] ĠU L 159, tas-27.6.2003, p. 46. [3] ĠU L 193, tas-17.7.1991, p. 30. [4] ĠU L 121, ta’ l-1.5.2001, p. 34. --------------------------------------------------