Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002R2385

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2385/2002 tat-30 ta’ Diċembru 2002 li jissokta u jemenda s-sorveljanza Komunitarja minn qabel fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-ħadid u l-azzar li joriġinaw f’ċerti pajjiżi terzi

    ĠU L 358, 31.12.2002, p. 125–127 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/03/2005

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/2385/oj

    32002R2385



    Official Journal L 358 , 31/12/2002 P. 0125 - 0127


    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2385/2002

    tat-30 ta’ Diċembru 2002

    li jissokta u jemenda s-sorveljanza Komunitarja minn qabel fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-ħadid u l-azzar li joriġinaw f’ċerti pajjiżi terzi

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3285/94 [1] tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 518/94, kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2474/2000 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 519/94 [3] tas-7 ta’ Marzu 1994 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 1765/82, (KEE) Nru 1766/82 u (KEE) Nru 3420/83, kif l-aħħar emendati bir-Regolament (KE) Nru 1138/98 [4], u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

    Wara li kkonsultat lill-Kumitati Konsultattivi.

    Billi:

    (1) Bir-Regolament (KE) Nru 76/2002 [5] tas-17 ta’ Jannar 2002, il-Kummissjoni daħħlet sorveljanza Komunitarja minn qabel fuq l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tal-ħadid u l-azzar li joriġinaw f’pajjiżi terzi. Dan ir-Regolment kien emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1337/2002 [6] ta’ l-24 ta’ Lulju 2002 sabiex jestendi l-iskop tas-sorveljanza.

    (2) Fis-6 ta’ Marzu 2002, ċerti Stati Membri għarrfu lill-Kummissjoni illi x-xejriet fl-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-ħadid u l-azzar dehru li jsejħu għal miżuri tas-salvagward; issotomettew tagħrif li kien fih ix-xiehda disponibbli kif stabbilit fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 3285/94 u l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 519/94; u talbu lill-Kummissjoni li timponi miżuri proviżorji tas-salvagwardar u li tiftaħ investigazzjoni ta’ salvagwardar.

    (3) Fl-20 ta’ Marzu 2002, l-Istati Uniti ta’ l-Amerika imponiet miżuri definittivi ta’ salvagwardar fuq firxa wiesgħa ta’ prodotti ta’ l-azzar fil-għamla ta’ kwoti tat-tariffi u dazji addizzjonali li jinfirxu minn 8 % sa 30 % ad valorem.

    (4) Fit-28 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni li kellha x’taqsam mal-ħsara jew it-theddid serju ta’ din għall-produtturi Komunitarji bħall-21 prodotti ta’ l-azzar importati jew li jikkompetu b’mod dirett magħhom.

    (5) Fl-istess jum, fuq il-bażi tat-tagħrif miġbur u vverifikat qabel il-bidu, kienu imposti miżuri proviżorji fuq 15-il prodott ta’ l-azzar koperti bl-investigazzjoni.

    (6) Bir-Regolament (KE) Nru 1694.2002 tas-27 ta’ Settembru 2002 [7], wara li l-Kummissjoni stabbilixxiet illi l-importazzjonijiet miżjuda fuq seba’ prodotti speċifikati fl-Anness 1(a) kienu qegħdin jagħmlu dannu gravi lill-produtturi Komunitarji, imponiet miżuri definittivi ta’ salvagwardar kontra dawn il-prodotti fil-għamla ta’ dazji addizzjonali li jitħallsu fuq l-importazzjonijiet li jaqbżu l-kwoti rilevanti tat-tariffa. L-utilizzazzjoni ta’ dawn il-kwoti tat-tariffa tista’ tiġi mmonitorjata fuq bażi ta’ kuljum.

    (7) Bir-Regolament (KE) Nru 1695/2002 tas-27 ta’ Settembru 2002 [8], wara li l-Kummissjoni stabbilixxiet illi l-importazzjonijiet miżjuda ta’ l-14-il prodott speċifikati fl-Anness 1(b) kienu qegħdin jheddu li jikkawżaw dannu lill-produtturi Komunitarji, u illi kien fl-interess tagħha li tagħmel dan, imponiet sistema ta’ sorveljanza retrospettiva fejn jidħlu dawn l-14-il prodott.

    (8) Is-sistemi msemmija hawn fuq rigward il-moniteraġġ tal-kwoti tat-tariffa ta’ salvagwardar u tas-sorveljanza retrospettiva jipprovdu tagħrif dwar l-oriġini ta’ wħud biss mill-importazzjonijiet li jidħlu fis-suq Komunitarju u ma jipprovdux tagħrif dwar il-prezzijiet ta’ dawn l-importazzjonijiet. Lanqas ma jipprovdu tagħrif dwar l-istruttura tal-flussi kummerċjali futuri.

    (9) L-istatistiċi Komunitarji dwar il-kummerċ barrani ma jkunux disponibbli fil-perjodi taż-żmien stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1917/2000 [9], kif emendat bir-Regolament 1669/2001 [10].

    (10) Madankollu, l-istatistiċi disponibbli dwar l-importazzjonijiet tal-prodotti ta’ l-azzar speċifikati fl-Anness 1 juru x-xejriet li ġejjin, li jheddu li jikkawżaw dannu lill-produtturi Komunitarji:

    (tunnellati metriċi) |

    It-Tip tal-prodott | 1999 | 2000 | 2001 | 2002(6 xhur) |

    Il-prodotti ċatti | 10818943 | 13641836 | 13916538 | 6058977 |

    Il-prodotti twal | 5053766 | 5184421 | 5482925 | 2772014 |

    It-Tubi u l-pajpijiet: | 2541117 | 2930406 | 2903729 | 1384322 |

    (11) Għalkemm ċerti kategoriji ta’ prodotti juru xi deklin fl-importazzjonijiet, irid jiġi mfakkar illi numru ta’ prodotti ta’ l-azzar kien bla ħsara għall-miżuri proviżorji ta’ salvagwardar għall-azzar matul parti minn dan il-perjodu taż-żmien. Barra minn hekk, huwa ċar illi l-kuntest internazzjonali jista’ jwassal għal iktar bdil fid-direzzjoni tal-kummerċ għall-Komunità minħabba l-fatt illi s-suq dinji ta’ l-azzar jibqa’ mhux stabbli u ħafna pajjiżi ħadu, jew qegħdin jikkunsidaw, miżuri tas-salvagward.

    (12) Saħansitra, mill-imposizzjoni tal-miżuri tas-salvagward fuq firxa wiesgħa ta’ prodotti ta’ l-azzar mill-Istati Uniti f’Marzu 2002, il-Komunità Ewropea u ħafna pajjiżi (inklużi l-Bulgarija, il-Kanada, iċ-Ċina, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, l-Indja, l-Indoneżja, il-Malasja, il-Messiku u l-Polonja) interessati fl-impatt possibbli ta’ dawn il-miżuri u iktar bikrija fuq is-suq dinji ta’ l-azzar inizjaw investigazzjonijiet ta’ salvagwardar li għandhom x’jaqsmu ma’ firxa ta’ prodotti ta’ l-azzar. F’xi każijiet, diġà ttieħdu miżuri definittivi ta’ salvagwardar. Huwa għalhekk ċar illi jista’ jkun hemm iktar fluttwazzjonijiet maġġuri fl-istruttura tas-suq internazzjonali ta’ l-azzar, u b’mod partikolari l-liwja lejn is-suq Komunitarju li jikkawża dannu lill-produtturi Komunitarji.

    (13) Fl-istess waqt, l-istatistiċi tal-produzzjoni jindikaw illi l-produzzjoni ta’ l-azzar mhux maħdum fil-Komunità waqgħet mill-163,2 miljun tunnellata metrika fis-sena 2000, għal 185,5 miljun tunnellata metrika fi-sena 2001 u għal 118,9 miljun tunnellata metrika fl-ewwel disa’ xhur tas-sena 2002. L-impjiegi mill-produtturi Komunitarji niżel ukoll, minn 276700 fis-sena 2000 għal 270000 [12] fis-sena 2001, u huwa previst li jinżel iktar fis-sena 2002. Teżisti rabta ġenwina u sostanzjali bejn l-iżvilupp ta’ dawn l-indikaturi ekonomiċi u x-xejriet fl-importazzjonijiet, u huwa għalhekk ikkunsidrat illi x-xeriet fl-importazzjonijiet jheddu dannu lill-produtturi Komunitarji.

    (14) Għalhekk, l-interessi Komunitarji jeħtieġu illi l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ta’ l-azzar għandhom jissoktaw u jkunu bla ħsara għas-sorveljanza Komunitarja minn qabel sabiex jiġi pprovdut it-tagħrif statistiku avanzat li jippermetti analiżi mħaffa tax-xejriet ta’ l-importazzjonijiet.

    (15) Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi illi, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 3285/94 u l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 519/94, għandha tissokta sistema ta’ sorveljanza minn qabel fejn jidħlu l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ta’ l-azzar li huma ddestinati għall-esportazzjoni lejn il-Komunità. Filwaqt li jitqies it-tul taż-żmien tal-miżuri tas-salvagwardar għall-azzar imposti mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika f’Marzu 2002, huwa xieraq illi din is-sistema għandha tissokta sa’ l-aħħar ta’ Marzu 2005.

    (16) Barra minn hekk, biex ma jiddaħħlux kostrizzjonijiet mhux meħtieġa u biex ma jiġux iddisturbati b’mod eċċessiv l-attivitajiet tal-kumpaniji qrib il-fruntieri, huwa mixtieq li jiġu esklużi l-importazzjonijiet ta’ kwantitajiet żgħar mill-iskop tas-sorveljanza Komunitarja minn qabel. Għalhekk, l-importazzjonijiet li l-piżijiet netti tagħhom ma jaqbżux il-500 kilogramma għandhom jiġu esklużi mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 76/2002 huwa emendat kif ġej:

    1. fl-aħħar ta’ l-Artikolu 1, żid:

    "3. L-importazzjonijiet li l-piżijiet netti tagħhom ma jaqbżux il-500 kilogramma huma esklużi mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament."

    2. fl-Artikolu 6 ibdel il-frażi "il-31ta’ Diċembru 2002" bil-frażi "il-31 ta’ Marzu 2005".

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, it-30 ta’ Diċembru 2002.

    Għall-Kummissjoni

    Pascal Lamy

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 319, tal-31.12.1994, pġ. 53.

    [2] ĠU L 286, tal-11.11.2000, pġ. 1.

    [3] ĠU L 67, ta’ l-10.03.1994, pġ. 89.

    [4] ĠU L 159, tat-3.06.1998, pġ. 1.

    [5] ĠU L 16, tat-18.02.2002, pġ. 3.

    [6] ĠU L 195, ta’ l-24.07.2002, pġ. 25.

    [7] ĠU L 261, tat-28.09.2002, pġ. 1.

    [8] ĠU L 261, tat-28.09.2002, pġ. 124.

    [9] ĠU L 229, tad-09.09.2000, pġ. 14.

    [10] ĠU L 224, tal-21.08.2001, pġ. 3.

    [12] Id-data għadha m’hijiex iffinalizzata u hija soġġetta għar-reviżjoni.

    --------------------------------------------------

    Top