Este documento é um excerto do sítio EUR-Lex
Documento 32002R0743
Council Regulation (EC) No 743/2002 of 25 April 2002 establishing a general Community framework of activities to facilitate the implementation of judicial cooperation in civil matters
Ir-Regolament (KE) Nru 743/2002 tal-25 ta' April 2002 li jistabbilixxi qafas ġenerali ta' attivitajiet tal-Komunità li jiffaċilita l-implimentazzjoni ta' koperazzjoni ġudizzjarja f'affarijiet ċivili
Ir-Regolament (KE) Nru 743/2002 tal-25 ta' April 2002 li jistabbilixxi qafas ġenerali ta' attivitajiet tal-Komunità li jiffaċilita l-implimentazzjoni ta' koperazzjoni ġudizzjarja f'affarijiet ċivili
ĠU L 115, 1.5.2002, p. 1—5
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)
Em vigor
Official Journal L 115 , 01/05/2002 P. 0001 - 0005
Ir-Regolament (KE) Nru 743/2002 tal-25 ta' April 2002 li jistabbilixxi qafas ġenerali ta' attivitajiet tal-Komunità li jiffaċilita l-implimentazzjoni ta' koperazzjoni ġudizzjarja f'affarijiet ċivili IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 61(ċ) u l-Artikolu 67) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3], Billi: (1) L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet fuqha l-għan li żżomm u tiżviluppa żona ta' libertà, sigurtà, u ġustizzja, li fiha l-moviment liberu tal-persuni huwa assigurat. Għal dan l-iskop, il-Komunità trid tadotta, fost oħrajn, il-miżuri fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja f'affarijiet ċivili meħtieġa għall-funzjoni sewwa tas-suq intern. (2) Fit-3 ta' Diċembru 1998, il-Kunsill adotta pjan ta' azzjoni tal-Kunsill u l-Kummissjoni kif l-aħjar ikunu implimentati d-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Amsterdam f'żona ta' libertà, sigurtà, u ġustizzja (minn issa ‘il quddiem "il-pjan ta' azzjoni ta' Vjenna") [4]. (3) Il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Tampere tal-15 u s-16 ta' Ottubru 1999 adottat il-konklużjonijiet imsemmija "Lejn unjoni ta' libertà, sigurtà u ġustizzja: il-punti ta' Tampere". (4) Fit-30 ta' Novembru 2000, il-Kunsill adottat programm konġunt tal-Kummissjoni u l-Kunsill ta' miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet f'affarijiet ċivili u kummerċjali [5]. (5) L-Azzjoni Konġunta 96/636/JHA [6] stabbilixxiet, għall-perjodu mill-1996 sa l-2000, programm ta' inċentivi u skambji għall-professjonisti legali (Grotius). (6) Bir-Regolament (KE) Nru 290/2001 [7], il-programm ta' inċentivi u skambji għall-prattikanti legali fil-qasam tal-liġi ċivili (Grotius ċivili) kien estiż biss għal perjodu ta' transizzjoni ta' sena sakemm joħroġ ir-riżultat ta' analiżi sħiħa ta' kif l-azzjonijiet u s-sosteniment tal-Komunità għandhom ikunu ffokati fil-futur. (7) Id-Deċiżjoni Nru 1496/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [8] tistabbilixxi programm ta' azzjoni biex itejjeb l-għarfien tal-liġi tal-Komunità fil-professjonijiet legali (il-proġett ta' Robert Schuman) għal perjodu ta' tliet snin. (8) Qafas ġenerali flessibbli u effettiv għall-azzjonijiet tal-Komunità fil-qasam tal-liġi ċivili huwa meħtieġ jekk l-għanijiet ambizzjużi stabbiliti mit-Trattat, il-pjan ta' azzjoni ta' Vjenna u l-konklużjonijiet ta' Tampere se jkunu realizzati. (9) Il-qafas ġenerali għall-attivitajiet tal-Komunità għandu jipprovdi għal inizzjattivi li jittieħdu mill-Kummissjoni, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, għal azzjonijiet bħala appoġġ lill-organizzazzjonijiet li jippromwovu u jiffaċilitaw il-koperazzjoni ġudizzjarja f'affarijiet ċivili, u għal azzjonijiet bħala appoġġ għal proġetti speċifiċi. (10) Numru ta' azzjonijiet huma meħtieġa għal aktar żvilupp tal-koperazzjoni ġudizzjarja f'affarijiet ċivili u għandhom għalhekk isiru fil-qafas tal-programm għall-attivitajiet tal-Komunità. L-ippjanar u l-implimentazzjoni ta' dawk l-azzjonijiet jibbenefikaw meta jinġabru flimkien f'qafas ġenerali għall-attivitajiet tal-Komunità. (11) L-azzjonijiet tal-Kummissjoni jistgħu jinkludu azzjonijiet speċifiċi, bħal studji, riċerka, seminarijiet, konferenzi, laqgħat ta' esperti, pubblikazzjonijiet, manwali, databases u/jew siti ta' l-internet, kif ukoll miżuri biex jitqassmu r-riżultati ta' proġetti ffinanzjati bi sħab taħt il-qafas ġenerali għall-attivitajiet tal-Komunità. (12) Qafas ġenerali għall-attivitajiet tal-Komunità biex itejjeb il-fehma reċiproka tas-sistemi legali u ġudizzjarji ta' l-Istati Membri se jikkontribwixxi lejn t-tnaqqis fil-barrieri tal-koperazzjoni ġudizzjarja f'affarijiet ċivili, li se jtejbu l-funzjoni tas-suq intern. (13) Miżuri biex jiżguraw li użu tajjeb isir mill-istrumenti tal-Komunità fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja f'affarijiet ċivili huma meħtieġa; ikunu aktar effettivi jekk ikunu kkordinati taħt qafas ġenerali għall-attivitajiet tal-Komunità. (14) Peress l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta ma tistax tintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba d-dimensjoni Ewropea meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet tagħha, l-ekonomiji mistennija ta' l-iskala u l-effetti kumulattivi ta' l-azzjonijiet ippjanati, jintlaħqu aħjar mill-Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif ippreżentat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif ippreżentat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet. (15) Il-parteċipazzjoni f'dan il-qafas ġenerali għall-attivitajiet tal-Komunità tal-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea se tipprovdi preparazzjoni utli għall-adeżjoni, b'mod partikolari dwar l-abbiltà ta' dawk il-pajjiżi li japplikaw l-acquis tal-Komunità. (16) Ċerti prinċipji għandhom jitniżżlu dwar is-sanzjonijiet li għandhom ikunu imposti fejn jinstabu irregolaritajiet jew fejn mhux rispettati l-obbligi taħt ftehim ta' għoti bejn il-Kummissjoni u l-benefiċjarji. (17) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tniżżel il-proċeduri għall-eserċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [9]. (18) Il-programm tax-xogħol ta' kull sena għandu jkun adottat bil-proċedura tal-kumitat ta' l-amministrazzjoni sabiex jiżgura miżura ta' bilanċ istituzzjonali, wara li jkun ikkunsidrat il-fatt li l-azzjonijiet speċifiċi pprovduti fl-Artikolu 3(1) għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni. (19) Ir-Renju Unit u l-Irlanda, skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, avżaw bir-rieda tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. (20) Id-Danimarka, skond l-Artikolu 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, mhux qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, li mhux vinkolanti fuq id-Danimarka u lanqas ma japplika għaliha, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: IL-KAPITOLU I GĦANIJIET U ATTIVITAJIET Artikolu 1 Is-suġġett 1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi, għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2002 sal-31 ta' Diċembru 2006, qafas ġenerali għall-attivitajiet tal-Komunità li jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-koperazzjoni fi kwistjonijiet ċivili (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ "il-qafas ġenerali"). 2. Dan ir-Regolament m'għandux jgħodd għad-Danimarka. Artikolu 2 Għanijiet Il-qafas ġenerali għall-attivitajiet għandu jkollu l-għanijiet li ġejjin: 1. li jippromwovi l-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili, immirata b,mod partikolari biex: (a) tiżgura ċertezza legali u ttejjeb l-aċċess għall-ġustizzja; (b) tippromwovi rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet u s-sentenzi ġudizzjarji; (ċ) tippromwovi l-approssimazzjoni meħtieġa tal-leġislazzjoni; jew (d) telimina l-ostakli li jinħolqu minn disparità bejn il-liġi ċivili u l-proċeduri ċivili; 2. li jtejjeb it-tagħrif reċiproku tas-sistemi legali u ġudizzjarji ta' l-Istati Membri fi kwistjonijiet ċivili; 3. li jiżgura implimentazzjoni u applikazzjoni soda ta' l-istrumenti tal-Komunità fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili; u 4. li jtejjeb l-informazzjoni għall-pubbliku dwar l-aċċess għall-ġustizzja, il-koperazzjoni ġudizzjarja u s-sistemi legali ta' l-Istati Membri fi kwistjonijiet ċivili. Artikolu 3 Tipi ta' attivitajiet Attivitajiet li jingħataw appoġġ finanzjarju jew li jsiru taħt dan il-qafas ġenerali għall-attivitajiet għandhom isegwu mill-anqas wieħed mill-għanijiet fl-Artikolu 2 u għandhom jikkonsistu minn: 1. azzjonijiet speċifiċi li jittieħdu mill-Kummissjoni; jew 2. azzjonijiet li jipprovdu appoġġ finanzjarju għal proġetti speċifiċi ta' interess għall-Komunità taħt il-kondizzjonijiet ippreżentati fl-Artikolu 5; jew 3. azzjonijiet li jipprovdu appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi taħt il-kondizzjonijiet ippreżentati fl-Artikolu 6. Artikolu 4 Parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi Dan il-qafas ġenerali għall-attivitajiet għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta': 1. il-pajjiżi kandidati ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (CEECs), skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim Ewropew, fil-protokolli tagħhom u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsilli rispettivi ta' l-Assoċjazzjoni; 2. Ċipru, Malta u t-Turkija, fuq il-bażi tal-ftehim bilaterali li għandhom ikunu konklużi ma' dawn il-pajjiżi; u 3. pajjiżi oħra, meta jkunu jippermettu ftehim u proċeduri. Artikolu 5 Proġetti speċifiċi 1. Il-proġetti speċifiċi riferuti fl-Artikolu 3(2) għandhom jikkonsistu minn waħda jew aktar minn dawn li ġejjin: (a) taħriġ; (b) skambji u tqegħid f'postijiet għall-esperjenzi tax-xogħol; (ċ) studji u riċerka; (d) laqgħat u seminarijiet; (e) tqassim ta'informazzjoni. 2. Proġetti jistgħu jintbagħtu mill-istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati, inklużi organizzazzjonijiet professjonali, istituzzjonijiet ta' riċerka u istituzzjonijiet ta' taħriġ/aktar taħriġ legali u ġudizzjarju għall-prattikanti tal-liġi. "Prattikanti legali" tfissers, inter alia, mħallfin, prosekuturi, avukati, avukati li jagħtu pariri legali, persunal akkademiku u xjentifiku, uffiċjali ministerjali, uffiċjali tal-qorti, uffiċjali tal-qorti taċ-ċitazzjonijiet u arresti, interpreti tal-qorti u professjonijiet oħra assoċjati mal-ġudikatura fil-qasam tal-liġi ċivili. 3. Biex ikunu eliġibbli għall-iffinanzjar bi sħab, il-proġetti jrdiu jinvolvu mill-anqas tliet pajjiżi li qed jieħdu sehem f'dan il-qafas ġenerali għall-attivitajiet. Il-proġetti jistgħu wkoll jassoċjaw prattikanti mid-Danimarka, mill-pajjiżi kandidati fejn din tikkontribwixxi mal-preparazzjoni tagħhom għall-adeżjoni, jew minn pajjiżi terzi oħra li ma jieħdux sehem f'dan il-qafas għall-attivitajiet fejn din taqdi l-għanijiet tal-proġetti. Artikolu 6 Attivitajiet ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi Appoġġ finanzjarju għall-azzjonijiet riferuti fl-Artikolu 3(3) jistgħu jingħataw biex jappoġġaw attivitajiet inklużi fil-programmi ta' kull sena ta' attività minn organizzazzjonijiet mhux governattivi li jħarsu l-kriterji li ġejjin: 1. iridu jkunu organizzazzjonijiet li ma jagħmlux qligħ; 2. iridu jkunu kostitwiti skond il-liġi ta' wieħed mill-Istati Membri; 3. iridu jsegwu attivitajiet f'dimensjoni Ewropea u jinvolvi, bħala regola ġenerali, mill-anqas nofs l-Istati Membri; 4. l-għanijiet ta' l-attivitajiet tagħhom iridu jinkludu għan wieħed jew aktar stabbilit fl-Artikolu 2. IL-KAPITOLU II FINANZJAMENT, IMPLIMENTAZZJONI U PROĊEDURI Artikolu 7 Finanzjament 1. Il-finanzjament bi sħab ta' l-attivitajiet taħt dan il-qafas ġenerali għandu jkun esklussiv minn kull finanzjament ieħor minn programm ieħor iffinanzjar mill-estimi ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. 2. L-azzjonijiet riferuti fl-Artikolu 3(1), minn naħa waħda, u l-Artikolu 3(2) u (3), min-naħa l-oħra, għandhom jirċievu sehem ekwitabbli ta' l-ammont ta' kull sena. 3. Il-proporzjon ta' l-appoġġ finanzjarju mill-estimi ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea ma jistax, bħala prinċipju, jaqbeż is-60 % ta' l-ispejjeż ta' l-azzjonijiet riferuti fl-Artikolu 3(2) jew (3). Madankollu, taħt ċirkostanzi ta' eċċezzjoni, appoġġ finanzjarju jista' jammonta għal 80 %. Artikolu 8 Implimentazzjoni 1. Il-Kummissjoni għandha tippubblika kull sena, jekk possibbli qabel it-30 ta' Ġunju, programm ta' kull sena tax-xogħol: (a) li jippreżenta l-prijoritajiet bħala għanijiet u tipi ta' attivitajiet għas-sena ta' wara; (b) li jagħti deskrizzjoni ta' l-azzjonijiet riferuti fl-Artikolu 3(1), li l-Kummissjoni bi ħsiebha tieħu; u (ċ) li jinkludi deskrizzjoni tal-kriterji ta' l-għażla u ta' l-għoti u l-proċeduri kif jintefgħu u jkunu approvati l-proposti ta' azzjoni riferuti fl-Artikolu 3(2) u (3). 2. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-programm ta' kull sena tax-xogħol skond il-proċedura riferuta fl-Artikolu 13(2). 3. Il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari għall-kriterji li ġejjin meta tivvaluta u tagħżel il-proposti: (a) l-abbiltà li tikkontribwixxi għall-għanijiet fl-Artikolu 2; (b) l-orjentazzjoni biex ikunu solvuti l-problemi; (ċ) id-dimensjoni Ewropea; (d) il-miżuri ppjanati biex jiżguraw it-tqassim ta' riżultati; (e) il-komplementarjetà ma' attivitajiet tal-passat, preżenti jew futuri oħra; u (f) id-daqs ta' l-azzjoni, b'mod partikolari fuq bażi ta' ekonomiji ta' l-iskala u kemm huma effettivi kontra l-ispejjeż. 4. Il-Kummissjoni għandu jeżamina kull waħda mill-azzjonijiet ta' abbozz mibgħuta lilha, kif riferut fl-Artikolu 3(2) u (3). Id-deċiżjonijiet dwar dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu adottati skond il-proċedura riferuta fl-Artikolu 12(2). Artikolu 9 Deċiżjonijiet finanzjarji 1. Id-deċiżjonijiet finanzjarji tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 3(2) u (3) għandhom ikunu segwiti minn ftehim ta' għoti bejn il-Kummissjoni u l-benefiċjarji. 2. Id-deċiżjonijiet finanzjarji u l-ftehim ta' l-għoti li joħorġu minnhom għandhom ikunu suġġetti għall-kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni u għall-verifiki mill-Qorti ta' l-Awdituri. Artikolu 10 Sorveljanza 1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura s-sorveljanza u s-superviżjoni regolari ta' l-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Komunità. Is-sorveljanza u s-superviżjoni għandhom isiru fuq il-bażi ta' rapporti bl-użu tal-proċeduri miftehma bejn il-Kummissjoni u l-benefiċjarji. Dawn jistgħu jinkludu kontrolli in situ permezz ta' teħid ta' kampjuni. 2. Il-benefiċjarji għandhom jibagħtu rapport lill-Kummissjoni għal kull azzjoni matul it-tliet xhur tat-tlestija tagħha. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-forma ta' dan ir-rapport, inkluż it-tip ta' informazzjoni li trid tkun inkluża fih. 3. Il-benefiċjarji ta' l-appoġġ finanzjarju għandhom iżommu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-evidenza dokumentarja kollha ta' l-ispiża għal perjodu ta' ħames snin mill-aħħar pagament dwar azzjoni. Artikolu 11 Tqassim ta' informazzjoni 1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-pubblikazzjoni ta' kull sena tal-benefiċjarji u ta' l-attivitajiet iffinanzjati taħt dan il-qafas ġenerali, inkluża indikazzjoni ta' l-ammont ta' l-appoġġ. 2. Fejn il-proġetti ffinanzjati taħt l-Artikolu 3(2) ma jipprovdux għal tqassim ta' riżultati u fejn dan kieku jikkontribwixxi għal waħda mill-għanijiet fl-Artikolu 2, miżuri jistgħu jittieħdu mill-Kummissjoni. 3. Fil-bidu ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-Kumitat ta' l-Artikolu 12 bl-informazzjoni dwar l-attivitajiet li ttieħdu taħt l-Artikolu 3(1) fis-sena ta' qabel. Artikolu 12 Kumitat 1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat ("il-Kumitat ta' l-Artikolu 12"). 2. Meta ssir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. 3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura. Artikolu 13 Kumitat ta' Amministrazzjoni 1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat ("il-Kumitat ta' l-Artikolu 13"). 2. Meta ssir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. Il-perjodu pprovdutl fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE ikun stabbilit għal tliet xhur. 3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura. Artikolu 14 Sanzjonijiet 1. Is-sanzjonijiet għandhom ikunu rregolati fil-ftehim ta' l-għoti skond dan ir-Regolament. 2. Il-Kummissjoni tista' ttemm ftehim ta' l-għoti konkluż taħt il-qafas ġenerali jekk issib irregolaritajiet, jew jekk ma jitħarsux obbligi taħt il-ftehim ta' l-għoti. Jekk jinstabu irregolaritajiet jew jekk ma jitħarsux l-obbligi taħt il-ftehim ta' l-għoti, il-Kummissjoni tista' tissospendi l-pagament tal-bilanċ ta' l-appoġġ finanzjarju. Il-Kummissjoni għandha titlob lill-benefiċjarju biex jispjega jew jirranġa s-sitwazzjoni f'perjodu raġonevoli stabbilit mill-Kummissjoni. Jekk it-tweġiba mhux sodisfaċenti jew jekk is-sitwazzjoni ma tkunx irranġata, il-Kummissjoni tista' ttemm il-ftehim ta' l-għoti u titlob rifużjoni tas-somom li diġà tħallsu, b'pagament ta' imgħax fil-każ tan-nuqqas ta' ħlas. 3. Jekk ma jitħarsux xi obbligi taħt il-ftehim, il-Kummissjoni tista' tnaqqas il-bilanċ ta' appoġġ finanzjarju u titlob għal parti minn xi somma diġà tħallset li għandha tkun imħallsa lura, bil-pagament ta' imgħax fil-każ tan-nuqqas ta' ħlas. Artikolu 15 Rapportar u valutazzjoni 1. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-aktar tard sat-30 ta' Ġunju 2004 dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-qafas ġeneral, inklużi r-riżultati tal-kontroll, ir-rapporti u s-sorveljanza ta' l-attivitajiet. 2. Il-Kummissjoni għandu jibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' valutazzjoni dwar dan il-qafas ġenerali biex ikun għad-dispożizzjoni fil-ħin għal tiġdid possibbli tal-qafas ġenerali jew sal-31 ta' Diċembru 2005 l-aktar tard. Dan ir-rapport ikun jinkludi valutazzjoni ta' kemm qed ikunu effettivi kontra l-ispejjeż u stima, ibbażata fuq indikaturi tar-rendiment, ta' jekk l-għanijiet humiex jintlaħqu jew le. Artikolu 16 Dħul fis-seħħ Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri, skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Magħmul fil-Lussemburgu, fil-25 ta' April 2002. Għall-Kunsill Il-President M. Rajoy Brey [1] ĠU C 213E, tal-31.7.2001, p. 271. [2] Opinjoni li twasslet fit-12 ta' Marzu 2002 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [3] ĠU C 36, tat-8.2.2002, p. 77. [4] ĠU C 19, tat-23.1.1999, p. 1. [5] ĠU C 12, tal-15.1.2001, p. 1. [6] ĠU L 287, tat-8.11.1996, p. 3. [7] ĠU L 43, ta' l-14.2.2001, p. 1. [8] ĠU L 196, ta' l-14.7.1998, p. 24. [9] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23. --------------------------------------------------