Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003D0160

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Marzu 2003 li temenda r-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ l-użu ta’ l-halon 1301 u l-halon 1211 (innotifikata fid-dokument bin-numru C(2003) 691)

    ĠU L 65, 8.3.2003, p. 29–30 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2009; Impliċitament imħassar minn 32009R1005

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2003/160(1)/oj

    32003D0160



    Official Journal L 065 , 08/03/2003 P. 0029 - 0030


    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

    tas-7 ta’ Marzu 2003

    li temenda r-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ l-użu ta’ l-halon 1301 u l-halon 1211

    (innotifikata fid-dokument bin-numru C(2003) 691)

    (2003/160/KE)

    IL-KUMMISJONI TAL-KOMUNITAJIET EWRPOPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2000, dwar sostanzi li jnaqqsu s-saff ta’ l-ożonu [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2039/2000 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 4(4)(iv) tiegħu,

    Billi:

    (1) Matul il-kors tar-rivista pprovduta fl-Artikolu 4(4)(iv) tar-Regolament (KE) Nru 2036/2000, u wara konsultazzjoni mal-militari li għandhom interessi u oħrajn, il-Kummissjoni waslet għas-sejbiet li ġejjin rigward l-użu tal-halon 1301 u l-halon 1211.

    (2) L-halon 1301 huwa bħalissa wżat sabiex jiġi inertjat it-tank tal-karburant ta’ l-ajruplan tal-ġliedF-16. Bħalissa ma huma disponibbli l-ebda sostituti li għandhom il-kapaċit li jitfu nar u li jrażżnu splużjoni fil-proporzjon tal-volum mat-toqol aċċettabbli sabiex jinertjaw it-tank tal-karburant ta’ ajruplan tal-ġlied. Sostitut installat u li jitħaddem fuq l-ajruplan tal-ġlied F-16 x’aktarx li ma jkunx disponibbli fil-futur previst u b’mod ċert mhux qabel il-31 ta’ Diċembru 2003, meta jridu jitneħħew l-użi mhux eżentati skond l-Artikolu 4(4)(iv) tar-Regolament (KE) Nru 2037/2000. Dan l-użu ta’ l-halon 1301 għandu għalhekk jiġi miżjud mal-lista ta’ l-użi ta’ l-aloni eżentati fl-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 2037/2000.

    (3) Kemm l-halon 1301 u kemm l-halon 1211 huma bħalissa wżati fil-vetturi ta’ l-art tal-militar u fil-bastimenti navali għall-protezzjoni ta’ l-ispazji okkupati mill-personal u fil-kompartimenti tal-magni. Madankollu, l-użu ta’ l-halon 1301 biss huwa kopert bl-eżenzjoni pprovvduta fir-Regolament (KE) Nru 2037/2000. Il-qlib ta’ dan it-tagħmir militari mill-użu ta’ l-halon 1211 għall-użu ta’ l-halon 1301 ikun jiswa ħafna u kontroproduttiv rigward il-protezzjoni tas-saff ta’ l-ożonu, ġaladarba l-halon 1301 għandu l-potenzjal li jiżvojta s-saff ta l-ożonu tliet darbiet iktar bil-ħeffa mill-halon 1211. Barra minn hekk, it-tidwir tar-riżorsi finanzjarji sabiex jaqilbu t-tagħmir għall-użu ta’ l-halon 1301 x’aktarx ħafna li jitfa’ lura l-iżvilupp tas-sostituti mingħajr il-potenzjal li jiżvojtaw is-saff ta’ l-ożonu. L-użu ta’ l-halon 1211 għall-protezzjoni ta’ l-ispazji okkupati mill-personal u mill-kompartimenti tal-magni fil-vetturi militari ta’ l-art u l-bastimenti navali għandu għalhekk jiġi miżjud mal-lista ta’ l-użi eżentati ta’ l-aloni fl-Anness VII mar-Regolament (KE) Nru 2037/2000.

    (4) Ir-Regolament (KE) Nru 2037/92 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq.

    (5) Il-miżuri provvduti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat istitwit fl-Artikolu 18 tar-Regolament (KEE) Nru 2037/2000,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Anness VII mar-Regolament (KE) Nru 2037/2000 huwa mibdul bit-test fl-Anness ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fis-7 ta’ Marzu 2003.

    Għall-Kummissjoni

    Margot Wallström

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 244, tad-29.9.2000, p. 1.

    [2] ĠU L 244, tad-29.9.2000, p. 26.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS

    L-Anness VII mar-Regolament (KE) Nru 2037/2000 jiġi mibdul b'dan li ġej:

    "

    L-ANNESS VII

    L-użi kritiċi ta' l-halon

    L-użu ta' l-halon 1301:

    - fil-vetturi ta' l-ajru għall-protezzjoni tal-kompartimenti ta' l-ekwipaġġ, għall-kisja ta' barra tal-magni, il-kompartimenti tat-tagħbija u l-komparttimenti niexfa, u sabiex jiġi inertjat it-tank tal-karburant,

    - fil-vetturi militari ta' l-art u l-bastimenti navali għall-protezzjoni ta' l-ispazji okkupati mill-personal u l-kompartiment tal-magni,

    - sabiex jintgħamlu inerti l-ispazji okkupati u/jew meta jiġri l-ħruġ tal-likwidi jew tal-gassijiet fjammabbli fil-militar u fiż-żejt, fis-settur tal-gass u petrokimiku, u fil-bastimenti eżistenti tat-tagħbija,

    - sabiex jintgħamlu inerti iċ-ċentri mħaddma tal-komunikazzjoni u tal-kmand eżistenti tal-forzi armati u ta' oħrajn, essenzjali għas-sigurtà nazzjonali,

    - sabiex jintgħamlu inerti l-ispazji fejn jista’ jkun hemm ir-riskju tat-tixrid tal-materjal radjoattiv,

    - fiċ-Channel Tunnel u stallazzjonijiet u trenijiet assoċjati magħha.

    L-użu ta' l-halon 1211:

    - fil-vetturi militari ta' l-art u l-bastimenti navali għall-protezzjoni ta' l-ispazji okkupati mill-personal u l-kompartiment tal-magni,

    - fit-tagħmir ta' l-idejn tat-tifi tan-nar u t-tagħmir fiss tat-tifi tan-nar għall-magni li jintużaw abbord il-vetturi ta' l-ajru,

    - fil-vetturi ta' l-ajru għall-protezzjoni tal-kompartimenti ta' l-ekwipaġġ, għall-kisja ta' barra tal-magni, il-kompartimenti tat-tagħbija u l-kompartimenti niexfa,

    - fit-tagħmir tat-tifi tan-nar essenzjali għas-salvagward personali wżati mill-brigati tat-tifi tan-nar għat-tifi tal-bidu,

    - fit-tagħmir tat-tifi tan-nar tal-militar u tal-pulizija għall-użu fuq il-persuna.

    "

    --------------------------------------------------

    Top