Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002L0030

Id-Direttiva 2002/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Marzu 2002 dwar l-istabbiliment ta' regoli u proċeduri għall-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet tal-ħoss fl-ajruporti tal-KomunitàTest b'relevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 85, 28.3.2002, p. 40–46 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/06/2016; Imħassar b' 32014R0598

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/30/oj

32002L0030



Official Journal L 085 , 28/03/2002 P. 0040 - 0046


Id-Direttiva 2002/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-26 ta' Marzu 2002

dwar l-istabbiliment ta' regoli u proċeduri għall-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet tal-ħoss fl-ajruporti tal-Komunità

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabBilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Bi qbil mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4],

Billi:

(1) Għan ewlieni tal-politika komuni dwar it-trasport huwa l-iżvilupp sostenibbli. Dan jitlob metodu integrat li jiżgura kemm il-funzjonament effettiv tas-sistemi ta' trasport tal-Komunità kif ukoll Il-ħarsien ta' l-ambjent.

(2) L-iżvilupp sostenibbli tat-trasport bl-ajru jirrIkjedi l-introduzzjoni ta' miżuri maħsuba biex inaqqsu l-ħoss mill-ajruplani fl-ajruporti li jkollhom problemi ta' ħoss.

(3) Ġew stabbiliti normi ġodda, aktar stretti dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-ħoss, imfissra fil-Volum 1, Part II, Kapitolu 4 ta' l-Anness 16 mal-Konvenzjoni fuq l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fil-qafas ta' l-Organizzazzjoni ta' l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) u għandhom itejbu l-livelli ta' ħoss madwar l-ajruporti fit-tul.

(4) In-normi li jinsabu fil-Kapitolu 4 ġew stabbiliti għaċ-ċertifikazzjoni ta' l-ajruplani u mhux bħala bażi għall-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet fuq l-użu ta' l-ajruplani.

(5) L-irtirar gradwali ta' l-ajruplani li jaqgħu taħt il-Kapitolu 2 b'mod konformi mad-Direttiva tal-Kunsill 92/14 tat-2 ta' Marzu 1992 fuq il-limitazzjoni ta' l-użu ta' l-ajruplani koperti mill Parti II, Kapitolu 2, Volum 1 ta' l-Anness 16 mal-Konvenzjoni fuq l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, it-tieni edizzjoni (1988) [5] għandu jitlesta fl-1 ta' April 2002 u miżuri oħra jkunu jridu jittieħdu sabiex ma jerġgħux jogħlew il-livelli tal-ħoss wara l-2002, jekk ikompli jiżdied it-trasport bl-ajru fl-Ewropa.

(6) L-użu ta' ajruplani li jħarsu l-ambjent aħjar jista' jikkontribwixxi għal użu aħjar tal-wisa' fl-ajruporti u jittejjeb l-iżvilupp infrastrutturali fl-ajruporti skond kif jitlob is-suq.

(7) Qafas komuni ta' regoli u proċeduri għall-introduzzjoni fl-ajruporti ta' restrizzjonijiet fuq l-użu, bħala metodu bilanċjat ta' l-immaniġjar tal-ħoss, għandu jgħin biex iħares il-kondizzjonijiet meħtieġa mis-suq intern billi jiddaħħlu restrizzjonijiet fuq l-użu simili fl-ajruporti li jkollhom bejn wieħed u ieħor l-istess problemi ta' ħoss. Dan jinkludi l-istima ta' l-impatt tal-ħoss f'ajruport u l-evalwazzjoni tal-miżuri li jistgħu jittieħdu sabiex jitnaqqas dak il-ħoss, u l-għażla tal-miżuri addattati sabiex jittaffa l-ħoss bil-għan li jinkiseb l-akbar benefiċċju ambjentali bl-anqas nefqa.

(8) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nr 2408/92 tat-23 ta' Lulju 1992 fuq l-aċċess għat-trasportaturi bl-ajru tal-Komunità għar-rotot ta' l-ajru Komunitarji interni [6] kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 9 għal, fost l-oħrajn, il-pubblikazzjoni u l-eżaminazzjoni ta' restrizzjonijiet ġodda fuq l-użu: għandha tiġi stabbilita r-relazzjoni ta' dawk id-disposizzjonijiet mad-Direttiva.

(9) L-interess leġittimu tas-settur tat-trasport bl-ajru li jimplimenta soluzzjonijiet ekonomikament effiċjenti sabiex jintlaħqu l-livelli ta' ħoss mixtieqa.

(10) It-33 Assemblea ta' l-ICAO adottat ir-Risoluzzjoni A33/7 li tintroduċi l-kunċett ta' "metodu bilanċjat" għat-tnaqqis tal-ħoss, b'hekk twaqqaf politika għat-tnaqqis tal-ħoss ġenerat mill-ajruplani, inkluża l-għajnuna internazzjonali għall-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet fuq l-operat skond l-ajruport. Il-kunċett ta' "metodu bilanċjat" sabiex jitnaqqas il-livell ta' ħoss ġenerat mill-ajruplani jinvolvi erba' elementi prinċipali u jitlob evalwazzjoni bir-reqqa ta' l-għażliet kollha possibbli sabiex jitnaqqas il-ħoss, inkluż it-tnaqqis tal-ħoss ta' l-ajruplani minn fejn ikun joriġina, l-ippjanar ta' l-użu ta' l-art u l-miżuri ta' amministrazzjoni, il-proċeduri operattivi ta' tnaqqis tal-ħoss u r-restrizzjonijiet fuq l-użu, bla ħsara għall-obligi legali relevanti, il-liġijiet li jkunu fis-seħħ u l-politika f'dan ir-rigward.

(11) Il-metodu bilanċjat huwa pass importanti biex jitnaqqas il-ħoss. Iżda sabiex ikun hemm tnaqqis tal-ħoss b'mod effettiv u sostenibbli, hemm bżonn ukoll ta' normi tekniċi aktar stretti, bħal normi tal-ħoss aktar stretti għall-ajruplani flimkien ma' l-irtirar ta' l-ajruplani li jagħmlu ħafna ħoss.

(12) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-istima u l-immaniġġjar tal-ħoss fl-ambjent [7] li hija miżura orizzontali li tkopri l-mezzi ta' trasport kollha introduċiet metodu komuni għall-istima u l-immaniġjar tal-ħoss fl-ambjent. Din għandha l-għan li timmonitora l-problema ambjentali kkawżata mill-ħoss f'żoni abitati prinċipali u fil-viċinanzi ta' infrastrutturi tat-trasport prinċipali, inklużi l-ajruporti, li tpoġġi għad-disposizzjoni tal-pubbliku l-informazzjoni fuq il-ħoss fl-ambjent u l-effetti tiegħu fuq il-pubbliku, u li titlob lill-awtoritajiet kompetenti li jfasslu pjanijiet ta' azzjoni bil-ħsieb li jevitaw jew inaqqsu l-ħoss fl-ambjent fejn ikun hemm bżonn u li jinżammu l-livelli ta' ħoss fl-ambjent fejn dawn ikunu tajbin.

(13) Id-Direttiva tal-Kunsill 85/337 tas-27 ta' Ġunju 1985 fuq l-evalwazzjoni ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent [8] diġà tipprovdi għall-evalwazzjoni komprensiva tal-proġetti ta' l-ajruporti inkluż it-tnaqqis tal-ħoss. Dan jista' jitqies li jilħaq, parzjalment, il-kondizzjonijiet meħtieġa skond din id-Direttiva fil-każ ta' proġetti ta' estensjoni ta' l-infrastruttura ta' l-ajruporti.

(14) Evalwazzjoni ta' dan it-tip tista' turi li dawn l-għanijiet jistgħu biss jintlaħqu permezz ta' restrizzjoni fuq servizzi ġodda u l-irtirar gradwali ta' l-ajruplani li jilħqu l-istandard ta' ċertifikazzjoni tal-ħoss tal-Kapitolu 3 bi ftit.

(15) Għandha tiġi indirizzata l-problema tal-ħoss partikolari fl-ajruporti li jinsabu fiċ-ċentru ta' konurbazzjonijiet kbar ("l-ajruporti li jinsabu fl-ibliet") billi jiddaħħlu regoli aktar stretti.

(16) Hemm bżonn li titlesta l-lista indikattiva ta' l-ajruporti li jkunu jinsabu fl-ibliet skond l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri.

(17) L-infrastruttura ta' l-ajruporti għandha tiġi ffaċilitata biex jitħares l-iżvilupp sostenibbli tat-trasport bl-ajru.

(18) Hemm bżonn li jitħallew ikomplu l-miżuri eżistenti għat-tnaqqis tal-ħoss skond l-ajruport u għal ċerti tibdiliet tekniċi għar-restrizzjonijiet fuq l-operat ta' natura parzjali.

(19) Għandu jiġi evitat il-piż finanzjarju żejjed fuq il-pajjizi li jkunu qed jiżviluppaw billi jingħataw eżenzjonijiet, u dan għandu jinkludi l-miżuri għall-prevenzjoni ta' l-abbuż.

(20) Hemm bżonn li tiġi żgurata t-trasprenza u l-konsultazzjoni mal-partijiet kollha interessati rigward il-proposti dwar miżuri li għandhom x'jaqsmu mal-ħoss, inkluż l-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet ġodda fuq l-operat.

(21) L-operaturi għandhom ikunu avżati minn qabel fi żmien raġjonevoli meta jkunu se jiġu introdotti restrizzjoniet ġodda.

(22) Għandhom jiġu adottati disposizzjonijiet li jiżguraw id-dritt ta' appell kontra l-introduzzjoni restrizzjonijiet fuq l-operat għall-korp ta' appelli, li tista' tkun Qorti.

(23) Id-direttiva hija konformi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. L-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet fuq l-operat fl-ajruporti tal-Komunità tista' tgħin sabiex il-livelli ta' ħoss fl-ambjent madwar l-ajruporti ma jmorrux lura, iżda hemm ċans li jinħoloq xi tfixkil għall-kompetizzjoni. Dan il-għan jista' għalhekk ikun milħuq b'mod aktar effettiv mill-Komunità permezz ta' regoli armonizzati fuq l-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet fuq l-operat bħala parti mill-proċess ta' l-immaniġġjar tal-ħoss. Id-Direttiva hija limitata għall-minimu li hemm bżonn sabiex jintlaħaq dan l-għan u ma tmurx lil hinn minn dak li hemm bżonn għal dan il-għan.

(24) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati bi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tippreskrivi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [9].

(25) Il-miżuri li jinsabu f'din id-Direttiva jieħdu post dawk li jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 925/1999 tad-29 ta' April 1999 dwar ir-reġistrazzjoni u l-użu fit-territorju tal-Komunità ta' ċerti tipi ta' ajruplani bil-jet subsoniċi ċivili li jkunu ġew immodifikati u ċertifikati mill-ġdid bħala li jilħqu l-livelli stabbiliti fil-Volum I, Parti II, Kapitolu 3 ta' l-Anness 16 mal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili, it-tielet edizzjoni (Lulju 1993) [10] Minħabba f'hekkk dak ir-Regolament għandu jiġi abrogat,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

L-għanijiet

L-għanijiet ta' din id-Direttiva huma

(a) li jiġu stabbiliti regoli sabiex il-Komunità tiffaċilita l-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet fuq l-użu b'mod konsistenti fl-ajruporti sabiex jiġi llimitat jew jitnaqqas l-ammont ta' persuni li jkunu milquta ħażin ħafna mill-effetti ħżiena tal-ħoss;

(b) li jinħoloq qafas li jħares il-bżonnijiet interni tas-suq;

(ċ) li jiġi promoss żvilupp tal-wisa' ta' l-ajruporti li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent;

(d) li titħaffef il-kisba ta' l-għanijiet speċifiċi ta' tnaqqis tal-ħoss fl-ajruporti individwali;

(e) sabiex ikunu jistgħu jintgħażlu miżuri minn dawk disponibbli bl-għan li jinkiseb l-ikbar ġid għall-ambjent bl-anqas nefqa.

L-Artikolu 2

Definizjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

(a) "Ajruport" tfisser ajruport ċivili fit-territorju tal-Komunità li fih isiru aktar minn 50000 titjira ta' ajruplani bil-jet subsoniċi kull sena (titjira tfisser it-tlugħ jew nżul ta' ajruplan), meta jittieħed kont tal-medja ta' l-aħħar tliet snin qabel l-applikazzjoni tar-regoli ta' din id-Direttiva;

(b) "Ajruport li jkun jinsab ġo belt" tfisser ajruport fiċ-ċentru ta' konurbazzjoni kbira, li ma jkun fih ebda runway li tippermetti ġirja qabel it-tlugħ ta' aktar minn 2000 metru u li tipprovdi biss servizzi minn punt għal ieħor bejn jew fit-territorju ta' l-Istati Ewropej, fejn numru kbir ta' persuni jkunu effettwati b'mod ċar mill-ħoss ta' l-ajruplani u fejn kull żieda fit-titjiriet tkun ta' skomdu kbir minħabba l-ħsejjes estremi. Dawn l-ajruporti jinsabu elenkati fl-Annessi I. Dak l-Anness jista' jiġi emendat permezz tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13(3);

(ċ) "L-ajruplani bil-jet ċivili subsoniċi" l-ajruplani b'massa ta' tlugħ massima ċertifikata ta' 34000 kg jew aktar, jew b'numru ta' postijiet massimu ċertifikat għat-tip ta' ajruplan li jkun ta' aktar minn 19 il-passiġġier, minbarra l-postijiet ta' l-ekwipaġġ;

(d) "l-ajruplani li jkunu jikkonformaw bi ftit" tfisser l-ajruplani bil-jet subsoniċi ċivili, li jilħqu l-limiti taċ-ċertifikazzjoni li jinsabu fil-Volum 1, Parti II, 3 u 16 tal-Konvenzjoni fuq l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali b'marġni kumulattiv ta' aktar minn 5ĦEPdB (Ħoss Effettivament Perċepit f'deċibel), il-marġni kumulattiv huwa l-figura espressa fl-ĦEPdB meta jiżdiedu l-marġni individwali (fi kliem ieħor, id-differenza bejn l-livell ta' ħoss ċertifikat u l-ogħla livell ta' ħoss permess) f'kull wieħed mit-tliet puni ta' referenza għall-kejl tal-ħoss kif imfissra fil-Volum 1, Parti II, 3 jew 16 tal-Konvenzjoni fuq l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali;

(e) "Ir-restrizzjonijet fuq l-operat" tfisser il-miżuri li għandhom x'jaqsmu mal-ħoss li jillimitaw jew inaqqsu l-aċċess ta' l-ajruplani bil-jet subsoniċi ċivili għal ajruport. Dan jinkludi r-restrizzjonijiet fuq l-operat mmirati sabiex jiġu rtirati l-ajruplani li jkunu jikkonformaw bi ftit f'ċerti ajruporti kif ukoll restrizzjonijiet fuq l-operat ta' natura parzjali, li jeffettwaw l-użu ta' ajruplani subsonici ċivili skond il-perjodu;

(f) "Il-partijiet interessati" il-persuni fiżiċi jew legali effettwati jew li x'aktarx ikunu effettwati minn, jew li jkollhom interess leġittimu fl-introduzzjoni ta', miżuri ta' tnaqqis tal-ħoss, li jinkludu r-restrizzjonijiet fuq l-operat;

(g) "Il-Metodu Bilanċjat" għandu jfisser metodu li bih l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-miżuri disponibbli sabiex tiġi solvuta l-problema tal-ħoss f'ajruport fit-territorju tagħhom, jiġifieri l-effett prevedibbli ta' tnaqqis tal-ħoss ta' l-ajruplani minn fejn joriġina, l-ippjanar u l-immaniġjar ta' l-użu ta' l-art, il-proċeduri għat-tnaqqis tal-ħoss u r-restrizzjonijiet fuq l-operat.

L-Artikolu 3

L-awtoritajiet kompetenti

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-materji li jaqgħu taħt din id-Direttiva.

L-Artikolu 4

Ir-regoli ġenerali fuq l-immaniġjar tal-ħoss ta' l-ajruplani

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw metodu bbilanċjat biex jaffrontaw il-problemi li għandhom x'jaqsmu mal-ħoss fl-ajruporti fit-territorju tagħhom. Jistgħu wkoll jikkunsidraw l-inċentivi ekonomiċi bħala miżura għall-immaniġġjar tal-ħoss.

2. Meta jikkunsidraw ir-restrizzjonijiet fuq l-operat, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu kont l-ispejjeż li x'aktarx ikun hemm bżonn u l-benefiċċji tad-diversi miżuri disponibbli kif ukoll bħala karatteristiċi speċifiċi għal kull ajruport.

3. Il-miżuri jew kumbinazzjoni ta' miżuri meħuda skond din id-Direttiva m'għandhiex tkun aktar restrittiva milli jkun hemm bżonn sabiex jinkiseb l-għan ambjentali stabbilit għal ajruport partikolari. M'għandhomx jiddiskriminaw fuq bażi tan-nazzjonalità jew l-identità tal-kumpanija ta' l-ajru jew il-manifattur ta' l-ajruplan.

4. Ir-restrizzjonijiet ta' l-operat skond il-prestazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq il-prestazzjoni tal-ħoss ta' l-ajruplani skond il-proċeduri ta' ċertifikazzjoni li tkun saret skond il-Volum 1 sa 16 tal-Konvenzjoni fuq l-Avjazzjoni Ċiviili Internazzjonali, it-tielet edizzjoni, (1993).

L-Artikolu 5

Ir-regoli ta' l-istima

1. Meta tkun qed tiġi kkunsidrata deċiżjoni fuq ir-restrizzjonijiet ta' l-operat, għandu jittieħed kont ta' l-informazzjoni kif tkun msemmija fl-Anness II, sa fejn ikun possibbli, għar-restrizzjonijiet fuq l-operat u għal karatteristiċi ta' l-ajruport.

2. Fejn il-proġetti ta' l-ajruporti jkunu soġġetti għal studju fuq l-impatt ambjentali b'mod konformi mad-Direttiva 85/337, l-istudju mwettaq skond dik id-Direttiva għandu jitqies li jilħaq il-kondizzjonijiet mitluba fil-paragrafu 1, diment li dak l-istudju jkun ikkunsidra sa fejn possibbli l-informazzjoni msemmija fl-Anness II ma' din id-Direttiva.

L-Artikolu 6

Ir-regoli fuq l-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet fuq l-operat mmirati sabiex jiġu rtirati l-ajruplani li jkunu jissodisfaw il-kondizzjonijiet neċessarji bi ftit

1. Jekk l-evalwazzjoni tal-miżuri kollha disponibbli, inklużi r-restrizzjonijiet parzjali fuq l-operat, mwettqa b'mod konformi mal-kondizzjonjiet neċessarji skond l-Artikolu 5 turi li l-kisba ta' l-għanijiet ta' din id-Direttiva jitolbu l-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet mmirati sabiex jiġu rtirati l-ajruplani li jkunu jissodisfaw il-kondizzjonijiet neċessarji bi ftit, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw minflok il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KEE) 2408/92 fl-ajruport li jkun qed jiġi kkunsidrat:

(a) sitt xhur wara t-tlestija ta' l-istudju u d-deċiżjoni fuq l-introduzzjoni ta' restrizzjoni fuq l-operat, m'għandhomx jitħallew isiru servizzi aktar minn dawk mħaddma fil-perjodu korrispondenti tas-sena ta' qabel b'ajruplani li jkunu jissodisfaw il-kondizzjonijiet neċessarji bi ftit f'dak l-ajruport;

(b) mhux anqas minn sitt xhur wara dan, kull operatur jista' jkun mitlub li jnaqqas in-numru ta' movimenti ta' l-ajruplani tiegħu li jkunu jilħqu l-kondizzjonjiet neċessarji bi ftit li jkunu jaqdu dak l-ajruport b'rata annwali ta' mhux aktar minn 20 % tan-numru totali inizzjali ta' dawn il-movimenti.

2. Bla ħsara għar-regoli fuq kif issir l-istima ta' l-Artikolu 5, l-ajruporti fl-ibliet elenkati fl-Anness I jistgħu jintroduċu miżuri li huma aktar stretti, f'dak li għandu x'jaqsam mad-definizzjoni ta' ajruplani li jissodisfaw il-kondizzjonijiet neċessarji bi ftit diment li dawk il-miżuri ma jeffettwawx l-ajruplani bil-jet subsoniċi ċivili li jkunu konformi, jew permezz ta' ċertifikazzjoni oriġinali jew ċertifikazzjoni mill-ġdid, ma' l-istandards ta' ħoss fil-Volum 1, Part II, Kapitolu 4 sa 16 tal-Konvenzjoni fuq l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali.

L-Artikolu 7

Ir-restrizzjonijiet fuq l-operat eżistenti

L-Artikolu 5 m'għandux japplika:

(a) ir-restrizzjonijiet fuq l-operat li jkunu ġà ġew stabbiliti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva;

(b) tibdiliet tekniċi żgħar parzjali fuq ir-restrizzjonijiet fuq l-operat li ma jinvolvux spejjes konsiderevoli għal-linja ta' l-ajru fi kwalunke ajruport tal-Komunità li jkunu ġew introdotti wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-direttiva.

L-Artikolu 8

L-eżenzjonijiet għall-ajruplani rreġistrati fil-pajjiżi li jkunu qed jiżviluppaw

L-ajruplani li jkunu jikkonformaw bi ftit irreġistrati f'pajjiżi li jkunu qed jiżviluppaw għandhom, għal perjodu ta' għaxar snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, jkunu eżenti mid-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 6, diment li:

(a) ajruplani bħal dawn, li ngħataw ċertifikati tal-ħoss skond l-istandards speċifikati fil-Volum 1, Parti II, Kapitolu 3 ta' l-Anness 16 għal Konvenzjoni fuq l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, jkunu ġew użati fl-ajruport ikkonċernat bejn l-1 ta' Jannar 1996 u l-31 ta' Diċembru 2001 ("ir-referenza"), u

(b) dawn l-ajruplani kienu, fil-perjodu ta' referenza, fuq ir-reġistru tal-pajjiż li qed jiżviluppa kkonċernat u li jkompli jiġu operati minn persuna fiżika jew legali stabbilita f'dak il-pajjiż.

L-Artikolu 9

Eżenzjoni mhux tas-soltu għall-operazzjonijiet ta' ajruplani

F'każijiet individwali, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, fl-ajruporti li jkunu jinsabu fit-territorju tagħhom, l-operazzjonijiet individwali ta' ajruplani li jkunu konformi bi ftit li ma setgħux isiru fuq il-bażi tad-disposizzjonijiet l-oħra ta' din id-Direttiva.

Din l-eżenzjoni hija llimitata għal:

(a) dawk l-ajruplani li t-tħaddim individwali tagħhom huwa xi ħaġa tant rari li ma jkunx raġonevoli jekk ma tingħatax eżenzjoni temporanja;

(b) l-ajruplani fuq titjiriet li ma jkunx fihom qligħ sabiex isiru alterazzjonijiet, tiswijiet jew manteniment.

L-Artikolu 10

Il-konsultazzjoni u t-trasparenza

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-applikazzjoni ta' l-Artikoli 5 u 6, il-proċeduri għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati jkunu stabbiliti skond il-liġi nazzjonali li tkun tapplika.

L-Artikolu 11

Avviż minn qabel

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta tiġi introdotta kull restrizzjoni fuq l-operazzjonijiet ġdida jingħata avviż pubbliku, li jinkludi spjegazzjoni tar-raġunijiet għalfejn tkun ġiet introdotta li jieħdu kont ta' l-elementi addattati għal metodu bilanċjat, lill-partijiet kollha interessati:

(a) sitt xhur qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżuri li ssir riferenza għalihom fl-Artikolu 6(1)(a);

(b) sena qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżuri li ssir riferenza għalihom fl-Artikolu 6(1)(b) u (2);

(ċ) fil-każ tal-miżuri taħt l-Artikolu 6, xahrejn qabel il-konferenza fejn isiru l-iskedi għall-perjodu li fih isiru l-iskedi relevanti-.

2. L-Istati Membri għandhom minnufih jinformaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b'kull restrizzjoni fuq l-operat ġdida skond it-tifsira ta' din id-Direttiva li jkun ddeċidew li jintroduċu f'ajruport fit-territorju tagħhom.

L-Artikolu 12

Id-dritt ta' appell

L-Istati Membri għandhom jiżguraw id-dritt ta' appell kontra l-miżuri meħuda skond l-Artikolu 6 u l-Artikolu 7(b) quddiem bord ta' appell li ma jkunx l-awtorità li tkun adottat il-miżura kkontestata, skond il-leġislazzjoni u l-proċedura nazzjonali.

L-Artikolu 13

Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat mwaqqaf permezz ta' l-Artikolu 11 tar-Regolament (KEE) Nru 2408/92.

2. Il-Kumitat għandu jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni fuq kull materja li għandha x'taqsam l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

3. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċizjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, wara li jiġu kkunsidrati d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

4. Il-Kumitat għandu jieħu nota ta' l-istimi li jkunu saru mill-Istati Membri skond l-Artikolu 5, u tal-miżuri meħuda, jew li kien hemm ħsieb li jittieħdu, fuq il-bażi ta' dawk l-studji.

L-Artikolu 14

L-informazzjoni u r-reviżjoni

L-Istati Membri għandhom jissottomettu l-informazzjoni fuq l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva lill-Kummissjoni meta jiġu mitluba.

Mhux aktar tard minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva l-Kummissjoni għandha tagħmel rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

Dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn ikun hemm bżonn, minn proposti għar-reviżjoni ta' din id-Direttiva.

Għandu jkun fih studju ta' l-effettività ta' din id-Direttiva, b'mod partikulari l-bżonn li tiġi riveduta d-definizzjoni ta' ajruplani li jkunu konformi bi ftit kif stabbilit fl-Artikolu 2(d) favur kondizzjonijiet meħtieġa aktar stretti.

L-Artikolu 15

Ir-revoka

Ir-Regolament (KE) Nru 925/1999 għandu jkun abrogat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

L-Artikolu 16

L-implimentazzjoni

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti, u d-disposizzjonjiet neċessarji sabiex ikun hemm konformità ma' din id-Direttiva sat-28 ta' Settembru 2003 mill-aktar tard. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'referenza ta' dan it-tip fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-Artikolu 17

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 18

L-indirizzati

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-26 ta' Marzu 2002.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

F. Álvarez-Cascos Fernández

[1] ĠU Ċ 75, E 26.3.02, p. 318.

[2] Opinjoni mogħtija fl-20 ta' Marzu 2002 (għada mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] Opinjoni mogħtija f-14 ta' Marzu 2002 (għada mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] Opinjoni tal-Prlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2002 (għada mhix applikati fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Marzu 2002.

[5] ĠU L 76, 23.3.1992, p. 21. Direttiva kif l-aħħar emendata permezz tar-Regolament (KE) Nru 991/2001 (ĠU L 138, 22.5.2001, p. 12).

[6] ĠU L 240, 24.8.92, p. 8.

[7] Din id-Direttiva qed tiġi mfassla u għandha tapplika wara l-adozzjoni tagħha.

[8] ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40. Direttiva kif emendata permezz tad-Direttiva 97/11/KE, (ĠU L 73, 14.3.1997, p. 5).

[9] ĠU L 184, 17.7.99, p. 23.

[10] ĠU L 115, 4.5.99, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS I

L-elenku ta' l-ajruporti fl-ibliet

Berlin-Tempelhof

Stockholm Bromma

London City

Belfast City

--------------------------------------------------

ANNESS II

L-Informazzjoni li ssir riferenza għaliha fl-Artikolu 5(1)

1. L-inventarju preżenti

1.1. Deskrizzjoni ta' l-ajruport inkluża l-informazzjoni dwar il-wisa' u l-pożizzjoni tiegħu, dak li jkun hemm madwaru, il-volum u l-kompożizzjoni tat-traffiku ta' l-ajru u t-ta' min juża r-runway.

1.2. Deskrizzjoni ta' l-għanijiet ambjentali għall-ajruport u l-kuntest nazzjonali.

1.3. Id-dettalji tal-profil tal-ħoss għas-sena attwali u dik ta' qabel - inkluż studju tan-numru ta' nies milquta mill-ħoss ta' l-ajruplani. Deskrizzjoni tal-metodu ta' komputazzjoni użat għall-iżvilupp tal-profili.

1.4. Deskrizzjoni tal-miżuri sabiex jitnaqqas il-ħoss ta' l-ajruplani li ġà ġew implimentati: per eżempju, l-informazzjoni fuq l-ippjanar u l-amministrazzjoni ta' l-użu ta' l-art; il-programmi ta' insulazzjoni tal-ħoss; il-proċeduri ta' operazzjoni bħall-PANS-OPS; ir-restrizzjonijiet fuq l-operazzjonijiet bħal-limiti tal-ħoss, il-limiti ta' bil-lejl/il-kerfju, ir-rotot tal-ħoss preferiti/it-teħid ta' rekords ta' dawn, u l-monitoraġġ tal-ħoss.

2. It-tbassir mingħajr miżuri ġodda

2.1. Deskrizzjoni ta' l-iżviluppi fl-ajruporti (jekk ikun hemm) li jkunu ġà ġew approvati u fil-programm, per eżempju, iż-żieda fil-wisa', ir-runway u/jew l-espansjoni, u fil-futur il-kompożizzjoni tat-traffiku u l-espansjoni stmata.

2.2. Fil-każ ta' l-estensjoni tal-wisa' ta' l-ajruporti, il-benefiċċji li dik il-wisa' addizzjonali ssir.

2.3. Deskrizzjoni ta' l-effett fuq l-ambjent tal-ħoss mingħajr miżuri ulterjuri, u ta' dawk il-miżuri ġà ppjanati sabiex inaqqsu l-impatt tal-ħoss fuq l-istess perjodu.

2.4. Il-profili tal-ħoss mbassra - inkluż stima tan-numru ta' nies li x'aktarx ikunu effettwati mill-ħoss ta' l-ajruplani - jagħmlu distinzjoni bejn iż-żoni residenzjali u ż-żoni residenzjali li jkunu għadhom kemm inbnew.

2.5. L-evalwazzjoni tal-konsegwenzi u l-impatt ekonomiku jekk ma tittiħidx azzjoni sabiex jitnaqqas l-impatt tal-ħoss miżjud- jekk ikun mistenni li jiġri.

3. L-istudju tal-miżuri addizzjonali

3.1. Skema tal-miżuri addizjonali disponibbli bħala parti mill-għażliet differenti msemmija fl-Artikolu 4(1) u b'mod partikolari indikazzjoni tar-raġunijiet prinċipali għall-għażla tagħhom. Deskrizzjoni ta' dawk il-miżuri magħżula għal analiżi ulterjuri u informazzjoni aktar kompleta fuq l-impatt ekonomiku ta' l-introduzzjoni ta' dawk il-miżuri; in-numru ta' nies mistennija li jibbenefikaw; u klassifikazzjoni ta' l-effettività globali tal-miżuri partikolari.

3.2. Studju tan-nefqa/effettività jew nefqa/benefiċċju ta' l-introduzzjoni ta' miżuri speċifiċi, wara li jittieħed kont ta' l-effetti soċjo-ekonomiċi tal-miżuri fuq dawk li jużaw l-ajruport: l-operaturi (il-passiġġieri u t-tagħbija); il-vjaġġaturi u l-komunitajiet lokali.

3.3. Deskrizzjoni qasira ta' l-effetti ambjentali u kompetittivi possibbli tal-miżuri proposti fuq ajruporti oħrajn, l-operaturi u l-partijiet interessati.

3.4. Ir-raġunijiet għall-għażla ta' l-alternattiva preferita.

3.5. Taqsira mhux teknika.

4. Ir-relazzjoni mad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-istima u l-amministrazzjoni tal-ħoss fl-ambjent

4.1. Meta u fejn ikunu ġew ippreparati mapep tal-ħoss ikunu ġew ippreparati skond it-termini tad-Direttiva msemmija dawn jiġu użati sabiex tiġi pprovduta l-informazzjoni mitluba f'dan l-Anness.

4.2. L-istima tal-ħoss (jiġifieri t-twaqqif ta' profili tal-ħoss u n-numru ta' nies effettwati) għandu jsir mill-anqas bl-użu ta' mill-anqas l-indikaturi ta' ħoss minimu Lden u Lnight kif jingħad fid-Direttiva msemmija hawn fuq.

--------------------------------------------------

Top