EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003D0640

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l-4 ta’ Settembru 2003 dwar il-proċedura għall-attestazzjoni ta’ konformità ta’ prodotti għall-bini skond l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE fir-rigward ta’ kittijiet għall-kisi bil-madum ta’ ħitan ta’ barra (notifikata taħt dokument numru C(2003) 3160)Test b’rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 226, 10.9.2003, p. 21–23 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2003/640/oj

32003D0640



Official Journal L 226 , 10/09/2003 P. 0021 - 0023


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

ta’ l-4 ta’ Settembru 2003

dwar il-proċedura għall-attestazzjoni ta’ konformità ta’ prodotti għall-bini skond l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE fir-rigward ta’ kittijiet għall-kisi bil-madum ta’ ħitan ta’ barra

(notifikata taħt dokument numru C(2003) 3160)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2003/640/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jirrelataw ma’ prodotti għall-bini [1], kif emendata bid-Direttiva 93/68/KEE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 13(4) tagħha,

Billi:

(1) Il-Kummissjoni hija meħtieġa li tagħżel, miż-żewġ proċeduri taħt l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 89/106/KEE għall-attestazzjoni tal-konformità ta’ prodott, il-proċedura l-anqas oneruża possibbli konsistenti mas-sigurtà. Dan ifisser li huwa meħtieġ li tiddeċiedi jekk, għal prodott partikolari jew familja ta’ prodotti, l-eżistenza ta’ sistema ta’ kontroll ta’ produzzjoni tal-fabbrika taħt ir-responsabiltà tal-manifattur hija kondizzjoni meħtieġa u suffiċjenti għall-attestazzjoni ta’ konformità, jew jekk, għal raġunijiet relatati tal-konformità mal-kriterji msemmija fl-Artikolu 13(4), l-intervent ta’ korp approvat ta’ ċertifikazzjoni huwiex meħtieġ.

(2) l-Artikolu 13(4) jeħtieġ li l-proċedura hekk stabbilita għandha tiġi indikata fil-mandati u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Huwa għalhekk mixtieq li jiġu identifikati l-prodotti jew familja ta’ prodotti msemmija fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

(3) Iż-żewġ proċeduri hekk kif hemm provdut fl-Artikolu 13(3) huma deskritti fid-dattal f’Anneess III li jinsab mad-Deċiżjoni 89/106/KEE. Huwa meħtieġ għalhekk li jiġu speċifikati b’mod ċar il-metodi li bihom iż-żewġ proċeduri għandhom jiġu implimentati, b’referenza għall-Anness III, għal kull prodott jew familja ta’ prodotti, minħabba li l-Anness III jagħti preferenzi għal ċerti sistemi.

(4) Il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(3)(a) tikkorrispondi mas-sistemi stipulati fl-ewwel possibbiltà, mingħajr sorveljanza kontinwa, u t-tieni u t-tielet possibbiltajiet tat-taqsima 2(ii) t’L-Anness III. Il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(3)(b) tikkorrispondi mas-sistemi stipulati fit-taqsima 2(i) t’L-Anness III, u fl-ewwel possibbiltà, b’sorveljanza kontinwa, tat-taqsima 2(ii) t’L-Anness III.

(5) Il-miżuri li għalihom tipprovdi din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Bini,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-prodott u l-familja ta’ prodotti stipulati f’L-Anness I għandu jkollhom il-konformità tagħhom attestata bi proċedura li biha, b’żieda mas-sistema ta’ kontroll ta’ produzzjoni tal-fabbrika operata mill-manifattur, korp ta’ approvazzjoni ta’ ċertifikazzjoni huwa nvolut fl-istima u s-sorveljanza tal-kontroll tal-produzzjoni jew tal-prodott innifsu.

Artikolu 2

Il-proċedura għall-attestazzjoni tal-konformità kif stipulata f’L-Anness II għandha tkun indikata fil-mandati għall-linji gwida għall-approvazzjonijiet tekniċi Ewropej.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-4 ta’ Settembru 2003.

Għall-Kummissjoni

Erkki Liikanen

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 40, tal-11.2.1989, p. 12.

[2] ĠU L 220, tat-30.8.1993, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

Kittijiet għall-kisi bil-madum ta' ħitan ta' barra

Għal ħitan esterni, jew irfinar estern ta' ħitan.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

Nota:

għal prodotti li għandhom aktar minn użu wieħed ta’ l-użi maħsuba speċifikati fil-familji li ġejjin, il-kompiti għall-korp approvat, li joħorġu mis-sistemi relevanti ta’ attestazzjoni ta’ konformità huma kumulattivi.

Familja ta’ prodotti: kittijiet għal kisi bil-madum ta’ ħitan ta’ barra (1/2)

Sistemi ta’ attestazzjoni ta’ konformità

Għall-prodott/i u l-użu/i maħsub tagħhom elenkati hawn taħt, l-EOTA hija mitluba li tispeċifika is-sistema/i li ġejjin għall-attestazzjoni ta’ konformità fil-linji gwida relevanti għall-attestazzjonijiet tekniċi Ewropej:

Sistema 2+ : ara l-Anness III(2)(ii) li jinsab mad-Direttiva 89/106/KEE, l-ewwel possibbiltà, inkluża ċertifikazzjoni tal-kontroll tal-produzzjoni tal-fabbrika minn korp approvat fuq il-bażi ta’ spezzjoni inizjali tal-fabbrika u ta’ kontroll ta’ produzzjoni tal-fabbrika kif ukoll ta’ sorveljanza kontinwa, stima u approvazzjoni tal-kontroll tal-produzzjoni tal-fabbrika.

Prodott/i | Użu/i maħsuba | Livelli/i jew klassi/jiet | Attestazzjoni ta’ sistema/i ta’ konformità |

Kittijiet għal kisi bil-madum minn barra ta’ ħitan | għal ħitan esterni jew irfinar estern ta’ ħitan | – | 2+ |

L-ispeċifikazzjoni tas-sistema għandha tkun tali li tkun tista’ tiġi implimentata wkoll fejn it-twettieq ma jeħtieġx li jiġi stabbilit għal ċerta karatteristika (ara l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/106/KEE u, fejn japplika, l-klawżola 1.2.3 tad-Dokumenti Interpretattivi). F’dawk il-każi il-verifikazzjoni ta’ dik il-karatteristika m’għandhiex tiġi imposta fuq il-manifattur jekk ma jixtieqx li jiddikjara it-twettieq tal-prodott f’dak ir-rigward.

Familja ta’ prodotti: kittijiet għal kisi bil-madum ta’ ħitan ta’ barra (2/2)

Sistemi ta’ attestazzjoni ta’ konformità

Għall-prodott/i u użu/i maħsuba elenkati hawn taħt, l-EOTA hija meħtieġa li tispeċifika is-sistema/i li ġejjin ta’ attestazzjoni ta’ konformità fil-linji gwida relevanti għall-approvazzjonjiet tekniċi Ewropej:

Sistema 1 : ara l-Anness III(2)(i) li jinsab mad-Direttiva 89/106/KEE, mingħajr ittestjar ta’ verifikazzjoni ta’ kampjuni.

Sistema 3 : ara l-Anness III(2)(ii) li jinsab mad-Direttiva 89/106/KEE, it-tieni possibbiltà.

Sistema 4 : ara l-Anness III(2)(ii) li jinsab mad-Direttiva 89/106/KEE, it-tielet possibbiltà.

Prodott/i | Użu/i maħsuba | Livell/i jew klassi/jiet (reazzjoni kontra n-nar) | Attestazzjoni ta’ sistema/i ta’ konformità |

Kittijiet għall-kisi bil-madum minn barra ta’ ħitan | għal użi suġġetti għar-regolamenti ta’ reazzjoni kontra n-nar | A1 [1], A2 [1], B [1], C [1] A1 [2], A2 [2], B [2], C [2], D, E (A1 to E) [3], F | 1 3 4 |

L-ispeċifikazzjoni għas-sistema għandha tkun tali li tkun tista’ tiġi implimentata wkoll fejn il-prestazzjoni ma teħtieġx li tiġi stabbilit għal ċerta karatteristika, minħabba li ta’ l-anqas Stat Membru wieħed ma jkollu ebda ħtieġa legali affattu għal dik il-karatteristika (ara l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/106/KEE u fejn japplika, l-klawżola 1.2.3 tad-dokumenti interpretattivi). F’dawk il-każi il-verifikazzjoni ta’ dik il-karatteristika m’għandhiex tiġi imposta fuq il-manifattur jekk ma jixtieqx li jiddikjara l-prestazzjoni tal-prodott f’dak ir-rigward.

[1] Prodotti/matrjali li għalihom stadju identifikabbli b’mod ċar fil-proċess tal-produzzjoni jirriżulta f’titjib fil-klassifikazzjoni tar-reazzjoni tagħhom kontra n-nar (per eżempju żieda ta’ fire retardants jew t-tqegħid ta’ limitu fuq il-materjal organiku).

[2] Prodotti/materjali mhux koperti bin-nota f’qiegħ il-paġna.

[3] Prodotti/materjali li ma jeħtieġux li jiġu ttestjati għar-reazzjoni tagħhom kontra n-nar (per eżempju prodotti/materjali tal-klassijiet A1 skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/603/KE, kif emendata).

--------------------------------------------------

Top